MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

   

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

 NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LILL-KANDIDAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin huma marbutin li jħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000

 

L-Ewro – mhux qegħdin jgħidu l-verità

 

Minkejja li l-kumitat responsabbli għall-bidla tal-Lira Maltija għall-Ewro (NECC) għaddej bi propaganda sfrenata li qiegħda tiswa eluf kbar ta’ liri (f’din is-sena, Lm700,000) biex jipprovaw jilluppjaw lill-poplu Malti bid-dħul ta’ l-Ewro fl-1 ta’ Jannar 2008 “se tinbidel biss il-munita u mhux il-prezzijiet”, fil-verità dak il-kumitat jaf li dak li qegħdin jgħidu mhu veru xejn. 

 

U, bħal ma nħobbu nagħmlu aħna tas-CNI, se nġibulkom il-provi.

Mela fir-reklami li taraw jew tisimgħu, dejjem isemmu li għall-ewwel sitt xhur, in-negozjanti b’liġi se jkunu obbligati li juru l-prodotti li jbiegħu biż-żewġ prezzijiet – bil-Lira Maltija u bl-Ewro. 

 

Imma dwar is-servizzi mhux qegħdin jispjegaw kif min joffri servizz jista’ juri l-prezz jew it-tariffa tiegħu biż-żewġ prezzijiet.

 

Prezz wieħed għas-servizzi

 

Nies li jagħtu servizz lill-poplu hawn eluf kbar u dawn jaqgħu taħt ħafna kategoriji. 

 

Ħalli nsemmu ftit biss: tobba, avukati, periti, dentisti, bajjada, ‘plumbers’, ‘electricians’, ‘mechanics’, fizjoterapisti, għalliema li jagħtu l-privat, ‘hair-dressers’, ‘TV technicians’, eċċ. 

 

Semmejna kategoriji li l-poplu spiss ikollu bżonn is-servizz tagħhom.

Kif jista’ dan il-kumitat (NECC) isib xi soluzzjoni kif dawn il-kategoriji ta’ ‘self-employed’ li joffru servizz, jibqgħu jżommu l-istess prezz jew tariffa li jżommu llum bil-Lira Maltija? 

 

U kif se juru l-prezz jew it-tariffa? 

 

Forsi se jġiegħluhom idendlu tabella ma’ għonqhom biż-żewġ prezzijiet? 

 

Kif jistgħu jiffissaw il-prezz jew it-tariffa meta jiddependi mill-ammont jew il-kwalità ta’servizz li jkunu tawk?

 

Tan-NECC bla tweġiba

 

Biex nikkonfermaw dan, ċempilna l-linja ta’ l-Ewro 154 u ħallejna messaġġ biex iċemplulna lura ħalli jgħidulna għandhomx soluzzjoni. 

 

L-uffiċjal responsabbli tal-kumitat tan-NECC tfixkel xi ftit meta staqsejnih x’se jagħmlu fil-każ ta’ dawn il-kategoriji ta’ nies li joffru servizz biex il-poplu jkun jaf it-tariffa jew prezz tagħhom biż-żewġ prezzijiet.

It-tweġiba ta’ dan l-uffiċjal, li nduna li ġie b’dahru mal-ħajt, kienet: “Ħeqq, dawn ma għandhomx prodotti fuq hiex iqiegħdu l-prezzijiet”. 

 

Qalilna li però, qegħdin jiltaqgħu ma’ l-avukati (naħsbu ried jgħid mal-Kamra ta’ l-Avukati) u “jinnegozjaw magħhom billi jitolbuhom ma jgħollux it-tariffi tagħhom”.

Araw kif dawn jistgħu jżommu l-istess tariffa. 

 

Biex jagħmlu dan, ikollhom iżommu fuqhom turrun ta’ ċenteżmi ta’ l-Ewro meta fl-1 ta’ Jannar, 2008 tispiċċa l-lira Maltija, biex ikunu jistgħu jagħtu l-bqija.

 

Kulħadd iżomm għad-dritt

 

Immaġinaw tabib li normalment jiċċargja Lm4 ta’ viżta. 

 

Bl-Ewro din tiġi 9.31 Ewro. 

 

Xi ħadd jemmen li lill-pazjent it-tabib se jitolbu 9 Ewro u 31 ċenteżmi, u mhux ta’ l-inqas 9 Ewro u 50 ċenteżmi, u x’aktarx iva milli le, jitolbu 10 Ewro għad-dritt? 

 

M’hemm xejn fil-liġi li tgħid li t-tobba ma jistgħux jiċċarġjaw aktar milli qegħdin jiċċarġjaw illum.

L-istess jekk tmur għand avukat għal parir legali. 

 

Taħsbu li dan jekk illum ser jitolbok Lm5 tal-parir, meta tidħol l-Ewro se jitolbok 11 l-ewro u 64 ċenteżmi li hija r-rata uffiċjali tal-kambju) u mhux se jitolbok 12 l-Ewro għad-dritt? 

 

U l-istess jekk tirċievi xi servizz ieħor.

Żgur li ħadd ma jemmen li t-tobba, l-avukati, id-dentisti u dawk kollha li jagħtu servizz se jnaqqsu l-prezz jew it-tariffa tagħhom ħalli jiġu għad-dritt u ma jkollhomx bżonn joqogħdu jagħtu l-bqija. 

 

Mela żgur li dawn se jgħollu t-tariffa jew il-prezz biex jiġu għad-dritt ma’ l-ewro.

 

M’hemmx kontroll tal-prezzijiet

 

Ma ninsewx li fl-Unjoni Ewropea kontrolli tal-prezzijiet ma jeżistux għax is-suq ħieles huwa l-alla tal-burokratiċi ta’ l-Unjoni. 

 

Għalhekk dawn il-kampanji kollha biex jimpressjonaw lill-poplu li bil-bidla mil-Lira Maltija għall-Ewro “se tinbidel biss il-munita u mhux il-prezzijiet”, hija kollha teatrin. 

 

Huwa anki meta kellna prezzijiet fissi ta’ prodotti u kellna l-pulizija tal-kontroll, kuljum konna nisimgħu b’każi ta’ ksur tal-liġi għax jgħollu l-prezzijiet aktar minn dawk iffissati mil-liġi, sejrin issa, meta f‘pajjiżna ma jistax ikollna kontroll fuq il-prezzijiet għax isseħibna fl-Unjoni Ewropea, sejrin il-prezzijet ma jogħlewx?

Għalhekk ngħidulhom lill-Gvern u lis-sinjuri tan-NECC, toqogħdux tipprovaw tgħaddu lill-Maltin u l-Għawdxin minn għajn il-labra. 

 

Għidu l-verità li ħafna mill-prezzijiet u tariffi se jogħlew bid-dħul ta’ l-Ewro.

 

F’pajjiżna jikkmandaw il-barranin ta’ l-UE

 

Il-Prim Ministru, il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari tagħna telgħin u niżlin Brussels ħalli jieħdu l-ordnijiet mingħand l-Unjoni Ewropea u mbagħad jiġu jgħidu lill-poplu kemm stmawhom u semgħu minnhom ta’ l-Unjoni. 

 

Din il-kummiedja tirrepeti ruħha kważi kull ġimgħa u spiss jittieħdu wkoll ġurnalisti Maltin ħalli jirrapportaw dak in-nhar stess fejn marru r-rappreżentanti tagħna, ma’ min iltaqgħu, x’qalu li huma qalu u x’qalulhom, ma’ min kielu u ma’ min ħadu ritratti. 

 

Il-poplu tagħna jibla’ dik il-propaganda u jħallas għaliha bit-taxxi tiegħu.

Jgħidulna li b’hekk issa sirna parti mill-Ewropa u jinsew li ftit ta’ snin ilu kienu jiftaħru fil-paniġierki li pajjiżna kien “sentinella avvanzata taċ-ċiviltà Ewropea kontra l-barbariżmu Asjatiku Afrikan”.

Jinsew li l-Maltin kienu meqjusin bħala ċittadini ta’ Ruma meta nofs il-pajjiżi ta’ l-Ewropa kienu għadhom meqjusin bħala barbari (mhux ċivilizzati).

Wara, ħlief għal 200 sena taħt ħakma Għarbija, għal mijiet kbar ta’ snin dejjem tmexxejna minn ġnus Ewropej u għamilna parti mill-Ewropa tal-Punent. 

 

Ġeografikament u storikament nagħmlu parti mill-kontinent Ewropew, u ma kellniex bżonn nissieħbu fl-Unjoni Ewropea biex insiru parti mill-Ewropa.

Dan ngħiduh mhux bi ftaħir, għax mhux ħaġa li nistgħu niftaħru biha li aħna Ewropej, meta ħafna mill-popli Ewropej għandhom għax jistħu għal kemm ħakmu popli oħra, ħadulhom ġidhom u għassruhom għal sekli sħaħ.

 

L-entużjażmu sfrenat għall-Unjoni Ewropea ta’ ħafna fostna huwa xempju ta’ xenofobija xejn inqas minn dik tal-fanatiċi tal-lemin u wassalhom biex irmew l-indipendenza u l-ħelsien li ksibna b’tant sagrifiċċji wara tant sekli ta’ ħakmiet barranin. 

 

Erġajna lura għall-era kolonjali, mmexxijin din id-darba mill-pajjiżi kbar u setgħana ta’ l-Unjoni Ewropea, moqdijin mill-mexxejja Maltin li jiżfnu għad-daqq tagħhom bit-tikketta ta’ l-Unjoni Ewropea, skond il-partitura tal-liġijiet, regolamenti u direttivi ta’ l-Unjoni.

Għall-mexxejja tagħna tal-lum l-ewwel tiġi l-Ewropa u mhux Malta, minkejja li għall-magġġoranza tal-Maltin pajjiżna jiġi qabel il-pajjiżi l-oħra. 

 

Il-maġġoranza tal-Maltin ma tistax tifhem kif, għax aħna sseħibna fl-Unjoni Ewropea, il-maġġoranza tal-popli ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt iġiegħluna nagħmlu liġijiet li jaqblu magħhom huma iżda li l-maġġoranza tal-Maltin ma jaqblux magħhom.

Dan imur kontra l-prinċipju fondamentali tas-sistema parlamentari demokratika tagħna li tagħraf li l-poplu tagħna għandu jitmexxa skond ir-rieda tal-maġġoranza tal-poplu tagħna mfissrin fl-elezzjoni.

Meta jkollna noqogħdu għal-liġijiet li jsiru skond ma trid il-maġġoranza tal-popli ta’ l-Unjoni, iżda li l-maġġoranza tal-poplu tagħna ma taqbilx magħhom, inkunu qegħdin nagħtu prova li rajna ma baqax f’idejna u li erġajna sirna maħkumin mill-barranin.

Issa l-Unjoni Ewropea waslet biex iġġiegħlna ma napplikawx il-liġijiet tagħna f’pajjiżna stess għal dawk li jiġu mill-pajjiżi ta’ l-Unjoni biex jagħtu s-servizzi tagħhom f’pajjiżna.

 

Skond id-direttiva ta’ l-Unjoni dwar is-servizzi, persuna jew kumpanija minn waħda mill-pajjiżi ta’ l-Unjoni li tagħti s-servizzi tagħha f’Malta, ma hiex marbuta bil-liġi Maltija iżda hija marbuta bil-liġi tal-pajjiż tagħha. 

 

Dan ifisser li kumpanija Bulgara, per eżempju, li tibgħat il-ħaddiema jew l-impjegati tagħha jaħdmu f’Malta, ma jkollhiex l-obbligu li tħallashom skond il-liġijiet Maltin, iżda hija tkompli tħallashom skond dawk Bulgari. 

 

Dan joħloq kompetizzjoni nġusta għall-imprendituri, ħaddiema u impjegati Maltin, waqt li joħolqu stat fejn il-liġijiet tagħna ma japplikawx għal kulħadd, Maltin u barranin, bl-istess mod. 

 

U dan mhux għax aħna rridu li jsir hekk, iżda għax l-Unjoni Ewropea trid li jsir hekk. 

 

F’pajjiżna ma bqajniex nikkmandaw aħna.

 

Il-Ħamis, 18 ta’ Jannar, 2007.

<< Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-  

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ