MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

NAHDMU BIEX NEHILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIZMU U L-HAKMA ILLEGALI TA' L-UNJONI

Mill-Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI

L-istraġi tas-Sea Malta u l-UE

Fl-istraġi tas-Sea Malta għandhom ħtija kemm il-Gvern Malti kif ukoll l-Unjoni Ewropea.

Għax il-Gvern bla sinsla aċċetta dak li trid l-Unjoni li jżarma l-kumpaniji tal-poplu u jgħaddi n-negozju tagħhom lill-privat.

Din hija l-politika meskina ta' l-Unjoni li ċċahhad lill-poplu kollu mill-qligħ tal-kumpaniji biex il-qligħ jiehdu l-privat.

Il-Gvern Malti wasal biex jgħid li huwa llegali li jgħin kumpanija nazzjonali tal-poplu li tikkompeti ma' kumpaniji tal-privat.

Ma għandna ebda liġi Maltija li tagħmel dan illegali.

Hija biss l-Unjoni Ewropea li tgħid li dan ma għandux iseħħ.

B'danakollu, pajjiżi kbar li ilhom madwar 50 sena fl-Unjoni Ewropea, xorta waħda jħossu l-ħtieġa li jgħinu lill-kumpaniji ħalli jkomplu jmexxu, avolja l-għajnuna tal-gvern titqies li tistorna l-kompetizzjoni bejn il-kumpaniji mgħejjuna u kumpanji oħrajn kompetituri tagħhom.

Għadu kif sar magħruf li l-Gvern Ġermaniz jagħti 17-il biljun euro f'sussidji lill-kumpaniji kummerċjali, Franza tagħti f'sussidji lill-kumpaniji kummerċjali disa' biljun euro, u l-Italja tħallas seba' biljun euro f'sussidji lill-kumpaniji kummerċjali.

Il-Gvern Malti, meta jaf b'dan kollu, jħobb jistqarr li s-sistema ta' għajnuna governattiva lill-kumpaniji kummerċjali hija sistema qadima u li llum pajjiżi moderni ma jħaddmuhiex.

Il-Gvern Malti huwa għal kollox żbaljat meta biex jogħġob lill-Unjoni Ewropea, ma jagħtix kull għajnuna li jkollhom bzonn ħalli jkomplu jmexxu u jżommu fl-impjieg l-ħaddiema tagħhom.

Il-kumpanji barranin li magħhom il-kumpaniji f'Malta jikkompetu, joperaw f'ċirkostanzi differenti minn dawk ta' Malta u jgawdu minn ħafna vantaġġi li l-kumpaniji f'Malta ma għandhomx u għandhom spejjeż inqas milli għandhom il-kumpaniji f'Malta.

L-ammont ta' investimenti mill-Maltin huwa żgħir ħafna meta tqabblu ma' l-ammonti ta' investimenti li jsiru f'pajjiżi oħra ta' l-Unjoni Ewropea.

Għalhekk jeħtiġilna ngħinu lill-kumpaniji li għandna ħalli jkomplu joperaw, għax jekk jieqfu, ftit għandna opportunità biex jitwaqqfu kumpaniji oħrajn ħalli jipprovdu l-postijiet tax-xogħol għall-ħaddiema tagħna.

Fil-każ tas-Sea Malta, id-deċiżjoni tal-Gvern li jxoljiha, kienet żball kbir għal ħafna raġunijiet.

Barra mill-fatt li l-Gvern illiċenzja mill-impjieg 144 ħaddiem bix-xoljiment tas-Sea Malta, huwa tellef lill-pajjiż id-dħul li s-Sea Malta kienet tagħmel min-noll li kienet iddaħħal għat-trasport tal-merkanzija.

In-noll li s-Sea Malta kienet iddaħħal mill-merkanzija li kienet iġġib lejn Malta u li kien jitħallas mill-importaturi, kien jibqa' f'pajjiżna permezz tal-pagi tal-ħaddiema Maltin tas-Sea Malta.

Issa n-noll imħallas mill-importaturi f'Malta lill-imprenditur barrani li ħa n-negozju tas-Sea Malta, se jmur għand l-imprenditur barrani u jmur fil-bwiet tal-baħħara barranin ta' l-imprenditur barrani.

L-istess diskors jista' jingħad għall-merkanzija esportata minn Malta.

In-noll li kienet iddaħħal is-Sea Malta kien jitħallas mill-barranin li kienu jixtru minn Malta u jmur fil-bwiet tal-baħħara u l-ħaddiema l-ohra Maltin tas-Sea Malta.

Issa n-noll li l-barranin iħallsu għall-esportazzjoni tal-merkanzija minn Malta, jmur għand l-imprenditur barrani li ħa n-negozju tas-Sea Malta u għand il-baħħara barranin tiegħu.

Il-ħaddiema u l-baħħara tas-Sea Malta li mhux se jsibu impjieg alternattiv, barra t-tbatijiet tagħhom u tal-familji tagħhom, se jkunu wkoll piż fuq il-pajjiż u l-Gvern mhux se jiġbor il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u t-taxxi li kien jigbor mingħandhom.

Dan it-telf kollu għall-pajjiż qiegħed iseħħ b'kapriċċ tal-Prim Ministru Gonzi u l-Ministru Gatt li bid-deċiżjonijiet ħżiena tagħhom qerdu l-kumpanija tas-Sea Malta, basta jogħġbu lill-Unjoni Ewropea.

Għaliex il-Ministru Gatt għandu jirriżenja

Fil-konferenza ta' l-aħbarijiet li s-CNI tat kmieni din il-ġimgħa, iċ-Chairman tas-CNI, Karmenu Mifsud Bonnici, saħaq fuq il-ħtija ta' l-Unjoni Ewropea għat-tkissir tas-Sea Malta u d-dmir li l-Ministru Austin Gatt għandu li jirriżenja minħabba l-falliment tal-privatizzazzjoni tas-Sea Malta.

Intqal li l-Ministru Gatt għandu jirriżenja għal diversi raġunijiet.

Huwa kellu l-inkarigu li jipprivatizza s-Sea Malta, jiġifieri jbiegħ l-isħma tal-Gvern lill-privat.

Huwa falla f'dan l-inkarigu.

Il-Ministru Gatt kellu d-dmir li jdaħħal kemm jista' flus mill-privatizzazzjoni tas-Sea Malta u mill-bejgħ ta' l-isħma tal-Gvern.

Huwa ma rnexxilux idaħħal ċentezmu wieħed, minħabba d-deċiżjoni bla kuxjenza li ħa li jxolji s-Sea Malta.

Agħar minn hekk, il-Ministru Gatt ta rigal u b'xejn in-negozju u x-xogħol li kienet tagħmel is-Sea Malta.

In-negozju u x-xogħol tas-Sea Malta kien tal-poplu Malti kollu u l-Ministru Gatt mingħajr ebda dritt, qabad u tahom b'xejn, minflok tħallas tagħhom.

Meta Grimaldi rtira l-offerta li jixtri l-isħma li l-Gvern kellu fis-Sea Malta, il-Ministru Gatt kellu d-dmir li jfittex xerrej ieħor, anki jekk dan kien se jagħmillu offerta inferjuri għal dik ta' Grimaldi.

Minflok aġixxa b'dan il-mod kif kellu jagħmel, il-Ministru Gatt qabad u ta n-negozju u x-xogħol b'xejn lil Grimaldi li sfratta l-offerta li jixtri l-isħma.

Il-Ministru Gatt kellu d-dmir sagrosant li jiżgura li min jieħu n-negozju u x-xogħol tas-Sea Malta, jieħu miegħu l-akbar numru ta' ħaddiema tas-Sea Malta.

Minflok żgura li dan iseħħ, il-Ministru ta s-setgħa lil Grimaldi li ma jieħu lil ħadd f'impjieg miegħu mill-ħaddiema li kienu impjegati mas-Sea Malta.

Għalhekk huwa sar responsabbli għas-sensji ta' 144 ħaddiema.

Grimaldi ma riedx jonora l-ftehim kollettiv tal-baħħara tas-Sea Malta.

Il-Ministru Gatt kellu d-dmir jinsisti ma' Grimaldi li jħares il-ftehim kollettiv.

Minflok, huwa appoġġja lil Grimaldi li jikser il-ftehim kollettiv u jbiddel il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-baħħara tas-Sea Malta.

B'dan il-mod il-Ministru Gatt għen biex tinkiser il-liġi li tgħid li s-sidien ma jistgħux ma jonorawx il-ftehim kollettiv.

Minflok għen lill-General Workers' Union ħalli din tfiehem lill-baħħara tas-Sea Malta jagħmlu kompromess dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, huwa insulenta lill-baħħara li kellhom dritt skond il-liġi ma jħallux jinbidlu arbitrarjament minn Grimaldi l-kundizzjonijiet tal-ftehim kollettiv tagħhom.

Lil Grimaldi l-Ministru Gatt kien wegħdu li jeħodlu 76 ħaddiema mis-Sea Malta u jħalli biss 68 mal-kumpanija mixtrija minn Grimaldi.

Kieku l-Ministru Gatt iffranka lis-Sea Malta l-pagi ta' 76 ħaddiema kif huwa ftiehem li jagħmel lil Grimaldi, is-Sea Malta żgur kienet tinxtara minn ħaddiehor, jew, aħjar, żgur setgħet tkompli taħdem bi profitt kbir.

Fil-każ tal-Public Broadcasting Services, tal-Malta Drydocks, tal-Marsa Shipbuilding, tal-Medigrain u tal-Malta Development Corporation, il-Ministru Gatt kien ftiehem li l-impjegati li riedu jirtiraw u jieħdu t-terminal benefits, setgħu jagħmlu dan.

Iżda mingħajr ebda ġustifikazzjoni, il-Ministru Gatt ċaħħad lill-baħħara tas-Sea Malta li jieħdu t-terminal benefits u jirtiraw mill-impjieg.

Skond il-liġi tar-Relazzjonijiet Industrijali, min jieħu n-negozju ta' kumpanija li ma tkomplix topera, huwa obbligat iżomm fl-impjieg, bl-istess kundizzjonijiet, l-impjegati tal-kumpanija li tieqaf topera.

Il-Ministru Gatt minflok obbliga lil Grimaldi josserva l-liġi, ħelsu minn dan l-obbligu legali.

Meta ta n-negozju u x-xogħol tas-Sea Malta b'xejn lil Grimaldi, il-Ministru Gatt għamel att frawdolenti bi ksur tal-liġi tal-kumpaniji.

Skond din il-liġi, ma tistax fi żmien sitt xhur qabel ixxolji kumpanija, tagħmel transazzjoni li biha tnezza lill-kumpanija minn xi gid jew dritt li jkollha.

In-negozju u x-xogħol tas-Sea Malta jiswa flus kbar.

Il-Ministru Gatt għamel att frawdolenti meta tahom lil Grimaldi qabel ix-xoljiment tas-Sea Malta.

B'hekk, barra li nsteraq il-poplu Malti, seħħ dannu lill-kredituri tas-Sea Malta, li fosthom hemm il-ħaddiema tagħha li għandhom dritt jitħallsu t-terminal benefits.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, iċ-Chairman tas-CNI, fil-konferenza ta' l-aħbarijiet, sostna li d-diċenza titlob li l-Ministru Gatt jirriżenja għax żbalja u falla bl-ikraħ.  

Ġurament ta' lealta` li jieħdu l-Membri Parlamentari kollha

 

Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li nkun tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r- Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. (Hekk Alla jgħini).

 

Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.

 

Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment u skond il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skond il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta, mingħajr biża’ jew favur. ( Hekk Alla jgħini).

 

Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ President.

 

Jiena ..............................................., solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta’ President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta’ Malta, u li, skond l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. (Hekk Alla jgħini).

 

Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta

 

6. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) ta’ l-artikolu 47 u ta’ l-artikolu 66 ta’ din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.

 

Artiklu I-6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea

 

Dritt ta' l-Unjoni

Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri.

 

Tista' tafda lil min KISER il-ĠURAMENT tiegħu/tagħha?

 

Is-Sibt, 17 ta’ Diċembru, 2005. 

<< Lura http://www.cnimalta.org/2005.html 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat Lm2 flimkien ma' din il-formola liċ- 

Chairman CNI,

Dr Karmenu Mifsud Bonnici LL.D.

81, Triq Ġuże Pace,

Ħamrun.

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ