MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha

€182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

minn Karmenu Mifsud Bonnici KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

Ittradejna l-indipendenza li kien kiseb pajjiżna

 

Ittradejna l-indipendenza ta’ pajjiżna meta vvotajna favur l-'integration' fl-Unjoni Ewropea.

 

Għax is-sħubija fl-Unjoni reġgħet għamlitna dipendenti mill-barranin.

 

F’ħafna oqsma importanti,

* nitmexxew mhux aktar bħal meta konna poplu indipendenti,

* skont ir-rieda tal-maġġoranza tal-Maltin,

* iżda jkollna nimxu skont ma tiddeċiedi l-maġġoranza tal-barranin tal-UE.

 

Is-sħubija fl-Unjoni ċaħditna mill-indipendenza, u nkunu qegħdin nidħku bina nfusna meta niċċelebraw l-Indipendenza li partatna mas-sħubija.


Għax ma għadniex indipendenti,

* il-Gvern ma jistax jimxi b’politika ekonomika li tgħodd għaċ-ċirkostanzi tagħna,

* iżda jkollu jwettaq politika dettata mill-Unjoni Ewropea li ma tgħoddx għal pajjiżna.

 

Minn żmien l-Indipendenza sa ma sseħibna fl-Unjoni, il-Gvernijiet tagħna dejjem fehmu li l-għixien tagħna jiddependi mid-dħul li ndaħħlu mill-bejgħ tal-prodotti u tas-servizzi lill-barranin.

 

Għalhekk jeħtiġilna nkunu kompetittivi, u biex inkunu kompettitivi jeħtieġ inrażżnu l-għoli tal-ħajja u l-ispejjeż tal-produzzjoni.


Biex inrażżnu l-għoli tal-ħajja u l-ispejjeż tal-produzzjoni,

* u biex il-kotra tal-poplu timxi ’l quddiem ekonomikament u soċjalment,

* il-Gvernijiet ta’ pajjiżna meta kien indipendenti,

* dejjem imxew b’politika ta’ sussidji tas-servizzi essenzjali,

* kemm dawk ipprovduti mill-Istat,

* kif ukoll dawk ipprovduti mill-privat.


Meta pajjiżna ssieħeb fl-UE, il-Gvern Malti kellu jobdi mill-Unjoni u jabbanduna l-politika tas-sussidji li kienet fattur importanti għall-programm ekonomiku u soċjali li pajjiżna għamel wara l-Indipendenza.

 

Bit-tneħħija tas-sussidji,

* kif ordnat mill-Unjoni,

* l-għoli tal-ħajja sploda,

* l-ispejjeż tal-produzzjoni kibru ħafna,

* il-kompetittività niżlet,

* għadd ta’ industriji marru lura,

* l-esportazzjoni naqset,

* eluf ta’ impiegi ntilfu,

* il-kotra tal-poplu tgħabbiet b’piżijiet li qegħdin ibaxxulha l-livell tal-għixien,

* u reġa’ tfaċċa l-faqar fil-pajjiż.

 

Dan huwa l-frott qares tat-telfien tal-Indipendenza bis-sħubija fl-UE u tal-politika ekonomika u soċjali li l-Unjoni imponiet fuq il-Gvern ta’ pajjiżna.

 

 

Mhux il-Gvern Malti jikkmanda

 

Kif jista’ l-Gvern isostni li pajjiżna huwa indipendenti meta jrid jikseb il-permess tal-Unjoni Ewropea biex ma jintaxxax l-ikel u l-mediċini?

 

Meta ma għandux dritt iħalli ssir il-kaċċa fir-rebbiegħa kif kien wiegħed u jippermetti l-insib kif kien żgura li ma jispiċċax?

 

X’pajjiż indipendenti huwa dan

* li l-Gvern tiegħu maħtur mill-poplu

* ma għandux saħħa jagħmel ftehim

* dwar riformi fit-trasport pubbliku

* mas-sidien tax-xarabanks,

* għax l-Unjoni Ewropea trid li joħroġ sejħa għall-offerti

* u l-kuntratt jingħata lil min joffri l-aktar,

* u tax-xarabanks ikollhom iżarmaw

* u jmorru jirreġistraw għax-xogħol?

Kif nippretendu li aħna indipendenti meta infallibbilment kull ġimgħa,

* jew il-Prim Ministru jew xi Ministru,

* u għadd ta’ uffiċċjali għoljin tal-Gvern,

* ikollhom imorru Brussels biex jirrapportaw lill-Unjoni

* fuq dak li jkun qiegħed jiġri f’pajjiżna,

* jiksbu l-approvazzjoni dwar kif se jitmexxew ħwejjiġna,

* x’taxxi u ‘levies’ isiru,

* x’servizzi soċjali jonqsu

* u l-ħlasijiet li jkollna nagħmlu għalihom,

* u x’miżuri għandhom jidħlu fil-baġit?


Wara s-sħubija fl-UE, rajna ma għadux f’idejna.

 

L-Unjoni tikkmanda.

 

Ma għadiex aktar isseħħ ir-rieda tal-maġġoranza tal-poplu Malti.

 

Ikollna noqogħdu għar-rieda tal-maġġoranza tal-pajjiżi tal-Unjoni.

 

Fuq il-Prim Ministru u l-Ministri hemm il-Kummissarji Ewropej li mhux aħna naħtruhom.

 

B’sitt membri fil-Parlament Ewropew ta’ madwar 750 membri, Malta ma għandha ebda saħħa.

 

Bis-sistema tal-votazzjoni bil-maġġoranza fil-Kunsill tal-Ministri,

* il-Ministri Maltin ikollhom joqgħodu għal deċiżjonijiet meħudin mill-Kunsill

* li magħhom ma jaqblux.

 

Il-Parlament Malti jkollu jgħaddi l-liġijiet li trid l-Unjoni.

 

Il-Qrati tagħna jkollhom jaqtgħu l-kawżi skont mal-Qorti Ewropea tinterpreta l-liġi.

 

Dan kollu iġagħlna nsostnu li ma għadniex poplu indipendenti u li sirna mill-ġdid poplu maħkum mill-barranin.

 

Ninsabu agħar milli konna

 

Huwa għajb kbir li begħna l-indipendenza tal-poplu tagħna,

* u magħha biċċa biċċa minn pajjiżna qiegħda għand il-barranin

* li qegħdin jiksbu t-tmexxija tal-oqsma ewlenin,

* bħalma huma l-banek,

* il-portijiet,

* l-ajruport,

* it-trasport bil-baħar,

* il-mezzi ta’ komunikazzjoni (GO, Vodafone, Melita eċċ),

* u bil-privatizzazjoni tal-aqwa u l-eqdem industrija li l-poplu kellu – it-Tarzna.

 

Bdilna l-munita tagħna, 

* il-lira Maltija,            

* ma’ żewġ ewro u disa’ u tletin ċenteżmi.

 

Ċedejna l-kontroll fuq minn jitħalla jidħol f’pajjiżna,

billi sseħibna fiż-żona Schengen.

 

Imtlejna bil-klandestini għax l-UE hekk tridna nagħmlu.

 

Id-dejn nazzjonali kiber u minn miljuni sar biljuni (elf miljun).

 

Fabbriki għalqu,

* l-esportazzjoni nixfet,

* il-qgħad żdied bl-eluf,

* u ninsabu maħkuma mill-kriżi ekonomika li ħarbtet l-Unjoni.


Ma konniex agħar minn hekk meta ma konniex imseħbin fl-UE.

 

Ma nkunux ħażin hekk  

* meta nagħmlu kuraġġ

* u niġġieldu biex niksbu l-indipendenza mill-Unjoni.

 

Il-Qorti tal-UE tgiddeb lill-Gvern Malti

 

Il-Qorti tal-Unjoni Ewropea qatgħata li l-Gvern Malti ma kienx kiseb deroga meta kien qiegħed jinnegozja l-ftehim tas-sħubija fl-Unjoni, biex tkun tista’ titħalla kaċċa fir-rebbiegħa.

Il-punt ewlieni li joħroġ minn din is-sentenza huwa

* li tgiddeb il-wegħdiet kollha

* bil-fomm u bil-kitba

* li ngħataw qabel ir-referendum tal-2003,

* minn Fenech Adami,

* Gonzi,

* Joe Borg (illum Kummissarju Ewropew),

* u Simon Busuttil (illum Membru tal-Parlament Ewropew).

 

Il-kaċċaturi, u l-bqija tal-Maltin u l-Għawdxin, ġew ingannati biex jivvutaw IVA għas-sħubija fl-UE.

Min-naħa tagħha

* l-Unjoni Ewropea għenet biex l-ingann jitwettaq

* għax għalkemm kienet taf il-ħin kollu

* bil-wegħdiet li kienu qegħdin isiru lill-kaċċaturi,

* żammet sieket

* biex ma tħassarx l-effett tal-wegħdiet

* ħalli l-kaċċaturi

* u l-membri tal-familja tagħhom

* jivvotaw IVA għas-sħubija.

Hemm punti oħrjan x’jingħadu dwar is-sentenza tal-Qorti tal-Unjoni Ewropea.

 

Fost ħwejjeġ oħrajn il-Qorti qalet

* li s-summien u l-gamiem

* mhumiex speċi ta’ għasafar protetti

* u mhumiex mhedda li jinqerdu bil-kaċċa.

 

Ladarba hu hekk,

* aħna nistaqsu,

* għaliex għandha titrażżan

* il-kaċċa fuqhom fir-rebbiegħa?

Il-Qorti tal-Unjoni tat x’wieħed jifhem li tista’ titħalla ssir il-kaċċa fuq is-summien u l-gamiem fir-rebbiegħa.

 

Aħna ma nifhmux għaliex fi żmien limitat fir-rebbiegħa tista’ tikkaċċja s-summien u l-gamiem, iżda ma tistax tagħmel dan matul il-passa kollha fl-istaġun tar-rebbiegħa.

Hi ħaġa tal-iskantament kif l-għorrief tal-Unjoni Ewropea

* isibuha bi tqila biex iħallu lill-Maltin u l-Għawdxin

* joqtlu u jieklu s-summien u l-gamiem,

* li huma manna nieżla mis-sema,

* u ma tniggiżhomx il-kuxjenza (jekk għandhom)

* li jippermettu u jinkoraġġixxu

* l-qtil bl-abort tat-trabi innoċenti fil-ġuf tal-ommijiet.

Aħna nistaqsu,

* meta l-Unjoni Ewropea tirraġuna b’dan il-mod,

* għaliex il-poplu Malti

* għandu joqgħod għal dak li

* l-Unjoni Ewropea jistmaw aktar lill-għasafar

* milli lit-trabi innoċenti qabel jitwieldu,

* għaliex għandna naċċettaw li nissieħbu magħhom

* u nkażbru l-valuri li l-poplu tagħna dejjem għożż?

Din is-sentenza tal-Qorti tal-Unjoni

* hija ċertifikat

* ta’ kif insteraq il-kunsens

* tal-Maltin u l-Għawdxin

* biex jivvotaw IVA

* għas-sħubija fl-Unjoni.

 

Ladarba l-kunsens tal-poplu nstab li kien ivvizzjat bil-qerq,

* għaliex il-poplu m’għandux id-dritt

* li jsostni li mhux marbut

* bir-riżultat falz tar-referendum tal-2003?

 

Il-kaċċaturi għandhom ikunu minn tal-ewwel li jiġġieldu ħalli pajjiżna jikseb mill-ġdid il-ħelsien.

 

Il-UKIP u l-farsa tal-indipendenza fl-UE

 

minn Eddy Privitera KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

Sorpriza kbira li seħħet fl-aħħar Elezzjoni għall-Parlament Ewropew kienet ir-rebħa kbira li l-UK Independence Party kiseb fir-Renju Unit.

 

Dan il-partit Ewro-xettiku

li jrid li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea,

ġab aktar voti mill-Partit Laburista

li qiegħed fil-Gvern,

kif ukoll mill-Partit Liberali-Demokratiku.

Minkejja li naqas in-numru ta’ deputati Parlamentari Ewropej allokat lir-Renju Unit, il-UKIP żied in-numru ta’ deputati eletti għal 13-il deputat.

 

Għax il-poplu tar-Renju Unit qiegħed jara jseħħu ħafna ħwejjeġ li jagħtu raġun lil dan il-partit li jrid li l-pajjiż ma jibqax membru tal-Unjoni Ewropea.

 

Każ li ġara dan l-aħħar huwa dan.

F’rapport li deher f’The Daily Telegraph tal-25 ta’ Awwissu, 2009, intqal:

“Video piracy law unenforceable”

(Il-liġi dwar il-piraterija tal-video ma tistax tiġi nforzata).

 

L-istorja fil-qosor hija din.

 

Fl-1984 il-Parlament ta’ Westminister għadda l-liġi msemmija, “Video Privacy Act”.

L-iskop tagħha kien li jwaqqaf lil min kien qiegħed ibiegħ videos u DVDs ikkuppjati, u biex twaqqaf il-bejgħ ta’ materjal pornografiku lit-tfal.

 

Dik il-liġi għaddiet mill-Parlament ta’ Westminister, iżda nsew ħaġa waħda – ħadd ma kien informa lill-Unjoni Ewropea b’dik il-liġi.

Issa 25 sena wara li saret il-liġi, instab li ma kinetx liġi xejn la l-UE ma kinetx mgħarrfa b’dak li l-Gvern tar-Renju Unit kien se jagħmel.

 

U la l-Unjoni Ewropea ma kinetx informata, hija ma kinetx tat il-barka tagħha biex dik il-liġi setgħet issir.

Dawk il-persuni li kienu nstabu li kisru dik il-liġi u weħlu xi penali, se jkunu jistgħu jfittxu lill-Gvern tar-Renju Unit għad-danni li sofrew.

It-tagħlima li wieħed jieħu minn din il-farsa “Ewropea” hija li stat imsieħeb fl-Unjoni Ewropea ma jistax jiggverna lill-poplu tiegħu jekk ma jitlobx l-ewwel il-permess tal-Unjoni Ewropea.

 

Imbagħad hawn min irid ibellagħha lill-poplu Malti li pajjiżna għadu indipendenti u sovran – bħal ma żgur se nisimgħu fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-21 ta’ Settembru.

 

Il-problema tal-Mexxej tal-Partit Konservattiv Ingliż

 

Kull stħarriġ tal-opinjoni pubblika fir-Renju Unit juri li l-Partit Konservattiv, immexxi minn David Cameron, riesaq lejn rebħa kbira fuq il-Partit Laburista, fl-Elezzjoni Ġenerali li trid issir sa Mejju 2010.

 

Għalkemm rebħa Konservattiva tidher kważi ċerta, jistgħu jseħħu ħwejjeġ li jaffettwaw kemm tkun id-daqs tar-rebħa.

Waħda mill-problemi li l-Mexxej tal-Partit Konservattiv għandu hija dik li numru konsiderevoli ta’ votanti tradizzjonali Konservattivi li huma Ewro-xettiċi għall-aħħar, għad jistgħu jivvotaw lill-UKIP li dejjem kien konsistenti li jpoġġi l-interessi tal-poplu tar-Renju Unit qabel l-interessi tal-Unjoni Ewropea.

Mhux bħall-Mexxej tal-Partit Konservattiv u l-kelliema ewlenin tiegħu li qegħdin jidhru beżgħana jesprimu ruħhom bla tlaqliq dwar suġġetti li jolqtu lill-Unjoni Ewropea.

Din il-problema aktar se tikber jekk jidħol fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona li jkompli jżid il-kontroll enormi li l-Unjoni Ewropea diġà għandha fuq l-istati membri.

 

Fost dawk li qegħdin iwissu lill-Partit Konservattiv dwar dan, hemm il-Membru Konservattiv tal-House of Lords, Lord Tebbit, li għal xi żmien kien ministru fi Gvern Konservattiv, u Ċermen tal-Partit Konservattiv.

Qiegħed jingħad li jekk il-Partit Konservattiv mhux se jieħu pożizzjoni ċara u riġida dwar l-Unjoni Ewropea, Lord Tebbit jista’ jitlaq lill-partit u jingħaqad mal-UKIP, li llum qiegħed jittieħed b’ferm aktar serjetà minn qabel, wara r-riżultati eċċellenti li kiseb fl-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew.

Il-UKIP huwa llum immexxi minn Nigel Farage (li ġie Malta fil-kampanja tar-Referendum tal-2003), u li għandu kariżma kbira u ħila biex jikkomunika.

Id-diskorsi tiegħu, kemm fil-Parlament Ewropew, kif ukoll fuq ir-radju u t-televiżjoni, jinżlu għasel, speċjalment mal-Ewro-xettiċi. Lil Rompuy Apoloġija Lil Barroso

 

U l-poplu Ingliż, tinsewx, huwa fil-maġġoranza tiegħu, Ewro-xettiku.

 

Il-Ħamis, 17 ta’ Settembru, 2009

 

 

Fittex li tiffirma l-petizzjoni popolari lill-Parlament Malti biex jgħaddi miżuri li jrażżnu l-immigrazzjoni illegali f’pajjiżna.

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

<< Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ