MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAHDMU BIEX NEHILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIZMU U L-HAKMA ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

Mill-Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI

 

Is-sħubija fl-UE qiegħdfa tirrovinana

 

Il-Gvern Malti jipprova juri li qed imexxi lill-pajjiż, mentri l-Gvern qed jitmexxa minn barra l-pajjiż. 

 

Qed jitmexxa mill-Unjoni Ewropea skond kif il-Gvern intrabat fil-ftehim ta’ sħubija fl-Unjoni, skond il-politika u r-regolamenti ta’ l-Unjoni, u skond il-pjan ta’ konverġenza  li l-Unjoni ħejjiet għall-Gvern Malti..

 

Minkejja li qed jara li l-pajjiż sejjer lura, il-Gvern ma jistax ibiddel il-politika ddettata mill-Unjoni Ewropea, avolja jidher ċar li din mhix politika addattata għal pajjiżna u qiegħda titfagħna lura u toħolqilna problemi.

 

Il-politika tat-tnaqqis ta’ l-impjiegi u ta’ għeluq ta’ intrapriżi ma tagħmilx ġid lill-pajjiżna. 

 

Iżda l-Unjoni Ewropea hekk qiegħda ġġiegħel lill-Gvern jagħmel u minħabba f’hekk il-qgħad qed jiżdied u l-ekonomija qiegħda tiċkien.

 

Politika tat-tnaqqis fis-servizzi soċjali li l-istat jipprovdi b’xejn, tgħakkes liż-żgħir u lill-ħaddiem u l-familji tagħhom. 

 

Iżda din hija l-politika li l-Unjoni Ewropea ordnat lill-Gvern Malti li jwettaq, avolja din il-politika se tikkaġuna tbatija fuq sezzjonijiet tal-poplu li lanqas jifilħu.

 

Il-politika ta’ l-Unjoni Ewropea li:

timponi taxxa indiretta bħal ma hija l-VAT ta’ 18% fuq ħafna oġġetti u servizzi, 

li tagħmel ‘surcharge’ fuq il-petrol, pitrolju u diesel, 

li ddaħħal l-Eco-Tax u 

li tintaxxa skond il-‘common external tariff’ anki prodotti essenzjali bħall-qamħ u z-zokkor, u 

li lanqas teżenta mit-taxxa l-mediċini, 

iżżid l-għoli tal-ħajja ħafna aktar milli jogħlew il-pagi biex ilaħħqu maż-żieda fl-għoli tal-ħajja, u 

b’hekk tbaxxi l-livelli ta’ l-għixien ta’ l-anqas setturi tas-soċjeta`.

 

Iż-żieda fil-prezzijiet minħabba din il-politika ta’ l-Unjoni Ewropea timmina l-kompetittivita` ta’ pajjiżna. 

 

Aktar ma pajjiżna ma jkunx kompetittiv, aktar innaffru l-investiment produttiv.

 

Mingħajr investiment produttiv, ma noħolqux xogħol u mpjiegi ġodda li tant għandna bżonn. 

 

Inqas kompetittivita` tfisser inqas turiżmu għal Malta u inqas esportazzjoni minn Malta.

 

Tnaqqis fl-esportazzjoni u fit-turiżmu jissarrfu f’inqas dħul ta’ flus barranin u fi żbilanċ akbar bejn id-dħul u l-ħruġ li jkollna nagħmlu biex nixtruminn barra dak kollu li għandna bżonn.

 

Dan iċ-ċirku vizzjuż barmitna fih is-sħubija fl-Unjoni Ewropea u l-politika tagħha li kull Gvern Malti jkun marbut biha. 

 

Biex inkissru dan iċ-ċirku vizzjuż li qiegħed jirrovinana, jeħtiġilna nbiddlu l-ftehim tas-sħubija fl-Unjoni li għamilna. 

 

Qabel nagħmlu dan, il-poplu tagħna fil-kotra tiegħu, ma jistax jerġa’ jieħu n-nifs.

 

X ’tellfitna s-sħubija fl-Unjoni Ewropea

 

Ma qaghadniex nistennew li nissieħbu fl-Unjoni Ewropea biex ikollna 

ċ-Children Allowances, 

il-kura b’xejn fl-isptar u l-mediċini b’xejn, 

il-pensjonijiet, 

is-servizzi soċjali, 

l-edukazzjoni b’xejn, 

ħlas lill-istudenti, 

leave imħallas kull sena u 

żieda fil-paga kull sena skond iż-żieda fl-għoli tal-ħajja.

 

Dawb id-drittijiet u l-benefiċċji kollha ksibnihom wara li pajjiżna ngħata l-Indipedenza u rebaħ il-Ħelsien

 

Illum li tajna l-Indipendenza u tlifna l-Ħelsien billi sseħibna fl-Unjoni Ewropea, ninsabu mhedda li nitilfu ħafna minn dawn id-drittijiet u benefiċċji li għandna. 

 

Biex ma nitilfuhomx, minbarra li jeħtiġielna naħdma ħafna aktar milli qegħdin nagħmlu u niżguraw li nħarsu s-sliem u n-newtralita` tagħna, għandna bżonn ninħallu llum qabel għada, mius-sħubija fl-Unjoni u nagħmlu ftehim ta’ sħubija magħha.

 

Ir-regolamenti u l-politika ta’ l-Unjoni Ewropea jorbtuna bi ktajjen aktar milli kellna meta pajjiżna kien kolonja. 

 

Meta konna kolonja l-ħakkiema barranin kienu jġorru ftit mill-piż ta’ l-impjiegi tal-ħaddiema tagħna. 

 

L-Unjoni Ewropea li llum tikkmandana, ma tagħtix każ li l-politika tagħha tellifna xogħol u mpjiegi u kemm ir-regolamenti tagħha jxekkluna milli niġbdu lejna l-investiment produttiv li neħtieġu biex inkattru x-xogħol u l-impjiegi li għandna bżonn.

 

Meta nftamna mill-barrani u sirna poplu Indipendenti u Ħieles, ħadd ma baqa’ aktar leali l-ewwel lejn il-barrani u wara lejn pajjiżna. 

 

L-interessi tal-popli Malti saru l-interessi komuni ta’ kulħadd. 

 

Illum, bl-isħubija fl-UE, ħafna fostna jinbiegħu lill-barranin u l-ewwel lealta` tagħhom tkun lejn il-barranin u wara lejn il-Malti.

 

Is-sħubija fl-Unjoni reġgħet fetħitilna l-ġerħa soċjali li klikka minna tfittex li tinħabb mal-barrani u biex tilħaq l-għan tagħha lesta taqdi l-interessi tal-barrani aktar mill-interessi tal-poplu Malti. 

 

B’hekk tfaċċat mill-ġdid it-thddida ta’ dawk fostna li biex iħarsu l-interessi tagħhom u ta’ nieshom, ikunu lesti jissagrifikaw l-interessi tal-bqija tal-poplu Malti għar-rieda u l-interessi ta’ l-Unjoni.

 

Agħar mit-theddida għad-drittijiet u lpbenefiċċji li ksibna, hija t-theddida li s-sħubija fl-UE qiegħda tagħmel għall-ħeġġa taż-żgħażagħ tagħna li jissagrifikaw ruħhom ħalli jsaħħu lil pajjiżna billi jagħtuh iktar milli jistennew li jieħdu minnu. 

 

Art twelidhom m’għadhiex l-ewwel imħabba tagħhom. 

 

Għalihom Malta m’hiex l-ewwel u qabel kollox. 

 

Huma l-ewwel u qabel kollox.

 

L-UE “għaqda xiħa b’regoli u politika qodma”

 

LIŻ-ŻGĦAŻAGĦ ta’ Malta u Għawdex biegħulhom l-Unjoni Ewropea bħala d-dinja moderna ta’ għada. 

 

Iżda għall-maġġoranza l-kbira taż-żgħażagħ tal-pajjiżi li ilhom membri, l-Unjoni hija organizzazzjoni xiħa, b’regoli u b’politika qodma, li ma jiswewx għall-isfidi u l-problemi tal-lum, mifnija b’korruzzjoni mifruxa u mgħobbija b’burokrazija żejda.

 

F’kull stħarriġ ta’ l-opinjoni pubblika li jsir fil-pajjiżi li ilhom membri fl-Unjoni, jinstab li l-persentaġġ kbir taż-żgħażagħ huma kritiċi ta’ l-Unjoni, u jew iridu bidla radikali tagħha, jew ma jridux jafu b’aktar bil-politika tagħha.

 

Dan il-fatt qed iħasseb ħafna lill-mexxejja ta’ l-Unjoni li huma mbellħin kif, minkejja l-miljuni li jonfqu kull sena fil-propaganda ħalli jinfluwenzaw liż-żgħażagħ, il-maġġoranza taż-żgħażagħ daru kontriha.

 

Fuir-referenda fi Franza u fl-Olanda dwar il-Kostituzzjoni Ewropea, il-maġġoranza taż-żgħażagħ Franċiżi u Olandiżi vvotaw LE.

 

Fl-elezzjonijiet li saru għall-Parlament Ewropew is-sena l-oħra, il-maġġoranza taż-żgħażagħ fil-pajjiżi li ilhom imseħbin fl-Unjoni, ma marrux jivvotaw.

 

Iż-żgħażagħ Ewropej li huma soċjalment progressivi għarfu li l-politika neo-liberali kapitalista ta’ l-UE qiegħda tkabbar il-firda fis-soċjeta` bejn dawk li għandhom ħafna u l-ħafna li għandhom ftit jew huma fqar.

 

Iż-żgħażagħ Ewropej, li huma ħerqanin għal ġustizzja soċjali, ma jistgħux jaqblu mal-politika ta’ l-Unjoni li trid li l-gvernijiet tal-pajjiżi membri jnaqqsu s-servizzi soċjali, il-‘welfare state’ u l-pensjonijiet, filwaqt li jonfqu aktar fl-armi u l-armamenti u l-militarizzazzjoni ta’ l-Unjoni.

 

F’ħafna pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea r-rata tal-qgħad taż-żgħażagħ hija għola mill-medja tal-qgħad tal-eprsuni ta’ kull eta`. 

 

In-nuqqas ta prospetti ta’ xogħol u ta’ mpjiegi stabbli huma l-fattur li l-aktar jinfluwenza liż-żgħażagħ Ewropej kontra l-politika ekonomika u soċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

 

Ħafna żgħażagħ Ewropej isibu ruħhom diżillużi bla xogħol u bla prospetti għal-futur tagħhom, wara li jkunu għaddew il-‘honeymoon’ tal-ħajja studenteska li l-Unjoni Ewropea ssebbaħilhombilli tgħinhom imorru minn pajjiż għall-ieħor jagħmlu parti mill-istudji tagħhom.

 

Itemmu l-istudji tagħhom u jsibuha impossibbli li jistabbilixxu ruħhom f’xogħol li jiżgurahom li jistgħu jibnu familja.

 

Bħalma tagħmel mal-politiċi, l-Unjoni Ewropea tagħmel mal-mexxejja ta’ l-għaqdiet taż-żgħażagħ. 

 

Tipprova “tixtrihom” bil-vjaġġi għal Strasbourg u Brussels, b’seminars b’kollox imħallas, bi ‘scholarships’ u ċejċa oħra. 

 

Iżda dawn iż-żgħażagħ huma ftit fin-numru. 

 

Il-maġġoranza taż-żgħażagħ jibqgħu b’togħma morra ta’ l-Unjoni u għalhekk jispiċċaw iduru kontriha.

 

Meta r-rieda tal-poplu ma tkunx tgħodd

 

FIL-PAJJIŻI politikament l-aktar avvanzati ta’ l-Ewropa, il-kritika qiegħda dejjem tiħrax għall-mod anti-demokratiku ta’ kif jaħdmu l-mexxejja ta’ l-UE b’kollużjoni, jew b’kompliċita`, mal-mexxejja tal-pajjiżi mseħbin li jsiru qaddejja fidili ta’ l-Unjoni u jinsew li dmirhom huwa lejn il-poplu tagħhom.

 

Jean Baudrillard huwa wieħed mill-kritiċi magħrufin li dan l-aħħar xandar fir-rivista internazzjonali New Left Review, kummenti interessanti dwar ir-rewwixta popolari li qamet kontra l-UE u l-Kostituzzjoni li hija fasslet għall-Ewropa.

 

Dan il-kritiku jixli lill-mexxejja ta’ l-UE u l-mexxejja tal-pajjiżi membri, li huma qegħdin iżebilħu u jgħaffġu l-prinċipju tad-demokrazija rappreżentattiva li fuqu hu msejjes kul parlament nazzjonali li jinħatar demokratikament f’elezzjonijiet politiċi.

 

Skond id-demokrazija, il-parlament għandu jirrifletti r-rieda tal-poplu li jaħtru u d-deċiżjonijiet tal-maġġoranza tal-parlament għandhom ikunu skond ir-rieda tal-maġġoranza tal-poplu.

 

Skond Baudrillard, iżda, f’dawn il-ħwejjeġ li għandhom x’jaqsam ma’ l-UE, il-prinċipju tad-demokrazija rappreżentattiva ma jitħaddimx. 

 

Il-parlament nazzjonali ta’ kull pajjiż membru huwa mġiegħel “jaħsel” (il-kelma eżatta hija ‘laundering’) il-liġijiet li tagħmel l-Unjoni, billi jkollu jgħaddihom anki jekk il-poplu ma jaqbilx magħhom, jew ma jintalabx juri kif jaħsibha dwarhom.

 

Għal Baudrillard, l-aħħar u l-akbar eżempju tat-tifrik tal-prinċipju tar-rappreżentanza demokratika huwa l-każ tar-ratifika mill-parlamenti nazzjonali tal-Kostituzzjoni Ewropea.

 

F’isem il-popli tal-pajjiżi membri, il-parlamenti nazjonali japprovaw il-Kostitzzjoni Ewropea, meta l-maġġoranza tal-popli, jekk jafu x’fiha, huma kontriha, u jekk ma jafux x’fiha, mhux sewwa li jitqiesu li r-ratifika mill-parlamenti qegħdin isiru f’isem il-popli.

 

Dan il-kritiku Franċiż jinnota li mhux ta’ b’xejn fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew il-maġġoranza tal-poplu f’ħafna pajjiżi membri ta’ l-UE ma tindenjax ruħha li tmur tivvota. 

 

Il-maġġoranza tastjeni għax tħoss li d-deċiżjonijiet jittieħdu “minn fuq”, mill-awtoritajiet li hija ma tikkontrollax u ma tivvotax għalihom. 

 

Il-maġġoranza tifhem li hi “manipulata”, billi jittieħdu d-deċiżjonijiet “f’isem il-poplu”, mentri l-poplu jkun kontrihom.

 

F’demokrazija l-poplu hu sovran. Fl-UE, il-poplu huwa “ostaġġ” tal-mexxejja ta’ l-Unjoni u tal-politiċi li jiftehmu magħhom. 

 

Il-poplu jitlef is-setgħa li jbiddel dak  li l-UE tkun iddeċidiet.

 

Ġurament ta' lealta` li jieħdu l-Membri Parlamentari kollha

 

Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li nkun tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r- Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. (Hekk Alla jgħini).

 

Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.

 

Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment u skond il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skond il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta, mingħajr biża’ jew favur. ( Hekk Alla jgħini).

 

Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ President.

 

Jiena ..............................................., solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta’ President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta’ Malta, u li, skond l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. (Hekk Alla jgħini).

 

Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta

 

6. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) ta’ l-artikolu 47 u ta’ l-artikolu 66 ta’ din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.

 

Artiklu I-6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea

 

Dritt ta' l-Unjoni

Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri.

 

Tista' tafda lil min KISER il-ĠURAMENT tiegħu/tagħha?

 

L-Erbgħa, 17 ta’ Awissu, 2005.

<< Lura http://www.cnimalta.org/2005.html

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat Lm2 flimkien ma' din il-formola liċ-

Chairman CNI,

Dr Karmenu Mifsud Bonnici LL.D.

81, Triq Ġuże Pace,

Ħamrun.

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ