MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin huma marbutin li jħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000 minn ħalq uliedek

 

Ivvotaw kollha “LE” għat-Trattat ta’ Lisbona

 

Għall-mistoqsija li saret ġimgħatejn ilu lil qarrejja ta’ l-orizzont: 

 

“Li kieku kellu jsir referendum biex jiġi approvat it-Trattat ta’ Lisbona, int kif kont tivvota?”, 

 

it-tweġibiet li ntbagħtu kienu kollha Le.

Dan il-fatt sinifikatni żvelah Michael Parnis, id-Deputat Segretarju Ġenerali (Internazzjonali u Edukazzjoni) tal-GWU, f’dan il-ġurnal tal-11 ta’ Lulju.

X’għandhom xi jgħidu dwar dan il-fatt id-Deputati Parlamentari Maltin li kollha vvotaw Iva favur it-Trattat ta’ Lisbona meta tressaq fil-Parlament?

Jisgħobbina ninnotaw li bħalma qiegħed jiġri f’pajjiżi oħrajn ta’ l-Unjoni Ewropea, qiegħed jiġri f’pajjiżna, li l-kotra tal-poplu ma taħsibhiex bħal politiċi dwar l-Unjoni Ewropea.

* Il-politiċi mbarmu mill-politika u l-propaganda ta’ l-Unjoni, waqt li 

* l-kotra tal-poplu qiegħda tingħafas dejjem aktar bl-effetti ħżiena tas-sħubija fl-Unjoni, 

* bħalma huma l-għoli sfrenat tal-ħajja,                  

* it-theddid għall-impjieg ta’ eluf ta’ ħaddiema u  

* l-ħsara soċjali u finanzjarja                                      

* ta’ eluf ta’ immigranti illegali li ġejjin f’pajjiżna, 

* tort ta’ l-Unjoni Ewropea.                                   

 

Biżżejjed infakkru li kull immigranti qiegħed iqum lil pajjiżna madwar 30 Ewro kuljum.

 

Michael Parnis, fost ħafna osservazzjonijiet f’waqthom li għamel fil-paġna tiegħu l-Ġimgħa l-oħra, ikkummenta li l-poplu Malti se jkompli jitlef għax mhux se jkun ikkonsultat direttament dwar x’tagħmel l-Unjoni Ewropea u dan iwassal biex l-Unjoni Ewropea tibqa’ ’l bogħod minn ħafna Maltin.

Min-naħa tagħna ngħidu li naqblu li l-poplu mhux se jkun kkonsultat direttament u dan huwa telf demokratiku.

 

Iżda ma jiddispjaċinix li l-UE se tibqa’ ’l bogħod mill-poplu. 

 

Anzi nittamaw li l-poplu jitbiegħed minnha tant li jasal biex jiddeċiedi li noħorġu mill-Unjoni. 

 

Dak ikun rebħ kbir għall-poplu Malti u b’mod partikolari għall-ħaddiema.

 

Ħtieġa ta’ diskussjonijiet bla kundizzjonijiet

 

Filwaqt li huwa minnu li l-Unjoni Ewropea qiegħda tagħfas lill-Gvern biex jipprivatizza u jilliberalizza kollox, huwa wkoll minnu li l-Gvern qiegħed jinqeda bil-kliem “privatizzazzjoni”, “liberalizzazzjoni” u “monopolji” ħalli jaħbi l-ingann li wettaq fuq il-ħaddiema tat-Tarzna li qabel l-elezzjoni żgurahom li mhux se jitilfu l-impjieg u fuq is-sidien tal-vetturi tat-trasport li żgurahom li mhux se jmiss it-trasport.

Il-Gvern qiegħed jinqeda bil-poplu billi jfakkru li parti mit-taxxi li jħallas tmur f’sussidju għat-Tarzna, u jinqeda bil-konsumaturi billi jbellgħalhom li jħallsu inqas jekk il-monopolji jispiċċaw.

Il-Gvern qiegħed jagħmel propaganda kbira biex inessi lill-poplu x’inhi l-qofol tal-kwistjoni. 

 

Mhix jekk il-privatizzazzjoni u l-liberalizzazzjoni humiex tajbin u l-monopolji humiex ħżiena, iżda li l-Gvern mhux qiegħed iżomm kelmtu li ta bil-miktub lill-ħaddiema tat-Tarzna u lis-sidien tal-vetturi tat-trasport biex dawn jagħtuh il-vot fl-Elezzjoni Ġenerali. 

 

Il-qofol tal-kwistjoni huma l-ingann u l-qerq tal-Gvern.

 

L-akkolti tal-Gvern fil-midja u fl-għaqdiet tas-sidien u tan-negozjanti qegħdin ikunu huma wkoll kompliċi fil-ħabi ta’ l-ingann u l-qerq tal-Gvern, billi ma jurux li jridu jgħinu lill-Gvern u ma jgħidux li s-setturi tagħhom jaqblilhom b’dak li jrid jagħmel il-Gvern. 

 

Minflok dawn isostnu li l-pajjiż jaqbillu u jmur aħjar bil-miżuri li jieħu l-Gvern skond ma tgħidlu l-Unjoni Ewropea. 

 

Biex aktar jgħaxxquha, għax il-ħaddiema tat-Tarzna joġġezzjonaw li se jitilfqu l-impjieg u s-sidien tal-vetturi tat-trasport jipprotestaw li se jipperikolawlhom il-mezz ta’ l-għixien tagħhom, l-akkolti tal-Gvern fil-midja u fl-għaqdiet tan-negozjanti u tas-sidien jikkundannawhom u jixluhom li qegħdin jagħmlu ħsara lill-ekonomija tal-pajjiż u liċ-ċittadini.

L-ipokrezija tal-Gvern hija akbar. 

 

Dan, waqt li jistqarr li kulħadd għandu dritt li jagħmel azzjonijiet industrijali biex iħares l-interessi tiegħu, fl-istess nifs isostni li huwa mhux lesti li jiddiskuti meta tittieħed azzjoni industrijali, li hu stess ammetta li hija dritt ta’ min jeħodha.

 

Biex il-Gvern jiddiskuti, irid li min għadu dritt, ma jużawhx. 

 

Sadanittant bl-arroganza kollha, jixli lil min qiegħed iħaddem id-dritt tiegħu ta’ azzjoni industrijali, li qiegħed jagħmel ħsara lill-pajjiż u lill-poplu, meta hija l-arroganza tal-Gvern li jħassar il-laqgħat ta’ diskussjoni li qiegħda tikkaġuna dewmien li jkun negozjat ftehim għat-tilwim li hawn.

Hija teorija falza li l-Gvern m’għandux f’tilwima jinnegozja taħt theddida. 

 

Aktarx li jekk ma jkunx hemm theddida, il-Gvern ma jiċċaqlaqx biex jnnegozja. 

 

M’hemm xejn ħażin li l-Gvern jinnegozja taħt theddida. 

 

L-importanti huwa li l-Gvern ikun sod li ma jagħmilx ftehim ħażin għax ikun mhedded.

Għalhekk il-Gvern għandu jiddiskuti u jinnegozja dejjem u m’għandux jippretendi li ħadd ma jheddu, iżda huwa m’għandux iċedi billi jagħmel ftehim ħażin għax ikun mhedded.

Jekk hemm xi ħadd li dejjem jhedded, dan huwa l-Gvern li jiddiletta jgħid li jekk ma jiġux aċċettati l-miżuri li jrid huwa, 

* jagħlaq it-Tarzna, 

* jew ifalli s-SeaMalta, 

* jew jirtira l-permessi lil min jieħu sehem f’azzjoni industijali, 

* jew ħaġa jew oħra.

 

Fl-istess ħin huwa l-Gvern li jmissu jġib ruħu b’mod li ma jipprovokax azzjonijiet industrijali kontrih li jagħmlu ħsara lill-poplu u lill-pajjiż. 

 

Huwa l-Gvern il-kaġun tal-ħsara li l-azzjonijiet industrijali li jittieħdu kontrih u l-miżuri li jieħu, speċjalment meta l-Gvern imur kontra dak li wiegħed qabel l-Elezzjoni Ġenerali.

Mhux il-mument li wieħed jiddiskuti l-privatizzazzjoni, il-liberalizzazzjoni u t-tneħħija tal-monopolji li trid l-Unjoni Ewropea, issa li l-pajjiż huwa maħkum b’azzjonijiet industrijali li huma kkaġunati mill-ingann u l-qerq li wettaq il-Gvern qabel l-Elezzjoni.

Il-mument jitlob li l-Gvern u l-partijiet kollha ma jagħmlux kundizzjonijiet bil-quddiem biex jitkellmu u jiddiskutu ħalli jinnegozjaw ftehim dwar il-passi li għandhom jittieħdu li waqt li jħarsu l-interessi tas-sidien tal-vetturi tat-trasport, jiżguraw ġejjieni aħjar għall-pajjiżna u l-poplu Malti.

 

Kummenti ta’ Eddy Privitera

 

It-taxxa tas-Sisa u l-Unjoni Ewropea

 

Ilna s-snin, kemm f’din il-paġna, kif ukoll fil-programm tas-CNI fuq is-Smash TV, 

* nurukom bil-fatti u l-figuri 

* kemm se jkollhom jogħlew il-prezzijiet tal-fjuwil u 

* l-prodotti l-oħrajn taż-żejt, 

* minħabba l-minimu tat-taxxa tas-Sisa li l-Gvern Malti jkollu jdaħħal fuq dawn il-prodotti. 

 

Konna aħna biss li bdejna nuru lill-poplu li l-UE kienet taħti wkoll 

* għaż-żieda li se jkollna fuq il-petrol, 

* id-diżil,                                                

* il-pitrolju u                                         

* l-prodotti l-oħrajn taż-żejt,                

minħabba l-minimu tat-taxxa tas-Sisa li imponiet l-UE fuq il-Gvern Malti.

Issa li l-prezz ta’ dawn il-prodotti rajnieh jogħla mas-smewwiet fis-suq internazzjonali u anke f’Malta. 

 

Il-Gvern irid li l-poplu jemmen li dan l-għoli tal-prezzijiet ta’ dawn il-prodotti huwa dovut biss għall-prezz għoli taż-żejt fis-swieq internazzjonali. 

 

Il-Gvern qed jaħbi l-fatti li f’dak il-prezz għoli li qegħdin inħallsu 

* għall-petrol, 

* diżil, 

* pitrolju, eċċ., 

hemm kważi nofs il-prezz taxxi tal-VAT u tas-Sisa.

Nhar l-Erbgħa, 9 ta’ Lulju ħarġet l-aħbar li l-Gvern għolla t-taxxa tas-Sisa fuq dawn il-prodotti għall-minimu impost mill-UE, sentejn qabel li seta’ jagħmel dan skond il-ftehim ma’ l-UE.

Mela kellna raġun għal darb’oħra aħna tas-
CNI meta konna kxifna l-figuri tat-taxxa tas-Sisa li l-Unjoni Ewropea imponiet fuq il-Gvern Malti.

 

Imma possibbli għad hawn min irid ibella’ lill-poplu li b’Malta fl-UE nistgħu ngħixu aħjar milli nistgħu ngħixu kieku rriedni ta’ pajjiżna jerġa’ jkun verament f’idejna, ħalli fi żmien ta’ kriżi bħalma qegħdin nesperjenzaw illum f’pajjiżna, ħadd ma jindaħlilna kemm għandna nagħmlu jew innaqqsu t-taxxa tas-Sisa u anki taxxi oħrajn, skond x’ikunu ċ-ċirkostanzi u dejjem fl-interess ta’ pajjiżna.

 

Il-PM Irlandiż lanqas qara t-trattat

 

Sirna nafu li l-Prim Ministru Irlandiż Brian Cowen ammetta li hu lanqas qara t-Trattat ta’ Lisbona. 

 

Tistgħu taħsbu mela kemm qraw it-Trattat il-politiċi l-oħrajn kollha ta’ dawk il-partiti fl-Irlanda li bdew jinsistu mal-votanti Irlandiżi biex jivvotaw “Iva” fir-referendum.

Waħda mill-iskużi li l-Prim Ministru Irlandiż ġab biex jiġġustifika għaliex il-poplu vvota “Le”, kienet li l-poplu ma fehemx sewwa x’fih it-Trattat. 

 

Nemmen li lanqas il-Prim Ministru stess ma fehem x’fih it-Trattat, ladarba hu stess lanqas biss qrah. 

 

U għalhekk nistaqsu kif qatt seta’ Brian Cowen jgħid lill-poplu Irlandiż biex jivvota “Iva”, meta hu stess ma kienx jaf x’fih it-Trattat?

Issa jekk Prim Ministru ta’ pajjiż fejn kien se jsir referendum, lanqas indenja ruħu jaqra t-Trattat ta’ Lisbona, tistgħu taħsbu f’pajjiżna, fejn ma kienx se jsir referendum, kemm mid-Deputati Parlamentari u Ministri qraw it-Trattat, qabel ma ddeċidew li jivvotaw “Iva” fil-Parlament.

 

Mela l-“Parternship” teżisti?

 

Fl-aħbarijiet tal-BBC World tas-27 ta’ Ġunju, tħabbar li kellhom jibdew taħditiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Russja dwar “strategic partnership”.

Tiftakru kemm kienu qalulna li ftehim ta’ “partnership” ma jeżistix fl-UE? 

 

Konna wissejnikom li kienu qegħdin ibeżżgħuna bil-babaw, għax kienu diġŕ jeżistu ftehim ta’ din ix-xorta ma’ pajjiżi oħrajn, mhux biss fl-Ewropa, iżda wkoll barra mill-Ewropa.

Għal darb’oħra ż-żejt tela’ f’wiċċ l-ilma u s-CNI kellha raġun.

 

Il-Ħamis, 17 ta’ Lulju, 2008

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

<< Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ