MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

       

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA  

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000

L-ewwel il-Malti

Kemm-il darba ngħidu li l-ġurnali bl-Ingliż speċjalment The Times u The Sunday Times iservu ta’ forċina għall-Gvern Nazzjonalista meta ssir xi kritika ħarxa kontra l-gvern jew l-Unjoni Ewropea.

M’aħniex nirreferu għall-ittri li jiġu ppubblikati, għax ġeneralment dawn jiġu ppubblikati anke meta jiġi kkritikat il-gvern jew l-Unjoni Ewropea.

Qed nirreferu għal meta xi moviment bħal ANR – li għandhom l-istess opinjoni bħas-CNI dwar il-kwistjoni ta’ l-immigrazzjoni illegali – tikkritika bl-aħrax il-gvern dwar din il-problema kif sar fir-rally li organizzat l-ANR nhar il-Ħamis, 8 ta’ Ġunju.

Jiddispjaċina naraw it-tgħawwiġ tal-verità f’ġurnal normalment serju bħal The Times.

Qed nirreferu għall-mod kif ġiet irrapportata dik l-attività speċjalment ir-ritratt li ġie ppubblikat li ma kienx juri l-folla kollha.

U l-aktar li nkiteb taħt ir-ritratt, li kien jgħid hekk: “Mexxejja ta’ l-Allejanza Nazzjonali Repubblikana qed imexxu protesta kontra l-immigrazzjoni illegali fil-Belt Valletta l-bieraħ, li attendew għaliha xi 200 ruh – ferm ’il bogħod mill-eluf li attendew f’attività simili f’Ottubru li għadda”.

Kemm ir-ritratt iżda l-aktar il-kliem li nkiteb taħtu ma kien xejn ħlief tgħawwig sfaċċat tal-fatti.

Il-folla żgur li kienet ferm akbar minn 200.

Iżda aktar żgur, li f’Ottubru 2005, il-folla li ħadet sehem dak in-nhar kien intqal li kienet xi 300 ruħ.

Altru mill-eluf li kitbet it-Times nhar il-Ġimgħa, 9 ta’ Ġunju!

Wieħed jifhem għaliex The Times irrikorriet għal dan it-tgħawwiġ tal-fatti.

Ir-raġuni hija waħda: Id-diskorsi li saru kienu attakk aħrax kontra l-gvern u kontra l-Unjoni Ewropea dwar l-immigrazzjoni illegali, għal mod kif dawn m’huma jagħmlu xejn konkret biex verament tissolva din it-theddida gravi għall-poplu Malti.

U biex jidher li l-ANR ħadet tisbita ’l isfel fl-appoġġ li żgur mhux il-każ.

Għalkemm is-CNI ma ħaditx parti f’dik il-protesta ta’ l-ANR, ma nistgħux ma naqblux ma’ ħafna minn dak li ntqal fid-diskorsi li saru.

Bħal per eżempju li minn pajjiż sovran u ndipendenti, sirna “sefturi” u “kolonja” ta’ l-Unjoni Ewropea.

Kif jista’ xi ħadd li għandu demm Malti jiġri fil-vini tiegħu ma jaqbilx ma’ kliem bħal dan, meta 

* qegħdin naraw immigranti illegali ġejjin mhux biss mill-Afrika, 

* iżda wkoll mill-Ewropa tal-Lvant, 

* mill-Indja, 

* miċ-Ċina eċċ., 

* jiġu f’pajjiżna, 

* jieħdu x-xogħol tal-ħaddiema Maltin u 

* jkomplu jżidu l-piż fuq is-servizzi tas-saħħa u 

* s-servizzi soċjali ta’ pajjiżna u 

* ħafna problemi oħra?

Kif nistgħu nibqgħu ċassi naraw immigranti llegali jingħataw saqaf fuq rashom – u ħaġa sewwa meta jsir hekk, ħalli niftehmu – iżda mbagħad naraw diġà mijiet ta’ Maltin ħutna li ma jingħatawx ukoll saqaf fuq rashom meta dawn illum m’għandhomx fejn joqogħdu?

Tajjeb li wieħed juri ħniena ma’ dawk l-immigranti li jsibu ruħhom f’diffikultajiet fuq il-baħar u dawk li huma ġenwinament refuġjati.

Iżda għax għandna nitgħabbew bil-piż ta’ l-oħrajn kollha meta f’pajjiżna għandna min qed jgħix f’faqar kbir u f’xi kamra jew tnejn taħt saqaf ikkundannat, jistennew li jaqa’ fuqhom kif nafu li ġieli ġara, kif intqal tajjeb mill-kelliema ta’ l-ANR.

Id-dover tal-Gvern Malti mhux suppost li jara li l-miljuni ta’ liri jintefqu l-ewwel biex jgħin lil ħutna Maltin li tant għandhom bżonn, waqt li jagħmel dak li jista’ – u sa kemm jista’ – biex jgħin lill-immigranti illegali?

L-għadab tal-poplu se jkompli jikber jekk il-barri ta’ din il-problema mhux se jinqabad minn qrunu.

Tonio Fenech u l-Ewro

F’artikolu li kiteb is-Segretarju Parlamentari, Toni Fenech f’The Times tat-8 ta’ Ġunju, 2006, tgħidx kemm qalilna b’benefiċċji li se jkollna meta ndaħħlu l-Ewro fl-1 ta’ Jannar, 2008.

Wieħed mill-ewwel jistaqsi: Jekk id-dħul ta’ l-Ewro huwa daqstant ta’ benefiċċju għall-ekonomija ta’ pajjiż li jissieħeb fl-Unjoni Ewropea, jista’ jispjega l-Onor. Segretarju Parlamentari għaliex mela:

Il-Gran Brittanja, l-Iżvezja u d-Danimarka baqgħu ma daħħlux l-Ewro f’pajjiżhom?

U kif l-ekonomija tagħhom, dawn il-pajjiżi li m’għandhomx l-Ewro, marru aktar ’l quddiem fl-ekonomija tagħhom mill-ekonomiji ta’ pajjiżi oħrajn li għandhom l-Ewro, bħal l-Italja, il-Ġermanja, Franza, eċċ?

Huwa fatt li d-dħul tal-munita Ewro kienet maħsuba aktar bħala mizura politika milli ekonomika.

L-iskop kien li l-integrazzjoni politika ta’ l-Unjoni Ewropea tkun inevitabbli meta jkun hemm munita waħda għall-pajjiżi membri.

Forsi kwotazzjoni ta’ l-eks-Prim Ministru Franciz, Raymond Barre, irrapporta fil-25 ta’ Frar, 1996, turi biċ-ċar x’kien l-iskop wara d-dħul ta’ l-Ewropa: “Il-munita waħda (l-Ewro) huwa għan politiku”.

Karl Lamers, il-kelliem fuq il-politika barranija tal-Partit Demokristjan Ġermaniz, fl-1995 kien stqarr hekk: 

Il-munita waħda hija parti minn għażla politika – anzi hi parti ċentrali ta’ integrazzjoni politika. Meta dik il-linja tinqabeż (jigifieri l-Ewro ssir il-munita waħda tal-pajjiżi kollha ta’ l-Unjoni Ewropea) ebda pajjiż ma jkun jista’ jirreżisti integrazzjoni akbar”.

Hemm biżibilju ta’ kwotazzjonijiet oħrajn, iżda l-ispazju ma jippermettix.

Nagħlqu b’xi punti li konna diġà kkwotajna, iżda li forsi s-Segretarju Parlamentari Toni Fenech kien għadu ma qarax.

Qed nirreferu għal dak li qal il-Professur Paul De Graeue, konsulent Ekonomiku ta’ Juan Manuel Barroso stess lill-ġurnal Belġjan Die Morgen:

L-Ewro għamlet ħsara lill-ekonomija ta’ l-Italja “u bassar li” se tagħmel l-istess lil Spanja”.

X’garanziji għandu Tonio Fenech li ma tagħmilx l-istess lill-pajjiżna?

Jekk mhux se ssir għaqda politika, l-Ewro tisfaxxa fi zmien 10 jew 20 sena oħra”.

Allura din hi l-istabbilità li ġġib l-Ewro, li tant semma’ l-Onor. Tonio Fenech?

Issa ma nafux jekk għandiex noqgħodu aktar fuq dak li kiteb l-Onor. Tonio Fenech dwarl-Ewro, milli fuq dak li qal il-Professur Paul de Graeue, il-Konsulent tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, Barrosso stess!

Prosit lil ta’ l-ambjent… istħu ipokriti!

Il-marċ ta’ protesta kontra l-ħsara kbira li qed issir lill-ambjent f’pajjiżna, organizzat mill-moviment ‘Flimkien biex ngħixu aħjar’, u li fih ħadu sehem 19-il għaqda, kien verament suċċess u dawk l-NGOs kollha ħaqqhom prosit.

L-unika stonatura li rajna kienet il-preżenza ta’ qisu delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista f’dan il-marċ ta’ protesta.

Aktar kienu jitwemmnu kieku kkundannaw pubblikament dak li qed jagħmel il-Gvern Nazzjonalista, speċjalment l-aħħar inizjattiva tal-Kabinett, li jestendi l-artijiet li fuqha jista’ jsir żvilupp ta’ bini meta dan m’hemmx bżonnu.

Il-ħafna “placards” li kien hemm urew ċar kif qiegħed jaħsibha l-poplu.

Wieħed minnhom kien jghid: “Biex...l-ispekulaturi jgħixu aħjar”.

Tiftrakru kemm qrajna tabelli kbar bil-kliem: “Biex int tgħix ahjar”?

Dawk il-ħafna NGOs u l-folla kbira li kien hemm għal dik il-protesta, taw risposta xierqa dwar min verament qed jgħix aħjar!

Is-Sibt, 17 ta’ Gunju, 2006.

<< Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

  

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ