MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha €182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

Il-maġġoranza m’għandhiex fiduċja fl-UE

minn Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI

Il-Gvern Malti ġie sfiduċjat fl-elezzjoni tat-12 ta’ Ġunju u l-Prim Ministru m’għandux dritt li jmur fil-laqgħa tal-Kapijiet tal-pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea u jiffirma għan-nom tal-poplu Malti l-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni.

Il-laqgħa qiegħda ssir illum u għada u huwa mistenni li jintlaħaq ftehim dwar il-
Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni li tkun torbotna u li tegħleb il-Kostituzzjoni tagħna.

L-eluf kbar ta’ Maltin u Għawdxin li għażlu li ma jeżerċitawx id-dritt tagħhom li jivvutaw u l-eluf li għażlu li jħassru l-vot tagħhom fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew, ma jimpurtahomx mis-sħubija fl-
Unjoni.

Eluf oħra minn dawk li ma vvutawx għall-kandidati Nazzjonalisti żgur li ma jaqblux mal-ftehim li l-Gvern Nazzjonalista għamel ma’ l-Unjoni.

Għalhekk jista’ jingħad li l-maġġoranza tal-poplu hija magħmula minn dawk li jew huma kontra s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni jew kontra l-ftehim li sar ma’ l-Unjoni.

Dan diġŕ seħħ fi żmien 14-il xahar biss wara li Fenech Adami u Joe Borg iffirmaw il-Ftehim ta’ Sħubija fis-16 ta’ April tas-sena l-oħra u sitt ġimgħat biss li pajjiżna sar membru ta‘ l-Unjoni fl-1 ta’ Meju ta’ din is-sena.  

Il-maġġoranza tal-poplu mhux interessata

Il-fatt li fil-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni meħuda kollha flimkien ħafna inqas min-nofs tal-poplu ndenjaw ruħhom li joħorġu jivvutaw fl-elezzjoni għall-Parlamnt ta’ l-Unjoni, jixhed kemm hemm nuqqas kbir ta’ fiduċja fl-Unjoni Ewropea u kemm hemm nuqqas ta’ stima lejn dan il-Parlament.

Għalkemm Malta mqabbla ma’ pajjiżi membri ohra kellha rata għolja ta’ votanti, xorta waħda meta jitqies kemm jivvotaw fl-elezzjonijiet f’Malta, il-persentaġġ ta’ dawk li vvutaw fl-elezzjoni tat-12 ta’ Ġunju, kien baxx, minkejja l-appell li l-Isqfijiet għamlu dwar id-dmir li wieħed jivvota u minkejja l-isforzi kbar li saru mill-partiti politiċi biex in-nies imorru jivvutaw.

Din il-protesta popolari u dan in-nuqqas ta’ fiduċja tal-poplu jagħtuna lezzjoni meta wieħed jiftakar fiċ-ċelebrazzjonijiet kbar li saru ghat-tkabbir ta’ l-
Unjoni fl-1 ta’ Mejju u għad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni li seħħ formalment f’dak il-jum.

It-tagħlima hija li l-effetti ħżiena tas-sħubija u l-ħsara li qed issir lill-pajjiżna bir-regoli ta’ l-Unjoni qegħdin inebbħu lill-poplu kemm kien ingannat qabel ir-referendum li sar f’Marzu tas-sena l-oħra.  

Qatt m’hu tard li nirrangaw żball

It-telfa li l-Gvern Malti ġarrab hekk malajr wara r-referendum favur is-sħubija fl-Unjoni tikkonferma kemm is-CNI għamlet tajjeb li l-għada tar-riżultat tar-referendum, iddikjarajna li se nissuktaw naħdmu kontra s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni u kemm għamilna tajjeb li ċħadna t-Trattat tas-Sħubija li kien iffirmat ġewwa Ateni s-sena l-oħra, kif għamilna bid-Dikjarazzjoni Solenni li ppubblikajna fid-29 ta’ Marzu ta’ din is-sena u li bgħatna kemm lill-Ġnus Magħquda kif ukoll lill-Unjoni Ewropea.

Is-sħubija fl-
Unjoni kienet żball u l-Ftehim li l-Gvern Malti għamel kien falliment għall-poplu tagħna.

 Il-konsegwenzi tal-Ftehim u tas-sħubija għandhom jikkonvinċu lil kull min huwa ta’ rieda tajba u mhux imkaxkar mill-passjoni tal-partit politiku tiegħu, li sar żball.

Nagħmlu żball aktar jekk ma naħdmux ħalli nsewwu l-iżball li sar.

Illum żball akbar jekk ngħidu li issa li l-iżball sar, nibqgħu bih.

Dan jgħodd kemm għan-
Nazzjonalisti kif ukoll ghal-Laburisti.

Fil-każ tal-
Laburisti, l-iżball ikun akbar.

Għax iż-żmien qed jurina li l-Laburisti kellhom ragun li qabel ir-referendum wissew lill-poplu li l-ftehim tas-sħubija ma kienx jgħodd għalina.

U issa, minflok li jaħdmu ħalli nsewwu l-iżball, lil-Laburisti qegħdin jgħidulhom biex naċċettaw l-iżball għax il-maġġoranza għamlitu.

Irriduhom jidħlu kompliċi fil-ħsara li se ssir lill-poplu Malti b’konsegwenza tal-ftehim tas-sħubija fl-
Unjoni Ewropea.

Dan mhux sewwa li jitħalla jiġri.  

Il-Ħamis, 17 ta’ Ġunju, 2004.

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

<< Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ