MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

  

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha

€182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

L-Ewwel ta’ Mejju u l-UE

 

Ħafna min dawk li kienu preżenti f’Misraħ il-Ħelsien, fl-Ewwel ta’ Mejju, urew id-diżapprovazzjoni tagħhom għall-kliem ta’ Toto` Cotugno dwar l-Unjoni Ewropea. 

 

Kienet reazzjoni spontanja u naturali ħafna u wriet kemm il-kotra għadha kontra li Malta ssieħbet fl-Unjoni.

 

Ma setax jonqos li jkun hemm dik id-diżapprovazzjoni għall-kliem ta’ Cotugno dwar l-Unjoni minn dawk iż-żgħażagħ li tilfu l-impjieg tagħhom bl-għeluq tal-fabbriki fejn kienu jaħdmu, wara s-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni.

 

Kif lanqas seta’ jonqos li jkun hemm stmerrija għad-dagħwa ta’ Cotugno, min-naħa tal-ħaddiema tat-tarzni li tkeċċew minħabba l-ftehim li sar ma l-UE. 

 

U anki min-nisa tad-dar ma setgħux jonqsu milli juru l-għadab tagħhom għax qegħdin iġarrbu żieda fl-għoli tal-ħajja minħabba l-politika u d-direttivi ta’ l-Unjoni. 

 

L-istess fil-każ ta’ l-għarajjes li ma jistgħux ikollhom id-dar tagħhom minħabba kif għolew il-prezzijiet tal-proprjeta` wara s-sħubija fl-UE.

 

Meta llum għadd akbar ta’ niex qegħdin jintebħu kemm qabel ir-Referendum dwar is-sħubija fl-Unjoni kienu ngannawhom u qarrqu bihom bil-wegħda ta’ zminijiet aħjar u rebbiegħa ġdida, xejn ma kienu f’waqtu li jiġi Cotugno jipprofana Jum il-Ħaddiem billi jgħid li għal grazzja t’Alla, Malta ssieħbet fl-Unjoni. 

 

Illum ħafna jafu li kienet diżgrazzja u sfortuna għall-poplu tagħna.

 

Għalxejn il-partiti politiċi jitqanżħu biex juru li m’hawnx oppożizzjoni għas-sħubija fl-Unjoni. 

 

Hawn oppożizzjoni qawwija li qiegħda dejjem tikber aktar ma titħaddem il-politika ta’ l-Unjoni u aktar ma jitwettqu d-direttivi tagħha. 

 

L-oppożizzjoni għandha tiżdied kif jiskadu d-derogi li l-Unjoni tatna meta sar il-ftehim tas-sħubija.

 

Huwa għajb li l-aktar jum għażiż għall-ħaddiema, l-Ewwel ta’ Mejju, huwa wkoll l-anniversarju ta’ ġrajja li hija ta’ ħsara kbira għall-klassi tal-ħaddiema – id-dħul ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea.

 

Dak li seħħ fl-Ewwel ta’ Mejju jixhed li l-ħaddiema għadhom kontra s-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea, minkejja li għaddew tliet snin minn dik il-ġrajja. 

 

Minkejja wkoll il-propaganda kontinwa li qiegħda ssir favur l-Unjoni u l-ftaħir ta’ kemm il-poplu qiegħed igawdi mill-fondi ta’ l-Unjoni, filwaqt li aktar qiegħed jonfoq minħabba s-sħubija u jħallas llill-Unjoni, nittamaw li t-tagħlima tittieħed minn min irid il-ġid veru tal-ħaddiema Maltin.

 

Telf ta’ xoghol minhabba l-UE

 

IL-KWISTJONI li nqalgħet dwar il-bini ta’ għaxar vapuri fit-Tarzna wriet kemm is-sħubija fl-Unjoni Ewropea għamlet ħsara lill-qasam tax-xogħol f’pajjiżna, mhux l-inqas, tax-xogħol tat-tiswija u l-bini tal-vapuri.

 

Għax mat-Tarzna ta’ Bormla (Malta Drydocks) u mat-Tarzna tal-Marsa (Malta Shipbuilding) l-Unjoni Ewropea kienet ħarxa ħafna billi nsistiet mal-Gvern Malti li għandu jxolji l-Malta Shipbuilding tal-Marsa u jċekken bil-goff it-Tarzna ta’ Bormla.


L-Unjoni Ewropea ġiegħlet lill-Gvern Malti, sabiex ikun jista’ jagħmel magħha l-ftehim tas-sħubija,

* jintrabat li jkun hemm tarzna waħda,

* li l-għadd ta’ ħaddiema jitnaqqas sew,

* li l-ammont tat-tiswija u tal-bini tal-vapuri jkun kull sena limitat,

* li l-għadd tas-sigħat ta‘ xogħol fit-tarzna kull sena,

* ma jkunx aktar minn dak iffissat mill-Unjoni, u

* li l-ammont ta’ sussidju jonqos sakemm jispiċċa għal kollox sal-31 ta’ Diċembru, 2008.

 

Mini-tarzna


Għalhekk minħabba s-sħubija fl-Unjoni, mijiet ta’ ħaddiema tas-sengħa ma baqgħux jaħdmu fit-tarzna, xogħol tal-bini ta’ vapuri nixef, u għal fuq xogħlijiet ta’ tiswija, spiss bdew jinġiebu ħaddiema barranin, minflok infittxu li nżidu x-xogħol u l-ħaddiema tat-tarzna.


Fil-waqt li qabel ma daħal fis-seħħ il-pjan li l-Unjoni Ewropea ħejjiet għat-tarzna tagħna, il-qagħda kienet li ma konniex inġibu xogħol biżżejjed għall-għadd ta‘ ħaddiema li t-tarzni kellhom, wara s-sħubija fl-Unjoni, it-tarzna spiċċat mini-tarzna mingħajr ħaddiema biżżejjed għax-xogħol li nistgħu nġibu. 

 

Dan ġab lit-tarzna fil-qagħda li mhux talli qiegħda tfittex xogħol ta’ ċertu kobor, iżda li saħansitra qiegħda tirrifjuta opportunitajiet ta’ xogħol li jiġuha.


Ma tantx huwa possibbli għall-pubbliku li jsir jaf bl-opportunitajiet ta’ xogħol li t-tarzna tirrifjuta minħabba x-xkiel li għamlitilna l-Unjoni Ewropea. 

 

Iżda f’dawn l-aħħar ġranet inkixef il-każ ta’ Malta, u li ilu x-xhur isib il-bibien tat-tarzna magħluqin għalih.

 

Bini ta’ għaxar vapuri


Il-kuntratt tal-bini ta’ l-għaxar vapuri jiswa b’kollox madwar $5 biljun u jħaddem mijiet kbar ta’ ħaddiema, għal għadd ta’ snin. 

 

It-tarzna sabitha diffiċli biex tagħti stima għall-bini ta’ l-għaxar vapuri, u kif iċċekknet mill-Unjoni Ewropea, ma tistax tidħol għal dan ix-xogħol mingħajr ma ddaħħal ħafna aktar ħaddiema lura magħha.


La t-tarzna hija tal-Gvern, huwa l-Gvern li jrid jiddeċiedi jekk it-tarzna taċċettax il-kuntratt tal-bini ta’ l-għaxar vapuri minkejja dak li trid l-Unjoni Ewropea, jew inkella li t-tarzna toqgħod għal dak li trid l-Unjoni u ma taċċettax din l-ordni minħabba l-kobor tagħna - ghax tfisser

 

* għadd ta‘ ħaddiema aktar milli l-Unjoni trid li jkun fit-tarzna,

* volum ta’ xogħol aktar minn dak li l-Unjoni trid li t-tarzna tagħmel, u

* sigħat ta’ xogħol ħafna aktar mill-ammont ta‘ sigħat ta’ xogħol li jista’ jkun hemm f’sena fit-tarzna.


M’hemmx dubju li l-interess nazzjonali jiddettalna li naċċettaw dan il-kuntratt kbir ta’ xogħol għall-ħaddiema Maltin, tgħid x’tgħid l-Unjoni Ewropea.


Din l-opportunità ta’ xogħol turina x’tort kbir għamlitilna s-sħubija fl-Unjoni u l-ftehim li l-Unjoni rabtitna bih dwar it-tarzna.

 

Id-deċiżjoni dwar il-kaċċa u l-Unjoni Ewropea

 

Jumejn wara li l-Prim Ministru ġie lura mil-laqgħa li kellu mal-mexxejja ta’ l-Unjoni Ewropea, il-Gvern waqqaf ħesrem il-kaċċa. 

 

L-iskuża li ġab kienet minħabba l-ammont ta’ kaċċa illegali li qal li l-Pulizija rrapportaw fl-aħħar ġranet. 

 

Provi ta’ dan ma nġiebux.


Ħafna jemmnu li l-Unjoni Ewropea ġiegħlet lill-Gvern iwaqqaf il-kaċċa, inkella l-Gvern kien qed jipperikola li l-Unjoni tmur lura mill-ftehim li pajjiżna jdaħħal l-Ewro f’Jannar li ġej. 

 

Huwa fatt li l-Unjoni ma tridx li ssir kaċċa fir-rebbiegħa, u l-Gvern sab skuża biex ibaxxi rasu għal dak li trid minnu l-Unjoni, ladarba huwa jrid mill-Unjoni.


L-iskuża li ġab il-Gvern biex iwaqqaf il-kaċċa ma titwemminx, għax id-deċiżjoni li ttieħdet ma tagħmilx sens ħlief għal dawk li ma jridux iħallu l-eluf ta’ ħutna Maltin u Għawdxin igawdu bil-kwiet id-delizzju tagħhom tal-kaċċa, kif kien jiġri qabel is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.


Ma stgħaġibniex li uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea minnufih faħħru lill-Gvern Malti talli waqqaf il-kaċċa. 

 

Mhux biss faħħruh, iżda wkoll widdbuh biex ma jerġax jippermetti li ssir kaċċa fir-rebbiegħa.


B’dak li għamel, il-Gvern huwa ttamat li jintemmu l-passi li l-Unjoni Ewropea kienet bdiet tieħu kontrih minħabba l-kaċċa fir-rebbiegħa. 

 

Mhux biss, iżda huwa ttamat li l-Gvern jingħoġob aktar mal-mexxejja ta’ l-Unjoni, allavolja se jidher ikrah mal-kaċċaturi Maltin u l-familji tagħhom.


Iċ-ċaħda tal-kaċċa tħarbat lil eluf ta’ kaċċaturi li għalihom il-kaċċa hija żvog u mistrieħ li ma jibdluha ma’ xejn.

 

Fil-familji tal-kaċċaturi hemm għadab kbir għall-Gvern Malti u għall-Unjoni Ewropea minħabba s-sens ta’ frustrazzjoni li joħloq tensjoni żejda li thedded l-armonija tal-familja. 

 

Għalhekk hawn ħafna ilmenti min-nisa tad-dar li jinkwetaw jaraw lil żwieġhom u lil uliedhom mitlufin mingħajr il-kaċċa.


Laqtitna ittra li mara ta’ kaċċatur kitbet f’ġurnal bl-Ingliż dwar id-deċiżjoni assurda tal-Gvern dwar il-kaċċa.

 

Għalhekk se nġibuha maqluba għall-Malti għax turi kemm ir-raġunar tal-Gvern huwa falz. 

 

L-ittra li dehret is-Sibt li għadda tgħid hekk:

 

“Il-Gvern għalaq l-istaġun tal-kaċċa għax xi kaċċaturi irresponsabbli kisru l-liġi. Iżda xi ngħidu għall-kaċċaturi responsabbli u li josservaw il-liġi?


“Jekk nużaw ir-raġunar tal-Gvern, għandna nistennew: 

 

1. Li jingħalqu l-qrati għax kellna mħallfin irresponsabbli; 

 

2. It-toroq f’Malta jingħalqu għax kellna ħafna każi ta’ sewwieqa irresponsabbli; 

 

3. La darba ġie rrapportat li xi Membri Parlamentari qegħdin iġibu ruħhom b’mod irresponsabbli, għandna nagħlqu l-Parlament; 

 

4. Il-Knisja għandha tingħalaq għax xi membri tal-kleru ġabu ruħhom b’mod irresponsabbli mat-tfal; 

 

5. U jekk iseħħ dan kollu, ma jkunx hemm il-ħtieġa għall-Pulizija u għas-suldati, u nistgħu nżarmaw iż-żewġ korpi.


“Mhux kull attività tal-bniedem tista’ tiġi abbużata? Għandna nistennew li jitrażżnu l-abbużi u azzjonijiet ta’ ġwejjef u mhux l-attività kollha.”


Il-kittieba ta’ din l-ittra spiċċatha hekk: 

“Min jaf jekk id-deċiżjoni tal-Gvern li jtemm il- kaċċa hijiex biss meħuda bi skuża? 

Jistax ikun li l-assikurazzjonijiet li ta l-Gvern li kien irnexxielu jikseb deroga mill-Unjoni Ewropea għall-kaċċa fir-rebbiegħa, kienu kollha foloz?”


Bħalma falza kienet l-istorja li Malta trid tgħaddi mill-eżami biex titħalla ddaħħal l-Ewro, meta l-Unjoni Ewropea ilha li ftiehmet mal-Gvern Malti biex jagħmel dan fl-1 ta’ Jannar li ġej. 

 

Kollox kien eżerċizzju kbir ta’ propaganda biex jinfluwenza lill-poplu favur il-munita komuni ta’ l-UE li kull pajjiż li ssieħeb fl-Unjoni fl-1 ta’ Mejju, 2004 intrabat li jdaħħal illum jew għada, jaqbillu jew ma jaqbillux. '

 

Il-Ħamis, 17 ta' Mejju, 2007.

<< Lura << 

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola liċ-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ