MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
minn Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI
GĦID LILL-KANDIDAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €360,000,000
It-Tarzna parti mill-patrimonju nazzjonali
minn Karmenu Mifsud Bonnici - Kampanja Ħelsien Nazzjonali
L-Unjoni Ewropea wriet kefrija liema bħalha mal-Maltin meta fit-Trattat tas-Sħubija ta' Malta fl-Unjoni, iffirmat f'Ateni, fis-16 ta' April 2003,
* ordnat li t-Tarznari ta' Malta ma jagħmlux aktar minn 2.4 miljun siegħa ta' xogħol (‘man hours’) fis-sena,
* ma jistgħux f'sena jibnu vapuri li kollha flimkien jaqbżu l-10,000 tunellata,
* li l-Baċir Numru 1 ta' Bormla jingħalaq għal mill-inqas għaxar snin, u
*
li l-ħaddiema fuq xogħol produttiv
jitnaqqsu għal 1,410.
Hija mistoqsija wisq flokha li ssir għalfejn l-Unjoni Ewropea ddettat
lill-Gvern Malti dawn il-kundizzjonijiet ħorox dwar it-Tarznari biex it-talba
tiegħu għas-sħubija fl-Unjoni tilqagħha?
L-iskuża li ngħatat hija li dawn il-kundizzjonijiet kienu jagħmlu parti minn pjan ta' ristrutturar tat-Tarznari, mifrux fuq perjodu ta' seba’ snin.
Is-seba’
snin bdew f'Jannar 2002, għalkemm it-Trattat tas-Sħubija fl-Unjoni
kellu jibda jseħħ mill-1 ta' Mejju, 2004.
L-Unjoni Ewropea ffissat ukoll l-ammont ta' għajnuna finanzjarja
governattiva li setgħet tingħata lit-Tarznari Maltin sa l-aħħar
tas-sena 2008, u qatgħet li wara, ma tistax tingħata aktar għajnuna.
B'riżultat tat-Trattat tas-Sħubija ta' l-2003, mijiet ta' ħaddiema ngħataw is-sensja mit-Tarznari, u mijiet oħrajn ħarġu bil-pensjoni, jew ħadu ammont ta' flus biex jitilqu mill-impjieg.
Magħhom
intilef patrimonju ta’ snin ta' esperjenza fit-tiswija u l-bini tal-vapuri u tħarbat
wirt kbir ta’ snajja’ u ħiliet tekniċi.
Dak li l-Unjoni Ewropea ddeċidiet għat-Tarznari Maltin, izzoppathom,
minflok iddrittat-hom.
F'Jannar
ta' din is-sena l-Inġinier Lawrence Ciantar, li tħarreġ fit-Tarzna
u għal ħafna snin mexxa l-Enemalta, barra karigi oħrajn li okkupa,
kiteb hekk dwar il-pjan ta' l-Unjoni għat-Tarzna ta’ Malta.
“L-hekk imsejjaħ 'programm ta' ristrutturar' ma kien xejn ħlief eżerċizzju ta' tnaqqis ta' ħaddiema biex tonqos l-ispiża kurrenti.
Ma sarx investiment f'għodda u makkinarju modern biex titjieb l-effiċjenza u l-kwalità tax-xogħol.
Ma sarx taħriġ ta' l-impjegati f'dawk li huma teknoliġiji ġodda, u partikolarment fil-maniġment.
It-tnaqqis
fid-dħul ta' l-apprentisti, tant meħtieġa biex it-Tarzna tibqa’
tiżviluppa, dgħajjef ħafna l-potenzjal tat-Tarzna għas-snin
li ġejjin.
Għall-kuntrarju, it-tmexxija tat-Tarzna ġiet mgħoddija
effettivament f'idejn maniġment barrani.
Barra minn hekk, xi wħud mill-kuntratti li rebħet it-Tarzna kienu mgħoddijin lill-kuntratturi barranin, li mpjegaw magħhom ħaddiema barranin.
B'hekk, dawn il-kuntratturi gawdew mill-qligħ, u l-esperjenza tax-xogħol marret ukoll barra mill-pajjiż, waqt li t-Tarzna ġarret telf fuq il-kuntratti.
Din
is-sitwazzjoni kellha mpatt negattiv qawwi fuq il-moral tal-ħaddiema Maltin.”
Din il-kitba ta' l-Inġinier Ciantar tixli kemm lill-Unjoni Ewropea li
mponiet il-pjan dwar it-Tarznari u lill-Gvern Malti li aċċettah.
Issa
li l-pjan jidher li ma rnexxiex jagħmel lit-Tarzna ma titlifx, qegħdin
iwaddbu l-ħtija kollha fuq nuqqas ta’ produttività tal-ħaddiema, u
mhux nuqqas ta’ ħila u mismaniġment tat-tmexxija, politika żbaljata
u skifuża tal-Gvern, u ftehim diżastruż sforzat fuqu mill-Unjoni
Ewropea.
L-akbar
sagrileġġi tal-ftehim dwar it-Tarznari Maltin huma l-limiti li jagħmel
fuq l-għadd ta’ ħaddiema produttivi, fuq l-ammont ta' xogħol li
jista’ jsir kull sena, u l-għeluq ta’ baċir.
Minflok infittxu biex inġiebu xogħol għat-Tarzna kemm nistgħu,
spiċċajna nirrifjutaw xogħol.
Minflok inħaddmu kemm nifilħu ħaddiema Maltin, waqajna biex inqabbdu ħaddiema barranin, li laħqu ’l fuq minn 800 f'sena.
Minflok
nagħmlu l-akbar użu mill-faċilitajiet tal-baċiri li għandna,
b'mod skandaluż u irresponsabbli nagħlqu wieħed minnhom għal
għaxar snin.
Meta l-Gvern ftaħar li ħafer id-dejn tad-Drydocks u tax-Shipbulding,
ma qalx lill-poplu li huwa
* akkwista mingħajr ħlas il-proprjetà tal-baċiri,
* mollijiet,
* ħwienet tax-xogħol,
* makkinarju,
* impjant,
* l-għodda,
* il-krejns u
* l-ħila fis-snajja’ u
* l-esperjenza tax-xogħol ta’ l-1,410 ħaddiema produttivi li żamm fl-impjieg.
Rappreżentanti governattivi jgħattu l-inkompetenza tagħhom billi l-ħin kollu jpinġu ikrah lill-ħaddiema tat-Tarzna, minflok jinkoraġġuhom u jgħollulhom il-moral.
Lill-pubbliku
jagħtuh x'jifhem li jaqbillu ma jkollux il-piż ta' l-għajnuna
lit-Tarzna, mentri huwa fl-interess tal-poplu Malti li nkomplu nħarsu
il-minjiera tan-nies tas-sengħa li n-nazzjon għandu ħtieġa
kbira tagħhom f'kull żmien.
Hemm żewġ punti li l-Unjoni Ewropea u min iserviha f'pajjiżna jisħqu fuqhom dwar it-Tarzna.
Wieħed huwa li l-Unjoni ma tippermettix li tingħata għajnuna statali lill-kumpaniji kummerċjali għax huwa kontra r-regoli tal-kompetizzjoni tas-suq.
It-tieni
punt huwa li l-pajjiż ma għandux iġorr il-piż ta' l-għajnuna
finanzjarja li tingħata ħalli kumpanija tkompli topera.
Fuq dawn iż-żewġ punti, dawk li jsostnuhom m'għandhomx raġun.
La
r-regoli tal-kompetizzjoni tas-suq u lanqas il-piż ta' l-għajnuna
finanzjarja fuq il-poplu ma jegħlbu l-vantaġġi soċjali u
ekonomiċi li ma jinqeridx il-wirt tas-sengħa tat-tisqija tal-vapuri u
tas-sengħa tal-bini tal-vapuri f'pajjiżna, u li ma tagħlaqx l-aqwa
skola f'pajjiżna ta' taħriġ tekniku u fis-snajja’, kif ukoll li
ma tonqos li tutilizza l-faċilitajiet siewja tal-baċiri u l-mollijiet
li pajjiżna investa tant flejjes biex bnihom.
Jekk irridu nevitaw konfront ma' l-Unjoni Ewropea dwar l-għajnuna statali
lill-kumpanija kummerċjali tat-Tarzna, nistgħu nagħżlu minn
żewġ toroq.
Nistgħu
lit-Tarzna ngħodduha bħala fejn għandna l-'workshops' tat-taħriġ
prattiku fis-snajja’ taż-żgħażagħ li jingħataw
it-tagħrif akkademiku fil-Kulleġġ tax-Xjenza u Teknoloġija
f'Kordin, u ta' dan it-taħriġ it-Tarzna titħallas mid-Dipartiment
ta' l-Edukazzjoni.
Nistgħu wkoll lit-Tarzna ma nħalluhiex aktar kumpanija kummerċjali, u nassorbuha bħala dipartiment governattiv, bħal ma huwa d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u t-taqsima tiegħu tal-ħwienet tax-xogħol.
B'hekk
l-1,410 ħaddiema tat-Tarzna jsiru ħaddiema mal-Gvern u jingħaddu
ma' ’l fuq minn 30,000 ħaddiem u mpjegat li l-Gvern għandu miegħu.
Dan il-pass ma jkunx ifisser li l-Gvern se joħroġ 1,410 pagi oħrajn.
Ifisser li joħroġ mhux aktar minn 352 paga oħra, jekk wieħed jikkalkola li bejn il-ħruġ fis-sena tat-Tarzna u d-dħul tagħha, jkun hemm żbilanċ ta' ammont ta' flus ekwivalenti għal kwart tal-pagi kollha tal-1,410 ħaddiema tat-Tarzna.
B'hekk
b'żieda ta' ammont ekwivalenti għal 352 paga, il-Gvern jiffranka li jħallas
ammont akbar f'‘un-employment benefit’ u għajnuna soċjali lil
1,410 ħaddiem.
Anke finanzjarjament ikun jaqbel lill-poplu li t-Tarzna ssir dipartiment
governattiv, barra mill-vantaġġi enormi soċjali u industrijali għal
pajjiżna li l-ħaddiema tat-Tarzna jibqgħu fuq xogħolhom.
Wara kollox, it-Tarzna hi parti mill-Patrimonju Nazzjonali.
Il-moderni
u l-progressivi favur in-newtralità
Dawk
li llum iridu jbid-dlu x’tgħid il-kostituz-zjoni ta’ Malta fuq in-newtralità,
aktarx li lanqas kienu jaqblu magħha meta fil-1987 daħħalnieha
fil-Kostituzzjoni.
Qegħdin jiftaħru li huma moderni u progressivi.
Ma jirrealizzawx li ma hemm xejn modern u progressiv f’li pajjiżi jieħdu sehem fi gwerer.
Ilhom
il-pajjiżi jagħmlu hekk mill-qedem u mhux għax progressivi, iżda
għax aggressivi.
Jgħidulna li fiċ-ċirkostanzi preżenti pajjiżna ma
jaqbillux ikun newtrali.
Ma
jirrealizzawx li llum, meta ħafna mill-popli tal-bqija tad-dinja huma
ostili għall-blokk tal-Punent, niffrankaw li jkunu kontra tagħna jekk
jarawna li aħna mhux allineati militarment mal-Punent.
Qegħdin isostnu li s-sħubija fl-Unjoni Ewropea ma tħallix lil
pajjiżna jibqa’ newtrali.
Jinsew
li qabel ir-referendum dwar is-sħubija, il-mexxejja ta’ l-Unjoni u l-pupazzi
tagħhom f’pajjiżna, żguraw lill-poplu li n-newtralità skond
il-Kostituzzjoni mhux kontra s-sħubija fl-Unjon Ewropea u li għalhekk
ma kienx hemm il-ħtieġa li tinbidel.
Jekk
nirrevedu x’tgħid il-Kostituizzjoni dwar in-newtralità, nagħmluha
aktar iebsa u restrittiva, indaħħlu d-dritt ċar li tista’ tagħmel
kawża lill-Gvern jekk jagħmel pass li jikser in-newtralità bħal
ma hemm meta jinkiser xi dritt uman fundamentali.
Jekk irridu nkunu tassew progressivi, indaħħlu fil-Kostituzzjoni li naħdmu
għad-diżarm ġenerali, għall-qerda ta’ l-armi ta’
distruzzjoni tal-massa u niċħdu l-użu tal-forza militari fir-relazzjonijiet
bejn il-popli.
IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA
Il-Ħamis, 17 ta’ April, 2008
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat Lm2 flimkien ma' din il-formola liċ-
Chairman
CNI,
Dr
Karmenu Mifsud Bonnici B.A. LL.D.
81,
Triq Ġuże Pace,
Ħamrun.
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ