MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
Mill-Avukat Karmenu Mifsud Bonnici
Chairman Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI
IL-KOSTITUZZJONI TA' L-UNJONI EWROPEA TKASBAR IL-KOSTITUZZJONI TA' MALTA
Ma
nivvotawx favur il-Kostituzzjoni
ġdida ta’ l-Unjoni Ewropea
ID-DEPUTATI Parlamentari Laburisti m’għandhomx jivvotaw favur il-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni Ewropea.
Il-Konferenza Ġenerali Laburista, fid-9 ta’ Novembru, 2003, iddeċidiet li l-Partit Laburista, anzi waqt li qiegħed fl-Oppożizzjoni, għandu jaħdem bla heda ħalli jxejjen l-aspetti negattivi kollha tal-Ftehim tas-Sħubija ta’ Malta ma’ l-Unjoni Ewropea, u jara li l-ftehim ma’ l-Unjoni ma jkunx żvantaġġjuż u ta’ ħsara għall-poplu Malti, speċjalment għall-ħaddiema.
Il-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea qiegħda ġġedded l-istess Ftehim tas-Sħubija li l-Gvern Nazzjonalista għamel ma’ l-Unjoni.
Għalhekk, skond id-deċiżjoni tal-Konferenza Ġenerali Laburista tad-9 ta’ Novembru, 2003, id-Deputati Parlamentari Laburisti ma jistgħux jivvotaw favur il-Kostituzzjoni li ġġedded l-aspetti negattivi kollha, żvantaġġjuż u ta’ ħsara għall-poplu Malti u għall-ħaddiema, tal-Ftehim tas-Sħubija.
Vot favur il-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea, huwa vot favur il-Ftehim li l-Gvern Nazzjonalista għamel ma’ l-Unjoni.
Il-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni Ewropea, fil-waqt li ġġedded il-Ftehim tas-Sħubija ta’ l-2003, tħalli barra d-Dikjarazzjoni li l-Gvern Malti kien għamel mal-Ftehim dwar in-Newtralità ta’ pajjiżna.
Jekk id-Deputati Parlamentari Laburisti jivvotaw favur il-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni Ewropea, huma jkunu qegħdin jivvotaw favur li titwarrab u tindifen id-Dikjarazzjoni dwar in-Newtralità ta’ Malta, mill-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni.
Id-Deputati Parlamentari Laburisti f’Lulju 2003 ivvotaw kontra l-Ftehim tas-Sħubija li l-Gvern Nazzjonalista għamel ma’ l-Unjoni.
Jekk aktar tard din is-sena,
id-Deputati
Parlamentari Laburisti jivvotaw favur il-Kostituzzjoni li ġġedded
dak il-Ftehim, huma jkunu għamlu u-turn billi appoġġjaw dak li
vvotaw kontrih sentejn ilu fil-Parlament.
Il-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni Ewropea tħarrax il-ħakma u tkabbar is-setgħat li l-Unjoni diġà għandha llum fuq pajjiżna.
Minħabba f’hekk, il-poplu Malti jkompli jitlef mill-ftit saħħa li għad baqagħlu li jagħżel kif jitmexxa.
Għax il-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni Ewropea żżid hafna l-oqsma li fihom pajjiżna ma jitmexxiex skond ir-rieda tal-maġġoranza tal-poplu Malti mfissra demokratikament fl-Elezzjoni Ġenerali, iżda jitmexxa skond ir-rieda tal-maġġoranza tal-gvernijiet tal-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni Ewropea.
Meta l-Partit Laburista kien bagħat ir-rappreżentanti tieghu (il-Leader u d-Deputy Leader) fil-Konvenzjoni li kellha tfassal abbozz ta’ kostituzzjoni għall-Unjoni Ewropea, il-mandat tal-Konvenzjoni kien li l-Unjoni Ewropea treġġa’ lura lill-Gvernijiet tal-pajjiżi membri ħafna mis-setgħat li kienet ħaditilhom.
Minflok, il-Kostituzzjoni li l-mexxejja tal-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni qablu dwarha, mhux biss bidlet l-abbozz tal-Kostituzzjoni magħmul mill-Konvenzjoni, iżda tat aktar setgħat lill-Unjoni, u naqqset aktar setgħat lill-gvernijiet tal-pajjiżi membri.
Fl-2003, il-maġġoranza tal-poplu vvotat favur l-Unjoni Ewropea kif kienet, u għadha magħmulha llum.
Il-Kostituzzjoni ġdida
twaqqaf Unjoni Ewropea ġdida mibdula minn dik tal-lum.
Il-poplu Malti ma vvotax fl-2003 għall-Unjoni Ewropea kif il-Kostituzzjoni ġdida se tagħmilha wara s-sena 2008, jekk tidħol fis-seħħ.
Id-Deputati Parlamentari li ma jivvotawx favur il-Kostituzzjoni ġdida, ikun qegħdin bl-aġir taghhom iżommu l-Unjoni Ewropea kif inhi llum u kif il-maġġoranza tal-poplu Malti vvota favuriha fl-2003.
It-30 membri Parlamentari Laburisti li ma jivvotawx favur il-Kostituzzjoni ġdida ta‘ l-Unjoni Ewropea, ikunu qegħdin jagħmlu kif għamlu 232 membri tal-Parlament Ewropew li fit-12 ta’ Jannar fi Strasbourg ma vvotawx favur il-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni Ewropea.
Ġurament ta' lealta` li jieħdu l-Membri Parlamentari kollha
Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li nkun tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r- Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. (Hekk Alla jgħini).
Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.
Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment u skond il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skond il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta, mingħajr biża’ jew favur. ( Hekk Alla jgħini).
Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ President.
Jiena ..............................................., solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta’ President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta’ Malta, u li, skond l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. (Hekk Alla jgħini).
Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta
6. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) ta’ l-artikolu 47 u ta’ l-artikolu 66 ta’ din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.
Artiklu I-6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea
Dritt ta' l-Unjoni
Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri.
Tista' tafda lil min jikser il-ĠURAMENT tiegħu/tagħha?
Il-Ħamis, 17 ta' Marzu, 2005.
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat Lm2 flimkien ma' din il-formola liċ-
Chairman
CNI,
Dr
Karmenu Mifsud Bonnici B.A. LL.D.
81,
Triq Ġuże Pace,
Ħamrun.
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ