MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LILL-KANDIDAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000

 

Il-poplu mċaħħad minn tagħrif sħiħ dwar it-trattat ta’ sħubija fl-UE

 

minn Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI

 

Araw kif tassew nistgħu nitilqu mill-Unjoni Ewropea

Dan huwa video tal-Parlament Ewropew

 Video Parlament Ewropew

 

Il-votant Malti huwa mistenni li jaqra 133 paġna kuljum għal xahar sħiħ qabel jivvota fir-referendum. 

 

It-trattat bejn Malta u l-Unjoni Ewropea fih aktar minn 4,000 paġna. 

 

Għar-referendum ma baqax aktar minn xahar. 

 

Għalhekk biex tilħaq taqra t-trattat tar-referendum, trid mill-anqas taqra mhux anqas minn 133 paġna kuljum għal xahar sħiħ.

Din hija l-istorja ta’ l-għajb li l-Gvern Malti sfaċċatament qiegħed jipprova jbella’ lill-poplu Malti billi jħalliħ fil-għama biex ma jintebaħx bit-tradiment li qiegħed jagħmillu. 

 

Hija storja taċ-ċaħda tad-demokrazija li tippriva lill-votant mit-tagħrif sħiħ li għandu bżonn biex jifforma l-ġudizzju tiegħu qabel jivvota. 

 

Vot mogħti fl-għama huwa vot misruq. 

 

L-Unjoni Ewropea li qiegħda tiffinanzja bil-kbir l-propaganda tar-referendum, hija kompliċi f’dan id-delitt li qiegħed isir tad-demokrazija f’pajjiżna.

 

L-ewwel referendum

 

Malta hija l-ewwel pajjiż mill-għaxar pajjiżi li nnegozjaw ma’ l-Unjoni Ewropea, li se tagħmel ir-referendum dwar ir-riżultat tan-negozjati. 

 

L-għaġġla sfrenata tal-Gvern Malti biex jipprova jaħtaf il-kunsens tal-poplu għall-ftehim, m’għandhiex tifsira oħra għajr dik li l-Gvern ma jridx jagħti lill-poplu Malti żmien biżżejjed biex jixtar sewwa l-ftehim, għax aktar ma jagħmel dan sew, anqas japprova l-ftehim. 

 

L-Unjoni Ewropea hija, bl-appoġġ sħiħ tagħha għall-manuvri tal-Gvern Malti, kompliċi miegħu fil-ħadma mistmerra tal-poplu Malti.

 

Fatt ta’ l-għajb

 

Dan il-fatt ta’ l-għajb tal-ħtieġa tal-qari ta’ aktar minn 4,000 paġna tat-trattat bejn Malta u l-Unjoni Ewropea fi żmien 30 ġurnata, aktarx ukoll jimbarazza lill-isqfijiet ta’ pajjiżna.

Għax dawn ftit taż-żmien ilu tkellmu fuq il-ħtieġa li l-poplu jfittex li jikseb it-tagħrif sħiħ biex ikun jista’ jivvota.

 

Issa li l-għaġġla skandaluża tal-Gvern mhux se tħalli lill-poplu jkollu tagħrif sħiħ dwar it-trattat li bih il-gvern irid jorbot lill-poplu ma’ l-UE, mhix se sseħħ il-kundizzjoni msemmija mill-isqfijiet biex il-poplu jkun f’qagħda li jaqdi dmiru. 

 

Għalhekk il-kelma ta’ l-isqfijiet nġiebet fix-xejn bl-aġir tal-Gvern.

M’hemmx dubju li s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea skond il-ftehim li l-Gvern Malti għamel, tfisser bidla sħiħa fil-ħajja tal-poplu Malti. 

 

Għalhekk biex din il-bidla sseħħ, jeħtieġ li jkollha l-kunsens tal-maġġoranza tal-poplu kollu. 

 

Ma jkunx biżżejjed biex issir din il-bidla jekk dawk li jivvutaw "Iva" ma jlaħħqux almenu aktar min-nofs ta’ dawk kollha li għandhom id-dritt li jivvutaw.

Min ma jivvutax "Iva", ma jistax jitqies li huwa favur il-ftehim tal-bidla li l-Gvern Malti nnegozja. 

 

Għalhekk jekk ma jkunx hemm aktar min-nofs il-poplu li jgħid iva ghall-bidla, il-maġġoranza tal-poplu ma tkunx favuriha u ma tkunx tridha.

 

L-Unjoni Ewropea taf li jekk anqas minn nofs il-votanti kollha jgħidu "Iva" għall-ftehim li l-Gvern Malti għamel, il-partit fil-Gvern mhux se jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li trid issir fi ftit ta’ żmien ieħor. 

 

Dan ifisser li gvern ieħor ma jaċċettax il-ftehim li l-gvern preżenti għamel.

La darba l-elezzjoni ġenerali se ssir wara r-referendum, ir-riżultat ta’ l-aħħar, jiġifieri ta’ l-elezzjoni ġenerali, se jorbot, u mhux ir-riżultat tar-referendum li l-gvern stess jgħid li huwa biss konsultattiv u legalment ma jorbotx.

Osservaturi politiċi ta’ ċerta esperjenza jikkritikaw lil Fenech Adami li se jdaħħal lill-pajjiż fi spiża ta’ żewġ votazzjonijiet f’qasir żmien, ta’ referendum u ta’ elezzjoni ġenerali, meta ta’ l-ewwel ma jorbotx u jorbot tat-tieni. 

 

Huma jikkritikawh ukoll li qiegħed jgħaġġel jaħtaf jagħmel ir-referendum mingħajr mal-poplu jingħata tagħrif sħiħ dwar it-trattat li l-gvern irid jiffirma fis-16 ta’ April u mingħajr ma l-poplu jkun jaf kif se tkun l-Unjoni Ewropea wara li tfassal il-kostituzzjoni ġdida tagħha s-sena d-dieħla.

Iżda l-osservaturi politiċi l-aktar li jikkritikaw lil Fenech Adami huwa dwar in-nuqqas ta’ serjetà li qiegħed juri għall-kwistjoni kbira tal-ksur tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u tal-politika ta’ newtralità. 

 

Huma jsostnu li fiż-żminijiet imwegħra tal-lum bil-gwerra ta’ l-Iraq u t-theddida ta’ attakki bi tpattija fuq kull pajjiż li jappoġġa din il-gwerra, gvern prudenti jmissu jieqaf u jistenna li l-kwistjoni tibred u mhux idaħħal lill-pajjiż fi kwistjonijiet ma’ min se jkun kontra kull min jiġġieled ma' l-Iraq u kontra l-pajjiżi Musulmani.

 

L-osservaturi politiċi jisħqu li f’dan iż-żmien, li kieku Malta kellha gvern għaqli u li tassew jaqdi dmiru skond il-Kostituzzjoni u jaħdem attivament għall-paċi fost il-ġnus, Malta ma kinitx tibqa’ siekta u ċassa tara d-dinja miexja lejn gwerra qerrieda, mingħajr ma Malta tieħu sehem attiv biex tipprova ma tħallix dan iseħħ.

Dan kien ikun l-aqwa servizz li l-Gvern Malti kien jagħmel għal Malta u għall-Unjoni Ewropea li tinsab fi kriżi minħabba l-gwerra ta’ l-Iraq. 

 

Il-Gvern Malti sfortunatament jidher ixaqleb lejn dawn il-pajjiżi ta’ l-Unjoni li huma favur il-gwerra, mentri kellu jkun kontra, u skond il-Kostituzzjoni, għandu jkun newtrali.

 

L-Unjoni Ewropea kompliċi fil-ksur tal-Kostituzzjoni ta’ Malta

 

Il-Gvern Malti u l-Unjoni Ewropea jammettu li r-referendum ma jorbotx legalment għax huwa konsultattiv.

 

B’anqas minn nofs il-poplu li jgħid "Iva" għall-ftehim magħmul mill-Gvern Malti ma’ l-Unjoni Ewropea, ma jkunx hemm maġġoranza li wriet il-parir tagħha favur il-kundizzjonijiet tal-ftehim. 

 

Il-maġġoranza tkun uriet li mhux lesta tagħti l-parir tagħha favur dawk il-kundizzjonijiet. 

 

Fi kliem sempliċi, ma jkunx hemm maġġoranza favur il-bidla li l-Gvern ftiehem li jagħmel fil-ħajja tal-poplu Malti u ta’ pajjiżna, għax min ma jgħidx "Iva", mhux favur il-ftehim u l-bidla.

Kemm il-Gvern Malti kif ukoll l-Unjoni Ewropea jafu li jkun ta’ dannu kbir għal pajjiżna u ta’ ħsara kbira għar-relazzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea mal-poplu Malti, jekk il-kunsens tal-poplu Malti għall-ftehim jinsteraq sforz il-ħatfa u l-għaġġla tar-referendum u l-flejjes kbar minfuqa fil-propaganda. 

 

Kunsens miksub b’dan il-mod ma jkunx mibni fuq il-konvinzjoni u wara xtar ta’ tagħrif sħiħ tal-fatti.

 

Ksur tal-Kostituzzjoni Maltija

 

Ir-referendum qiegħed jiffaċċja saram akbar. 

 

Il-ftehim tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni jxejjen in-newtralità u jikser il-Kostituzzjoni tagħna. 

 

Id-dikjarazzjoni dwar in-newtralità li l-Gvern se jehmeż mat-trattat ta’ sħubija, ma tegħlibx id-dmir li Malta timxi skond il-politika barranija li l-Unjoni Ewropea tagħmel.

Il-bidla fil-politika ta’ newtralità ma tistax tkun legali u skond il-Kostituzzjoni jekk ma tinbidilx il-Kostituzzjoni ta’ Malta. 

 

Il-Kostituzzjoni ma tistax tinbidel b’referendum iżda biss b’mhux anqas minn żewġ-terzi tal-membri kollha tal-Parlament.

Għalhekk il-ftehim li dwaru se jsir ir-referendum huwa illegali u kontra l-Kostituzzjoni u r-riżultat tiegħu ma jista' jkollu ebda saħħa legali. 

 

L-Unjoni Ewropea taf b’dan is-saram, iżda tqisu mhux saram tagħha u huwa tal-Gvern Malti.

Tagħmel ħażin ħafna l-Unjoni Ewropea li ma tagħrafx li la darba l-ftehim ta’ sħubija ta’ Malta fl-Unjoni huwa meqjus li jikser il-ftehim jissarraf u jseħħ. 

 

L-inkwiet ma jkunx biss għall-Gvern Malti. Ikun ukoll għall-Unjoni Ewropea li titqies kompliċi fid-delitt tal-ksur tal-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna, aktar u aktar wara li twissiet dwar il-konsegwenzi koroħ ta’ dan.

 

Iridu sħubija fl-UE għax jibżgħu mill-ħelsien

 

Id-deċiżjoni li jsieħbuna fl-Unjoni Ewropea ħaduha fis-sena 1979 għax beżgħu mill-ħelsien sħiħ tal-poplu Malti.

 

Xahrejn qabel il-31 ta’ Marzu 1979, meta l-aħħar suldati Ingliżi kellhom iħallu pajjiżna u b’hekk il-poplu tagħna jikseb il-ħelsien, Fenech Adami u l-klikka tiegħu għaġġlu għaddew riżoluzzjoni biex Malta ma tibqax indipendenti billi tingħaqad mal-Komunità Ekonomika Ewropea (kif l-Unjoni Ewropea kienet tissejjaħ dak iż-żmien). 

 

Għalhekk bil-ftehim tas-sħubija ma’ l-Unjoni Ewropea, Fenech Adami u l-klikka tiegħu llum iridu jwettqu dak li ddeċidew 24 sena ilu (fl-1979) li jarmu l-indipendenza u l-ħelsien tal-poplu Malti.

Fl-1979 Fenech Adami u l-klikka tiegħu beżgħu li Malta indipendenti u ħielsa tinbela’ mir-Russi jew mil-Libjani. Illum, Fenech Adami u l-klikka tiegħu qegħdin ibeżżgħu lill-poplu li jekk nibqgħu indipendenti u ħielsa, inkunu iżolati, bla vuċi u naqgħu lura.

Iżda l-istorja ta’ l-aħħar 40 sena turina li l-poplu tagħna qatt daqs kemm meta ha rajh f’idejh, ma mexa ’l quddiem f’kull qasam u l-vuċi ta’ Malta fid-dinja bdiet tinstema’ biss minn mindu Malta infatmet mill-barrani u ħaddnet politika ta’ newtralità u non-allineament.

 

Iżda Fenech Adami u l-klikka tiegħu biex jiksbu l-poter, kienu lesti jbiegħu ruħhom lill-barranin bħall-Ġermaniż Von Hassel u t-Taljan Flamino Piccoli. 

 

Il-barranin mhux biss tawhom kull għajnuna, iżda waslu biex rikbuhom lil Fenech Adami u l-klikka tiegħu. 

 

Illum dawn waslu biex ibiegħu l-indipendenza u l-ħelsien ta’ pajjiżna bil-ftehim li għamlu ma’ l-Unjoni Ewropea, bit-tpattija ta’ l-għajnuna li rċevew ħalli kisbu u żammew għal tul ta’ żmien, il-poter f’idejhom.

 

Iridu li l-integration ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea sseħħ is-sena d-dieħla fl-2004. 

 

Is-sena d-dieħla taħbat l-40 anniversarju ta’ l-indipendenza miksuba fis-sena 1964. 

 

L-Indipendenza ta’ Malta u l-monument ta’ Borg Olivier. 

 

U dan iridu jagħmluh proprju fl-40 anniversarju ta’ l-indipendenza ta’ Borg Olivier. 

 

B’hekk ikunu rnexxielhom qerduh f’ħajtu u qerdu l-monument tiegħu wara mewtu.

Iridu jiċħdu n-nazzjonaliżmu Malti u jagħmlu minn pajjiżna indipendenti u ħieles, belt integrata u maħkuma mill-Unjoni.

 

It-Tnejn, 17 ta’ Frar, 2003

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

  << Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola liċ-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ