MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

Fl-ewwel xahar ta’ din is-sena Malta tkun ħallset lill-Unjoni Ewropea €4,340,000 minn ħalq uliedek

 

Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000 minn ħalq uliedek

 

L-ispiża enormi tal-bidla għall-Ewro

 

Is-Sibt li għadda, fost pompa kbira u ftaħir li ma jaqta’ xejn, pajjiżna ċċelebra l-bidla tal-munita mil-Lira Maltija għall-Ewro ta’ l-Unjoni Ewropea, b’kunċert vokali u orkestrali, f’Dar il-Mediterran, u b’ruxxmata ta’ diskorsi, bejn wieħed u ieħor, kollha jtambru l-istess noti favur l-Ewro u l-Unjoni Ewropea. 

 

Kull min segwa fuq it-televiżjoni ċ-ċerimonja ta’ tliet sigħat ma setax ma jinnotax vojt kbir – in-nuqqas ta’ entużjażmu popolari u ta’ parteċipazzjoni tal-poplu.


Kienet karatteristika tal-ġrajja tad-dħul ta’ l-Ewro f’pajjiżna li ħalliet lill-poplu Malti biered għall-aħħar, u li kellu jaċċetta l-qerda tal-flus Maltin, għax imġiegħel u mhux għax ried huwa, jew għax jifhem li hekk jaqbillu.


M’hemmx dubju li kemm ta’ l-Unjoni Ewropea kif ukoll il-propagandisti Maltin tagħha, ħassew li l-bidla għall-Ewro sammret aktar tlaqliq li żbaljaw.


Bl-Ewro flok il-Lira Maltija, ma mbarrajniex it-triq biex noħorġu mill-UE. 

 

Anzi bil-kuntrarju, għamilniha aktar faċli biex ma nibqgħux imseħbin fl-Unjoni, u xorta waħda jekk irridu, nkomplu nużaw l-Ewro bħala munita uffiċjali f’pajjiżna.


Għall-poplu Malti l-aktar importanti huwa x’se jsir biex l-Ewro ma tkomplix tgħolli l-ħajja, kif għamlet f’kull pajjiż fejn daħlet. 

 

Ħadd mir-ruxxmata ta’ mistednin li ġibnihom ifaħħruna u jifirħulna għax daħħalna l-Ewro, ma wriena kif bl-Ewro se nrażżmu l-għoli tal-ħajja.

Ħadd minnhom ma wriena kif, la darba l-ispejjeż jiżdiedu bid-dħul ta’ l-Ewro, se nsiru iktar kompetittivi, u mhux inqas.

 

Ħadd mill-irjus kbar li tkellmu fiċ-ċelebrazzjonijiet tas-Sibt li għadda, ma fissrilna kif se nattiraw aktar investiment, jekk mhux se nsiru iktar kompetittivi bid-dħul ta’ l-Ewro. 

 

Ħadd minn kliemhom ma tana prova li se nżidu l-impjiegi f’pajjiżna, la darba mhux se nżidu l-investiment bid-dħul ta’ l-Ewro.


Issa li d-dħul ta’ l-Ewro f’pajjiżna seħħ, il-poplu għandu dritt ikun jaf x’inhi l-ispiża totali li għamilna biex biddilna l-munita tagħna.


X’inhi l-ispiża tal-Kumitat għall-Bidla għall-Ewro (in-NECC) fi tliet snin nafu. 

 

Skond l-estimi tal-Gvern, in-nefqa tlaħħaq €2,542,000

 

X’ħallas il-Bank Ċentrali ta’ Malta lill-Bank Ċentrali ta’ l-Unjoni Ewropea nafu wkoll.


Ħallas
€3,583,000 biex ħa sehem fl-isħma tal-Bank ta’ l-Unjoni, u tah €36,553,000 riservi barranin magħmulin minn dollari Amerikani u deheb.

 

Iżda nfaqna ħafna aktar biex għamilna l-muniti (‘coins’) fiz-zekka Franċiża u biex ġibna lilhom u l-karti ta’ l-Ewro f’Malta. 

 

Għamilna ħafna spejjeż oħrajn biex 

* addattajna s-sistemi tal-kompjuters, 

* tal-‘cash registers’, 

* tal-makni awtomatiċi li jagħtu l-flus, 

 

biex qlibna għall-Ewro 

* l-kontijiet tat-taxxi, 

* tas-servizzi soċjali, 

* tal-banek, 

 

u kull fejn kien jeħtieġ li jemendaw 

* il-liġijiet u 

* r-regolamenti.

U xi swietilna f’sigħat ta’ xogħol għal mijiet ta’ impjegati l-bidla għall-Ewro, il-Bambin biss jaf. 

 

U naturalment, jafu wkoll it-taxxi mħallsin mill-poplu li għamlu tajjeb għal dawn l-ispejjeż enormi, li ħadd m’għandu d-diċenza jagħti sodisfazzjon tagħhom lill-poplu Malti.

Magħhom irridu nżidu l-ispejjeż kbar li saru fiċ-ċelebrazzjonijiet u fl-ikliet ta’ nhar is-Sibt li għadda, li minnhom il-poplu Malti ma kiseb xejn, lanqas l-iċken entużjażmu.

 

Abbuż u għajb mill-Parlament Malti

 

Il-gimgha d-dieħla l-Parlament Malti huwa mistenni li se jivvota favur ir-riżoluzzjoni tar-ratifika tat-Trattat ta’ Lisbona ta’ l-Unjoni Ewropea, li l-Prim Ministru Malti u l-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin iffirmaw fit-13 ta’ Diċembru li għadda.


Dik fil-Parlament Malti mhix se tkun diskussjoni xejn tat-Trattat. 

 

Mhux għax it-Trattat mhu xejn, iżda għax mhi se tkun diskussjoni xejn.


Għax il-membri tal-Parlament taż-żewġ naħat se jivvotaw favur, wara li jisimgħu jintisġu paniġirki li jgħollu t-Trattat, ifaħħru lill-Unjoni Ewropea, u jifirħu lil pajjiżna li issa se jżid siġġu ieħor fil-Parlament farsa ta’ l-Unjoni, bis-saħħa tat-trattat.


Bħalma għamlu f’Lulju ta’ l-2005 meta vvotaw ukoll favur it-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, il-membri tal-Parlament se jaċċettaw li l-Unjoni Ewropea tingħata setgħat ġodda li l-Parlamenti nazzjonali tal-pajjiżi membri se jċedulha bit-Trattat ta’ Lisbona.


Dan jammonta għal abbuż min-naħa tal-membri tal-Parlament Malti li ma ngħatawx id-dritt mill-Maltin u l-Għawdxin li huma jirrappreżentaw, biex jgħaddu lill-barranin is-setgħat li l-Parlament Malti għandu fl-oqsma li t-Trattat ta’ Lisbona se jgħaddi lill-Unjoni Ewropea.

Għajb ieħor li l-membri tal-Parlament se jagħmlu meta jivvotaw favur it-Trattat ta’ Lisbona huwa li se jżidu l-każi li fihom ir-rieda tal-maġġoranza tal-Parlament Malti tispiċċa fix-xejn billi l-pajjiż ikollu joqgħod għad-deċiżjonijiet meħudin mill-maġġoranza tal-gvernijiet tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni, kontra l-vot kuntrarju tal-Gvern Malti li jista’ jsib ruħu fil-minoranza.


Bil-vot favur għat-Trattat ta’ Lisbona, ir-rappreżentanti fil-Parlament Malti tal-Maltin u l-Għawdxin qegħdin jaċċettaw li fil-ħwejjeġ ġodda li t-Trattat ta’ Lisbona mhux se jħalli s-sistema tal-kunsens ta’ kull pajjiż, ir-rieda tal-barranin tista’ tegħleb ir-rieda tal-Maltin u l-Għawdxin kollha, u r-rappreżentanti tal-poplu jkollhom jgħaddu mill-Parlament Malti d-deċiżjonijiet ta’ l-Unjoni li l-Gvern Malti ma jkunx qabel magħhom.

 

Kemm fil-każ ta’ l-għoti ta’ setgħat ġodda lill-Unjoni Ewropea, kif ukoll fil-każ tad-deċiżjonijiet ġodda li jittieħdu bil-maġġoranza u mhux bl-unanimità, il-membri tal-Parlament Malti li jivvotaw favurhom meta jivvotaw favur it-Trattat ta’ Lisbona, ikunu qegħdin jaġixxu mingħajr dritt mogħti lilhom mill-Maltin u l-Għawdxin li meta vvotawlhom fl-elezzjoni ġenerali, ħatruhom biex imexxu skond is-setgħat mogħtijin mill-Kostituzzjoni ta’ Malta, u mhux biex jgħaddu x’uħud mis-setgħat tagħhom lil persuni barranin li qatt ma kienu ġew eletti mill-poplu Malti.


Kieku l-Parlament Malti ma jivvotax favur it-Trattat ta’ Lisbona, dan ma jidħolx fis-seħħ.

Għalhekk il-Parlament Malti għandu l-opportunità jgħid lill-Unjoni li, jekk hija ma tħallix it-Tarzna ta’ Malta tkompli topera wara Diċembru ta’ din is-sena, bl-għajnuna meħtieġa, il-Parlament mhux se jivvota favur it-Trattat għax ix-xogħol ta’ 1,700 ħaddiem huwa aktar prezzjuż mill-Unjoni Ewropea għall-Maltin.

 

Fondi minn pajjiżi barra l-UE

 

F’dawn l-aħħar ġimgħat seħħew żewġ żviluppi fir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Isvizzera. 

 

L-ewwel ġrajja kienet l-iffirmar tal-ftehim dwar l-għoti ta’ miljun u tmien mitt elf Ewro lil pajjiżna, bħala kontribut li l-Isvizzera tħallas bi tpattija għall-aċċess ħieles li għandha għas-suq ta’ Malta. 

 

It-tieni ġrajja kienet l-iffirmar ta’ ftehim li pajjiżna għamel ma' l-Organizzazzjoni Ewropea għall-Innovazzjoni (is-ĊERN) ta’ ħdejn Geneve, fl-Isvizzera, biex inġinieri Maltin jieħdu sehem fi proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni.


Dawn iż-żewġ ftehim jgħallmuna x’opportunitajiet ta’ kollaborazzjoni ma’ pajjiżi oħrajn pajjiżna jista’ jkollu, anke jekk ikun indipendenti u mhux imsieħeb fl-Unjoni Ewropea.

L-ewwel ftehim dwar l-għotja ta’ fondi bi tpattija għall-aċċess ħieles tal-prodotti u servizzi Svizzeri għas-suq Malti, għandu jurina kif pajjiżna jista’ jikseb fondi minn dawk il-pajjiżi li jridu jbiegħu l-prodotti u s-servizzi tagħhom fis-suq tagħna.


Għandha tkun il-politika stabbilita ta’ Malta li biex pajjiż barrani, fl-Unjoni Ewropea jew barra mill-Unjoni, ikollu aċċess ħieles għas-suq Malti, għandu jpatti għal dan id-dritt, b’għotja ta’ fondi lil pajjiżna. 

 

Din il-politika ta’ tpattija tħaddimha minbarra l-Isvizzera, anke n-Norveġja, mal-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea.


Fil-fatt in-Norveġja, li bħall-Isvizzera hija fil-‘European Economic Area’, f’din is-sena se tagħti lil Malta żewġ miljuni u tliet mitt elf Ewro, skond ma jingħad fl-estimi tal-Gvern.

Il-ftehim dwar l-għoti tal-fondi mhux l-ewwel każ ta’ kollaborazzjoni ta’ l-Isvizzera ma’ pajjiżna. 

Fiż-żmien it-tmexxija tal-Perit Mintoff, l-Isvizzera kienet aċċettat li tgħin lil Malta bit-twaqqif ta’ l-Istitut ta’ l-Elettronika Fellenberg f’Kordin. 

 

Fih trawmu għadd kbir ta’ tekniċi fl-elettronika u llum l-Istitut jifforma parti mill-Kulleġġ tax-Xjenza u Teknoloġija.

 

Ħafna żgħażagħ Maltin marru l-Isvizzera għal taħriġ, minn ‘welders’ sa studenti apprendisti fil-‘catering’ u xogħol fil-lukandi. 

 

Aktar riċentement, bil-kollaborazzjoni ta’ l-Isvizzera, twaqqfu f’Malta l-Akkademja Mediterranea għall-Istudji Diplomatiċi u l-International Maritime Law Institute.


L-ewwel fabbrika kbira li twaqqfet madwar 50 sena ilu, ta’ l-iSpinning and Weaving ta’ barra għall-Malta, il-Phoenix, kellha azzjonisti mill-Isvizzera, u bagħtet l-ewwel operaturi żgħażagħ jitħarrġu fl-Isvizzera.


L-Isvizzera bħal Malta tħaddan politika ta’ newtralità. 

 

Minkejja li ħafna politiċi Svizzeri riedu li pajjiżhom jissieħeb fl-UE, il-maġġoranza tal-poplu Svizzeru, bħall-maġġoranza ta’ dak Norveġiż, ivvota kontra s-sħubija fl-Unjoni Ewropea. 

 

Iż-żewġ pajjiżi huma f’ħafna oqsma, superjuri għall-pajjiżi ta’ l-Unjoni.

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Ħamis, 17 ta' Jannar, 2008.

<< Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ