MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI
Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
Inti
qed tħallas Lm70.75 lill-UE
Ħadd ma jgħid lill-votanti Maltin u Għawdxin kemm qegħdin kull wieħed u waħda minnhom iħallsu kull sena lill-Unjoni Ewropea.
Skond l-estimi tas-sena 2007, l-Unjoni se tirċievi minn Malta l-ammont ta’ Lm22,030,000.
F’Malta u Għawdex, skond l-aħħar taghħrif, għandna 311,341 votant.
Mela kull votant se jħallas taxxi lill-Unjoni, s-sena d-dieħla, l-ammont ta’ Lm70.75c.
Din is-somma titħallas mit-taxxi diretti u
indiretti li l-Gvern Malti jiġbor minn fuq il-Maltin u l-Għawdxin.
Il-propagandisti ta’ l-Unjoni Ewropea f’Malta qatt ma jsemmu l-fatt li kull
Malti u Għawdxi jkollu jħallas Lm70.75c fis-sena lill-Unjoni minħabba
s-sħubija fiha.
U dan mhux il-piż sħiħ tas-sħubija.
Għax barra dan l-ammont, kull Malti u Għawdxi
jkollu jħallas għall-ispiża tas-sħubija li tammonta għal
miljuni ta’ liri li jiġu mit-taxxi diretti u indiretti li jkollna nħallsu
lill-Gvern.
Jgħidulna biss kemm se jiġu miljuni mill-Unjoni.
Ma jgħidulniex la kemm se nagħtu lill-Unjoni u lanqas kemm tiswielna s-sħubija fl-Unjoni.
Dan ma jgħiduhx għax ma jaqblilhomx jgħiduh.
Kieku jagħmlu l-kontijiet sewwa, il-poplu Malti u Għawdxi jintebaħ li wara kollox m’hemmx gwadan kbir bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Żgur il-ftit gwadan ma jagħmilx tajjeb għal
dak kollu li tlifna u li se nkomplu nitilfu fil-ġejjieni.
Mhux biżżejjed li jkollna nħallsu prezzijiet miżjudin
bid-dazji li toħodhom l-Unjoni għal oġġetti li nixtru minn
pajjiżi barra l-Unjoni.
Mhux biżżejjed li jkollna nħallsu t-taxxi li trid l-Unjoni fuq il-prodotti taż-żejt li nixtru kull sena, li s-sena d-dieħla se jammontaw għal Lm38,300,000.
Mhux biżżejjed li l-poplu jkollu jħallas it-taxxa tal-VAT skond ma trid l-Unjoni Ewropea fuq l-oġġetti li jixtri u s-servizzi li jingħata, li s-sena d-dieħla se jammontaw għal mija u tmenin miljun lira.
Issa se jkollna nħallsu l-multi bil-miljuni
lill-Unjoni.
L-Unjoni Ewropea għadha kif waħħlet lil Malta multa ta’ miljun Ewro għax in-negozjanti Maltin kienu bil-għaqal li xtraw kwantità kbira ta’ zokkor minn barra l-Unjoni meta kienu jafu li bis-sħubija fl-Unjoni kien se jkollhom iħallsu prezz tliet darbiet ogħla għaz-zokkor mixtri mill-pajjiżi ta’ l-Unjoni.
Il-multa se titħallas mit-taxxi miġburin minn fuq il-poplu Malti u Għawdxi.
Il-prezz
ogħla taz-zokkor ibatih ukoll il-poplu Malti u Għawdxi minhabba s-sħubija
fl-Unjoni.
L-Unjoni ġimgħatejn ilu għamlet dazju ta’ 16 fil-mija fuq iż-żraben
tal-ġild li nixtru miċ-Ċina.
Id-dazju
tieħdu l-Unjoni u jħallsu l-poplu Malti u Għawdxi meta jixtri
ż-żraben Ċiniżi.
Bħal dawn hemm mijiet ta’ eżempji oħrajn ta’ kemm il-Maltin u
l-Għawdxin qegħdin imorru minn taħt minħabba s-sħubija
fl-UE.
Futur
inċert għall-Kostituzzjoni
Angela Merkel, il-Kanċillier tal-Ġermanja, fis-sitt xhur mill-1 ta’ Jannar li ġej, se tkun il-President ta’ l-Unjoni Ewropea.
Hija
diġà qalet li fi ħsiebha tqanqal il-kwistjoni tal-Kostituzzjoni
Ewropea li ilha mejta ’l fuq minn sena wara li l-Franċiżi u l-Olandiżi
vvotaw kontra l-Kostituzzjoni.
Merkel trid li jitfassal pjan (roadmap) għad-diskussjonijiet dwar
il-Kostituzzjoni Ewropea u li jintlaħaq ftehim dwarha qabel l-elezzjonijiet
għall-Parlament Ewropew li għandhom isiru fl-2009.
Hija
ssostni li l-Kostituzzjoni Ewropea ma tinbidilx u ma taqbilx li minflokha ssir
verżjoni qasira tal-Kostituzzjoni.
Iżda l-Prim Ministru ta’ l-Olanda, Jan Peter Balkenende, huwa kontra li
jerġa’ jsir referendum f’pajjiżu dwar Kostituzzjoni Ewropea għax
hemm il-biża’ li l-poplu Olandiż għat-tieni darba jivvota
kontriha.
Huwa
għalhekk lanqas jara skop li jkun hemm diskussjoni kif trid Merkel dwar
il-Kostituzzjoni Ewropea, qabel ma jinstab mezz kif tintgħeleb l-oppożizzjoni
popolari għaliha.
Fi Franza, il-Ministru ta’ l-Intern, Nicolas Sarkozy, li s-sena d-dieħla
se jikkontesta għal President tal-pajjiż, ħareġ bil-proposta
li titħalla barra t-tielet parti tal-Kostituzzjoni Ewropea, li hija l-parti
tal-Kostituzzjoni li l-Franċiżi l-aktar li oġġezzjonaw għaliha.
Il-Ministru ta’ l-Intern ta’ l-Italja, Giuliano Amato, li kien wieħed
mill-Viċi-Presidenti tal-Konvenzjoni li fasslet il-Kostituzzjoni Ewropea,
qiegħed imexxi grupp ta’ “għorrief” li qiegħed jistħarreġ
x’jista’ jsir dwar il-Kostituzzjoni biex tikseb l-appoġġ
popolari.
Jidher
li dan jaqbel li tinqata’ barra t-tielet parti tal-Kostituzzjoni Ewropea fejn
hemm marbuta l-politika ekonomika u soċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Il-Membru Olandiż tal-Parlament Ewropew, Jens Peter Bonde, qiegħed jisħaq li minflok isiru tibdiliet għall-Kostituzzjoni Ewropea, għandha ssir diskussjoni ħalli titfassal waħda ġdida.
Għal dan l-iskop għandha tissejjaħ Konvenzjoni oħra li tkun magħmula minn għaxar rappreżentanti eletti direttament mill-votanti ta’ kull pajjiż membru ta’ l-Unjoni.
Dawn
ikollhom ix-xogħol li jfasslu żewġ kostituzzjonijiet, waħda
għall-Unjoni Ewropea li tkun stat li fih il-pajjiżi membri ma jkunux
indipendenti, u kostituzzjoni oħra għall-Unjoni Ewropea li tkun Ewropa
tad-demokraziji li jikkoperaw bejniethom iżda jibqgħu indipendenti.
Bonde qed jipproponi li wara jsir referendum ma’ l-Unjoni Ewropea kollha
fl-istess jiem u ċ-ċittadini ta’ l-Unjoni jkollhom id-dritt li
jivvotaw favur il-Kostituzzjoni li jridu mit-tnejn imfasslin.
Dik
li tikseb l-appoġġ tal-maġġoranza ssir il-Kostituzzjoni
ġdida ta’ l-Unjoni Ewropea.
Bonde ddikjara li huwa jippreferi l-Kostituzzjoni tad-demokraziji li tħalli
l-pajjiżi mseħbin indipendenti u sovrani.
Dan kollu juri li l-ġejjieni tal-Kostituzzjoni Ewropea huwa inċert
ħafna.
Ħaġa waħda hemm ċerta.
Din
hija li l-Parlament Malti vvota għalxejn favur il-Kostituzzjoni mfassla
mill-Unjoni Ewropea wara li din kienet miċħuda mill-Franċiżi
u l-Olandiżi.
Kundanna
ħarxa
F’pajjiżna l-politiċi, l-ekonomisti u l-midja kollha jkantaw il-vantaġġi li se niksbu billi ndaħħlu l-Ewro fl-1 ta’ Jannar, 2008.
Iżda
f’pajjiżi oħrajn ta’ l-Unjoni Ewropea fejn għandhom
esperjenza ta’ l-Ewro, jaħsbuha mod ieħor minn kif jaħsbuha
l-politiċi, l-ekonomisti u l-midja tagħna.
Fi Franza hemm Kunsill dwar l-Ekonomija (Conseil d’Analyse Economique) li jħaddan
fih għadd ta’ ekonomisti magħrufin u l-president tiegħu huwa
l-Prim Ministru Dominique de Villepin.
Dan l-aħħar, dan il-Kunsill ħareġ rapport li janalizza l-politika ekonomika u t-tkabbir ekonomiku ta’ l-Unjoni.
Ir-rapport
juri biċ-ċar kemm it-tkabbir ekonomiku ta’ l-Unjoni, u aktar u aktar
it-tkabbir tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni li daħħlu l-Ewro, huwa fqir
ħafna, li dan in-nuqqas ġej mis-sistema tal-politika ekonomika li
l-Unjoni tħaddem, li hija ineffiċjenti u li hija l-kaġun
tat-tkabbir ekonomiku kajman ħafna.
Skond ir-rapport tal-Kunsill Franċiż dwar l-Ekonomija, is-sistema
tal-politika ekonomika ta’ l-Unjoni Ewropea hija difettuża u ma tistax taħdem
sewwa (dysfunctional).
Ir-rapport jgħid li meta tifli l-istrutturi tas-swieq ta’ l-oġġetti,
tal-ħaddiema u tal-kapital tal-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni, issib li
s-sħubija fl-Unjoni ma kellhiex xi mpatt kbir fuq riformi li setgħu
saru u b’liema ħeffa saru, f’dawk il-pajjiżi, it-tibdil li sar
kien minħabba fatturi li laqtu l-pajjiżi kollha tad-dinja, u mhux
b’konsegwenza tas-sħubija fl-Unjoni.
Ir-raport ifisser li fil-pajjiżi ta’ l-Unjoni ma kienx hemm tkabbir
f’daqqa tal-kummerċ u tas-servizzi wara li daħal fis-seħħ
it-trattat ta’ l-Unjoni Ewropea, magħruf bħala s-“Single Act”
ta’ l-1993, jew wara li daħal l-Ewro fl-1999.
s-“Single
European Act” għaqqad flimkien ħafna ftehim li kienu saru matul
is-snin minn mindu twaqqfet il-Komunità Ewropea, tejjeb il-mod kif titmexxa
l-Unjoni, u wiegħed aktar integrazzjoni tal-pajjiżi membri.
Skond ir-rapport Franċiż lanqas ma ntlaħaq l-għan li
l-prezzijiet ikunu l-istess fil-pajjiżi kollha ta’ l-Unjoni Ewropea, kif
kien mistenni meta saret l-għaqda monetarja (“Monetary Union”).
Dawn
in-nuqqasijiet kollha kienu konsegwenza tal-mod ħażin kif jaħdmu
l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni.
Ir-rapport kompla jsostni li l-ekonomiji tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni ma ntegrawx flimkien u dan il-fatt ma kienx qed jgħin biex ikun hemm tkabbir ekonomiku fl-Unjoni.
Fuq
kollox, l-Ewro ma ġabx il-benefiċċji li kienu mistennijin. Iż-żieda
fil-kummerċ ma kinetx kbira u s-swieq finanzjarji baqgħu mifrudin.
Fir-rapport insibu li d-dħul tal-munita komuni, l-Ewro, kellha effett li
ddgħajjef lill-pajjiżi ta‘ l-Unjoni għax dawn ma baqgħux iħossu
l-ħtieġa li jisħqu ħalli ma jsibux ruħhom fi kriżi
li ma jkollhomx riżervi barranin, u ma baqgħux jagħfsu biex irażżnu
l-infiq pubbliku u biex iwettqu r-riformi meħtieġa.
Ir-rapport
jissokta jgħid li l-istrateġija miftehma mill-Unjoni f’Lisbona (magħrufa
bħala “Lisbon Agenda”) inkaljat f’ħafna proċeduri, tant li
llum ma tfisser xejn għajr kliem vojt fix-xejn u retorika.
Imbagħad insibu fir-rapport tal-Kunsill Franċiż dwar l-Ekonomija
punt mill-aktar interessanti għalina f’Malta li tant qegħdin nisimgħu
tifħir dwar l-Ewro.
Ir-rapport jgħid li l-esperjenza ta’ l-Ewro hija bil-maqlub ta’ dak li kien imbassar meta ddaħħal.
L-impatt
tad-dħul ta’ l-Ewro kien żgħir, u l-pajjiżi li ma daħħlux
l-Ewro kabbru l-esportazzjoni lejn il-pajjiżi li daħħlu l-Ewro,
mhux bil-maqlub.
Il-kittieba tar-rapport Franċiż jistqarru li huma konvinti li l-qagħda
ekonomika fl-Unjoni hija ħazina, u l-fatt li l-Unjoni mhux qiegħda
jirnexxilha tagħti ħajja ġdida lill-ekonomija, qiegħed ikun
kaġun li l-investimenti qegħdin jitbegħdu mill-pajjiżi ta’
l-Unjoni.
In-nuqqas
dejjiemi ta’ l-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku żgħir ħafna qegħdin
jimminaw s-servizzi soċjali. Id-damma flimkien tal-problemi ekonomiċi
jmewtu l-moral ta’ l-Unjoni u t-tkabbir ta’ l-Unjoni li ma sarx sewwa u
l-proċeduri twal li jifnuk, kollha jwasslu għaċ-ċirku vizzjuż
li se jispiċċa biex anki jħott l-‘acquis communitaire ’(jiġiferi,
dak kollu li ġie deċiż mill-Unjoni kemm ilha li twaqqfet).
Tajjeb
li niftakru li din il-kundanna qawwija tal-politika u t-tmexxija ekonomika ta’
l-Unjoni Ewropea u ta’ l-Ewro ġejja mhux minn Ewroxettici bħalna, iżda
minn ekonomisti li huma favur l-Unjoni Ewropea.
Il-Ħamis, 16 ta’ Novembru, 2006.
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju Finanzjarju CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ