MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

       

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LILL-KANDIDAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000

 

L-Unjoni Ewropea ġġiegħlna ndaħħlu l-Euro

 

minn Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI

 

Araw kif tassew nistgħu nitilqu mill-Unjoni Ewropea

Dan huwa video tal-Parlament Ewropew

 Video Parlament Ewropew

 

Tliet pajjiżi membri sħaħ ta’ l-Unjoni Ewropea ma qablux li jwarrbu l-munita tagħhom ħalli jdaħħlu l-munita komuni ta’ l-Unjoni, l-Euro. 

 

Dawn it-tliet pajjiżi huma 

* l-Ingilterra, 

* id-Danimarka u 

* l-Isvezja.

Fi tnejn minn dawn il-pajjiżi, fid-Danimarka u l-Isvezja, saru referenda biex jaraw il-poplu jridx li jdaħħal l-Euro. 

 

Fit-tnejn, il-maġġoranza tal-poplu vvotat kontra d-dħul ta’ l-Euro. 

 

L-aħħar referendum kien ta’ l-Isvezja, ftit tal-ġimgħat ilu. 

 

Fit-tielet pajjiż ta’ l-Unoni Ewropea fejn l-Euro ma daħalx, fl-Ingilterra, il-Gvern jibża’ jagħmel referendum għax jaf li l-maġġoranza ta’ l-Ingliżi ma tridx li tbiddel il-lira sterlina ma’ l-Euro.

Dan il-fatt juri li r-regoli ta’ l-Unjoni Ewropea m’humiex kollha l-istess għall-pajjiżi membri kollha. 

 

It-tliet pajjiżi membri li m’għandhomx il-munita Euro, innegozjaw ma’ l-Unjoni biex ma jdaħħlux l-Euro, u l-Unjoni kellha tacċċetta dan il-fatt. 

 

Huma għamlu hekk għax fehmu li jaqblilhom ma jdaħħlux l-Euro, u bir-raġun kollu, huma poġġew l-interessi nazzjonali tagħhom qabel l-interessi komuni ta’ l-Unjoni sħiħa.

 

L-Unjoni timponi l-Euro


Iżda meta l-Unjoni Ewropea tinnegozja ma’ pajjiż ġdid li jrid jissieħeb fl-Unjoni, hija ma jimpurtahiex mill-interessi nazzjonali tal-pajjiż li se jkun membru ġdid. 

 

Hija tpoġġi l-interessi komuni tagħha l-ewwel, u timponi fuq il-pajjiż li jaċċetta li jaddotta l-munita Euro. 

 

Jekk dak il-pajjiż ma jkunx irid jaċċetta dan, l-Unjoni tgħidlu li hija ma taċċettaħx li jsir membru tagħha.

B’dan il-mod l-Unjoni Ewropea ġabet ruħha mal-Gvern Malti. 

 

Rabtitu li huwa jdaħħal l-Euro flok il-Lira Maltija sa ċertu żmien wara li Malta ssir membru sħiħ ta’ l-Unjoni, u l-Gvern Malti kellu jbaxxi rasu għal din id-dittatura ta’ l-Unjoni, la darba qal li Malta tispiċċa jekk ma tisseħibx fl-Unjoni.

 

Mhux skond l-interessi nazzjonali


Dan il-fatt ifisser li d-deċiżjoni jekk inbiddlux il-Lira Maltija mal-munita ta’ l-Unjoni, l-Euro, ma tteħditx skond jekk dan hux favur l-interessi nazzjonali tagħna, iżda ttieħdet għax hekk bilfors ikollna nagħmlu la darba waħħalna f’moħħna li bilfors ikollna nissieħbu fl-Unjoni, inkella pajjiżna jispiċċa. 

 

Dan kien raġunar falz, ragunar anti-nazzjonali u raġunar li ma ħalliniex ħielsa sabiex naraw jekk ekonomikament jaqblilniex jew le nibdlu l-Lira Maltija mal-munita komuni l-Euro.

La darba l-Unjoni Ewropea mponiet fuqna li ndaħħlu l-Euro, il-Gvern jagħmel minn kollox sabiex ighid li dan il-pass se jseħħ mhux għax imġegħlin nagħmluh, iżda għax jaqblilna nagħmluh. 

 

Il-Gvern se jgħid hekk allavolja jkun jaf li mhux hekk. 

 

Jiġifieri ma nistgħux nistennew f’din il-kwistjoni tad-dħul ta’ l-Euro f’Malta, li se jkollna min-naħa tal-Gvern xi diskussjoni oċċettiva dwar l-iżvantaġġi tad-dhul ta’ l-Euro f’pajjiżna. 

 

Se jerġa’ jkollna biss propaganda favur il-vantaġġi, u l-ħsara li tista’ ssirilna bid-dħul ta’ l-Euro se tindifen taħt il-bumbardament tal-propaganda favur id-dħul ta’ l-Euro.

 

Jitbaxxa l-valur tal-lira

 

Ta’ min ifakkar illi li wieħed jaħbi l-ħsara ta’ xi azzjoni, ma jfissirx li ma jġarrabx xorta waħda l-ħsara tagħha.

 

Hekk se jiġrilna fil-każ ta’ l-Euro. 

 

U ħsara jista’ jkun hemm, kemm wara li ndaħħlu l-Euro, kif ukoll anki qabel ma jittieħed dan il-pass.

Wieħed mill-ewwel ħsibijiet li jiġuk meta tirrifletti dwar il-bidla tal-Lira Maltija ma’ l-Euro huwa jekk ir-rata tal-kambju hiex se tkun dik li hemm illum bejn il-Lira Maltija u l-Euro. 

 

Dan jiddependi ħafna mill-fatt jekk il-valur tal-Lira Maltija hux se jitbaxxa jew le. 

 

Il-valur tal-Lira Maltija jista’ jitbaxxa jekk il-Gvern jagħmel żvalutazzjoni tagħha, u jista’ jitbaxxa mingħajr ma jkun hemm żvalutazzjoni formali jew uffiċjali, jew bħala konsegwenza ta’ ċertu maniġġar tal-muniti li fuqhom hija ffissata r-rata tal-kambju tal-Lira Maltija, jew anki bħala konsegwenza ta’ kif ikunu sejrin l-ekonomija u l-kummerċ tal-pajjiż.

 

Qligħ mill-ispekulazzjoni

 

L-inċertezza dwar jekk il-valur tal-Lira Maltija hux se jitbaxxa minħabba l-bidla tagħha ma’ l-Euro, se ġġiegħel lil ħafna jaqilbu l-flus Maltin f’muniti barranin qabel ma l-valur tal-Lira Maltija jitbaxxa. 

 

Din se tkun l-ewwel konsegwenza negattiva tar-rabta li l-Gvern għamel li pajjiżna jdaħħal l-Euro.

Biex ikompli jgħaxxaqha, il-Gvern diġŕ beda jagħmel ħafna ħsejjes dwar id-dħul ta’ l-Euro f’Malta u qed juri li għandu ħafna għaġġla jagħmel dan, mingħajr ma wiżen sewwa l-effetti kollha ta’ dan il-pass.

* L-Isvedizi, 

* id-Daniżi u 

* l-Ingliżi 

ilhom is-snin itellgħu u jniżżlu x’se jkunu l-effetti tad-dħul ta’ l-Euro. 

 

Aħna l-Maltin ħafna aktar bravi minnhom. 

 

Se nagħmlu din il-bidla mingħajr lanqas inqisu xejn, b’għajnejna magħluqa u jkunu x’ikunu l-konsegwenzi.

 

Ħabib Ingliż ma xtaqx iweġġagħni meta fakkarni li “fools rush in where angels fear to thread”, l-iblaħ jaqbad u jidħol għal xi ħaġa li min huwa bil-għaqal jaħsibha darbtejn jidħolx għaliha.

 

Konsegwenzi ta’ l-iżvalutazzjoni


Wieħed mill-effetti tax-xiri b’Liri Maltin ta’ ammonti kbar ta’ munita barranija jkun li l-valur tal-Lira Maltija jitbaxxa minħabba ta’ dan il-fatt waħdu.

Meta l-valur tal-Lira Maltija jitbaxxa, il-prezzijiet ta’ l-oġġetti li nimportaw jogħlew. 

 

Għalhekk ikollna żieda fl-għoli tal-ħajja għall-poplu tagħna. 

 

B’żieda fl-għoli tal-ħajja mingħajr ma jiżdiedu l-pagi, ifisser li l-livell ta’ l-għixien jitbaxxa. 

 

Żieda fl-għoli tal-ħajja li jġib żieda fil-pagi, ifisser żieda fl-ispiża tal-prodotti maħduma u s-servizzi produttivi f’Malta u dan jista’ jkollu effett negattiv fuq il-kompetittivitŕ. 

 

Impatt negattiv fuq il-kompetittivitŕ jwassal għal inqas bejgħ tal-prodotti u tas-servizzi tagħna u inqas bejgħ iwassal għall-inqas impjiegi u inqas xogħol.

Dawn il-konsegwenzi ħżiena kollha jseħħu kemm id-darba bid-dħul ta’ l-Euro f’pajjiżna, ikollna żvalutazzjoni, formali jew mhux, tal-Lira Maltija li għax tkun meqjusa minn qabel li se ssir, tagħti lok għal ħafna spekulaturi li jeħilsu mil-Lira Maltija qabel titbaxxa, biex wara li titbaxxa, jerġgħu jixtruha u jiksbu aktar milli kellhom qabel.

 

Min jitlef u min jaqla’


Gvern li jaħseb fiż-żgħir joqgħod b’seba’ għajnejn li dan in-negozju ta’ bejgħ u xiri tal-Lira Maltija ma jasalx biex jgħakkes aktar lil min m’għandux u biex jistagħna aktar min għandu.

Wieħed li għandu elf Lira Maltija jista’ illum jikseb bihom oġġetti li jiswew 2,334 Euro. 

 

Jekk għada l-valur tal-Lira Maltija jitbaxxa għal żewġ Euro għal kull lira, wieħed li żamm l-elf lira għandu, ikun jista’ jikseb bihom oġġetti li jiswew 2,000 Euro u mhux aktar b’2,334 Euro.

Min-naħa l-oħra, jekk wieħed ifittex jibdel l-elf lira qabel din titbaxxa, huwa jikseb illum 2,334 Euro u meta din titbaxxa, jista’ ibiddel 2,000 Euro minnhom għal elf Lira Maltija u jibqagħlu f‘idejh 334 Euro qligħ.

Gvern li jagħti ħjiel minn qabel li se jbaxxi l-Lira Maltija, issa li neħħa l-kontroll fuq l-akkwist ta’ munita barranija, ikun qed ta’ l-apposta jagħti lok għal din ix-xorta ta’ spekulazzjoni. 

 

Dan se jiġri bl-impożizzjoni min-naħa ta’ l-Unjoni Ewropea tad-dħul ta’ l-Euro f’Malta.

 

Jogħlew l-prezzijiet


Effett negattiv tad-dħul ta’ l-Euro li nħass f’kull wieħed mit-12-il pajjiż membru ta’ l-Unjoni Ewropea kien dak li l-Euro għolliet il-prezz ta’ kull oġġett u servizz. 

 

Ħadd ma kien bassar dan l-effett negattiv u inqas u inqas ħadd ma ħaseb li ż-żieda fil-prezzjiet kienet se tkun daqstant kbira daqs kemm fil-fatt kienet. 

 

Tista’ tgħid li kulħadd qabel li tan-negozju approfittaw ruħhom mill-fatt li l-konsumaturi ma kinux imdorrija jagħmlu l-kontijiet bil-munita l-ġdida ta’ l-Euro. 

 

Kulħadd qabel ukoll li għalkemm naqsu l-ispejjeż ta’ qbil minn munita għall-ohra barranija, id-dħul tal-munita komuni ma wassalx għal roħs fil-prezzijiet u lanqas għat-tnaqqis fl-ispejjeż tal-produzzjoni u ta’ l-għoti ta’ servizzi.

Dak kollu li seħħ f’pajjiżi oħra fejn daħal l-Euro, se jiġri f’Malta meta ndaħħlu l-Euro skond ma ordnatilna l-Unjoni Ewropea.

 

Il-Ħamis, 16 ta’ Ottubru, 2003

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

  << Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ