MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

       

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000

 

L-Indipendenza tlifniha

 

L-Indipendenza li ksibna 42 sena ilu nfakkruha nistgħu, mhux niċċelebrawha, għax tlifniha sentejn ilu meta sseħibna fl-Unjoni Ewropea. 

Sabiex jostru t-telfa ta’ l-Indipendenza, iħossu li għandhom jonfqu l-eluf kbar ħalli jtellgħu ħafna attivitajiet li bihom jehdew lill-poplu u jnessuh li tilef l-Indipendenza meta tajna lill-Unjoni Ewropea d-dritt li tikkmanda x’nagħmlu u b’liema politika nimxu.

Il-mexxejja politiċi tagħna jkollhom jagħmlu sforzi kbar u jgħidu ħafna diskors biex lill-poplu jipprovaw juruh li huma qegħdin imexxu, mentri fil-fatt huma mmexxijin minn imneħirhom mill-Unjoni Ewropea. 

Nistgħu ngħidu li kull ġimgħa, xi wieħed mill-ministri Maltin, jew il-Prim Ministru, ikollhom imorru għal-laqgħat li l-Unjoni Ewropea tagħmel ħalli tiżgura li l-pajjiżi membri jwettqu dak li l-Unjoni trid u tiddeċiedi.

Mhux il-Gvern Malti jiffissa l-politika li jrid imexxi biha lill-pajjiż, għalkemm jagħmel propaganda kbira billi jpinġi li qiegħed jiddiskuti x’irid li l-poplu jsir. 

Il-Gvern ikun qed ibella’ lill-poplu dak li l-Unjoni tgħid lill-Gvern x’jagħmel.

 Qed jiġri kif kienet żelqitlu lis-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo, “l-Unjoni trid hekk, u hekk isir”.

Minflok l-Indipendenza Maltija issa għandna dipendenza assoluta mill-Unjoni Ewropea, l-mexxejja politiċi tagħna huma ferħanin għax huma marjonetti miġbudin bl-ispag mill-Unjoni.

Rajna mhux f’idejna

Żewġ ġrajjiet li seħħew il-gimgħa l-oħra jixhdu kif bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea, rajna m’għadux f’idejna. 

L-ewwel kellna l-ftehim li l-Gvern għamel ma’ żewġ kumpaniji ta’ l-ajru, magħrufin bħala ‘low-cost airlines’ biex jagħmlu titjiriet lejn Malta u jġibu t-turisti. 

Il-Gvern stqarr li l-ftehim ma jibdiex iseħħ jekk l-Unjoni Ewropea ma taqbilx miegħu u tapprova l-għajnuniet li l-Gvern Malti ftiehem li jagħti liż-żewġ linji. 

Il-poplu jħossu mbellah jistaqsi xi dritt għandha l-Unjoni Ewropea tindaħal jekk titjiriet b’turisti lejn Malta isirux kif ftiehem il-Gvern Malti li jifhem li huma meħtieġa u ta’ ġid għal pajjiżna?

It-tieni ġrajja kienet dwar it-taxxi fuq il-prezzijiet tal-fjuwil u l-prodotti l-oħrajn taż-żejt u l-enerġija.

 F’laqgħa li saret fi tmiem tal-ġimgħa l-oħra fil-Finlandja, ta’ l-Unjoni Ewropea ddiskutew il-ħtieġa li jittieħdu passi biex jittaffa lill-konsumaturi l-piż taż-żieda fil-prezzijiet tal-fjuwil u tal-prodotti l-oħrajn taż-żejt u ta’ l-enerġija, minħabba li għolew immens wara li għola l-prezz taż-żejt mad-dinja kollha.

Tkellmu biex inaqqsu t-taxxi li hemm fuq dawn il-prodotti, fosthom id-dawl u l-ilma li jiddependu miż-żejt u d-diżil. 

Iżda l-Unjoni Ewropea ddeċidiet li ma tħallix lill-gvernijiet tal-pajjiżi membri jnaqqsu t-taxxi fuq dawn il-prodotti, bl-iskuża li jekk jitbaxxew il-prezzijiet, jiżdied il-konsum.

Il-Gvern Malti, fid-dokument dwar il-Baġit ta’ l-2007, wera l-ħsieb li jnaqqas il-prezzijiet tad-dawl u l-ilma ħalli l-poplu jingħata ftit ta’ għajnuna. 

Bid-deċiżjoni ta’ l-Unjoni Ewropea, il-Gvern ma jistax inaqqas it-taxxi fuq dawn l-oġġetti, allavolja jifhem li hemm bżonn li jsir dan. 

M’għadniex nikkmandaw aħna x’taxxi nagħmlu u ma nagħmlux, iżda l-Unjoni Ewropea tikkmanda x’nagħmlu. 

Daqshekk aħna indipendenti.

Konna indipendenti meta konna nikkmandaw ahna f’darna. 

Illum, aħna dipendenti mill-Unjoni Ewropea li tikkmandana. 

Jixhed dan dak li qiegħed jiġrilna fil-kwistjoni ta’ l-immigranti illegali. 

Ikollna nimxu skond il-politika u d-direttivi ta’ l-Unjoni dwarhom u ma nistgħux nieħdu l-passi f’waqthom ħalli ma nkomplux nitgħattnu bit-toqol ta’ l-immigranti illegali, li wara kollox, qatt ma kellhom il-ħsieb li jiġu joqogħdu f’Malta.

Meta ma konniex għadna msieħbin fl-Unjoni Ewropea, u konna indipendenti li nikkmandaw aħna f’pajjiżna, l-immigranti illegali konna ma nħalluhomx joqogħdu hawn u konna minnufih nibgħatuhom minn Malta. 

Issa li aħna fl-Unjoni, aħna mxekklin x’nagħmlu. 

Ir-riżultat huwa li n-numru tagħhom dejjem jiżdied, il-piż fuq l-ekonomija tagħna dejjem jikber, il-problema dejjem tiggrava għall-Armata u għall-Korp tal-Pulizija, u l-inkwiet għall-poplu dejjem jiħrax.

Sadanittant, l-Unjoni Ewropea tgħaddina biż-żmien billi tagħmel laqgħat fuq laqgħat ħalli tiddiskuti l-kwistjoni, mingħajr ebda soluzzjoni għalina, għax ta’ l-Unjoni jafu li m’għadx għandna s-saħħa ta’ poplu indipendenti li nsolvu l-problema kif jaqblilna.

Biex inwettqu l-miżuri li jagħmlu ġid lill-poplu tagħna dwar it-titjiriet bl-ajru għal pajjiżna, dwar tnaqqis fit-taxxi fuq il-prodotti taż-żejt u l-enerġija, l-ilma u d-dawl, u dwar l-immigranti illegali, jeħtiġilna niksbu lura l-Indipendenza li s-sħubija fl-Unjoni Ewropea ċaħħditilna.  

Ħaddiema barranin flok Maltin

Il-Ministeru ta’ Austin Gatt jaqbel lil l-ħaddiema barranin jieħdu xogħol il-ħaddiema Maltin fit-Tarzna ta’ Malta!

Dan irriżulta minn stqarrija li ħareġ il-Ministeru ta’ l-Investiment u l-IT, li jaqa’ taħt ir-responsabbilta` ta’ Austin Gatt, bi tweġiba għal dak li kien intqal minn uffiċjali ta’ l-Allejanza NAzzjonali Repubblikana (ANR) waqt Konferenza Stampa li l-ANR għamlu quddiem il-bieb tat-Tarzna.

Il-kelliema ta’ l-ANR, Mario Degiorgio u Paul Salamone, saħqu li kien skandaluż li qegħdin jinġiebu ħaddiema barranin biex jagħmlu xogħol fit-tarzna li qabel kien isir minn ħaddiema Maltin.

Mhux se noqogħdu nirrepetu dak li qalu l-uffiċjali ta’ l-ANR, għax dan diġa’ ġie rraportat f’dan il-ġurnal (l-Orizzont) b’mod estensiv, iżda ma nistgħux ma nistqarrux li ħafna Maltin ta’ kull kulur politiku jaqblu ma’ dak li qalu Martin Degiorgio u Paul Salamone.

Nixtiequ nikkummentaw dwar is-suppost raġunijiet li nġiebu mill-Ministeru ta’ Austin Gatt.

Mhux billi l-Minsiteru ċaħad li dawnil-ħaddiema Bulgari u mill-Filippini qegħdin jiġu esplojtati bili jingħataw kundizzjonijiet ta’ paga agħar minn dik il-paga li kienu jingħataw il-ħaddiema Maltin li kienu jagħmlu l-istess xogħol.

NISFIDAW LILL-MINISTRU GATT biex jippubblika l-pagi li qegħdin jingħataw dawn il-ħaddiema barranin.

U jippubblika wkoll il-pagi li kellhom il-ħaddiema Maltin, ħalli naraw jekk hijiex l-ANR jew il-Ministeru ta’ Gatt li qegħdin jgħidu l-ħrejjef!

Ta’ min jistaqsi lill-Ministru Gatt li la darba waħda mir-raġunijiet li nġiebet kienet biex it-Tarzna tiffranka ‘l-idle time between projects’ – jiġifieri biex it-Tarzna tiffanka li tħallas lill-ħaddiema Maltin li kienu jibqgħu jitħallsu anke meta ma jkunx hemm xogħol u jkunu qegħdinhjistennew xogħol ieħor – hu jaqbel li allura anki ditti privati għandhom jieħdu l-eżempju u jġibu ħaddiema barranin u jitfgħu ‘l barra ħaddiema Maltin ħalli jiffrankaw il-flus meta, per eżempju, ma jkunx hemm xogħol għal xi perjodu qasir, sakemm jidħol xogħol ġdid?

Nistaqsu, bħal ma għamlu l-ANR, jaqaw din hija s-sistema li jrid idaħħal il-Gvern Nazzjonalista biex f’Malta nsiru aktar kompetittivi, li xogħol il-Maltin u l-Għawdxin isir b’inqas pagi minn ħaddiema barranin?

Il-Kotra kontra l-Unjoni Ewropea

Minkejja li l-UE tonfoq miljuni kbar fi propaganda favuriha kull sena, xortra waħda l-kotra tal-popli tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni, jew ma taqbilx ma’ l-Unjoni, jew ma timpurtahiex minnha.

Dan jixhduh il-fatt li aktar minn nofs iċ-ċittadini tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni ma jmorrux jivvotaw fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u l-fatt li fis-‘surveys’ ta’ l-opinjoni pubblika li l-UE stess tagħmel regolarment, jirrizulta li inqas minn nofs iċ-ċittadini ta’ l-UE japprovaw il-politika ta’ l-UE.

Ta’ min ifakkar li fi tlieta mill-15-il pajjiżi li kienu jagħmlu l-UE qabel issieħbu magħha l-għaxar pajjiżi f’Meju ta’ l-2004, li huma l-Ingliterra, l-Isvezja u d-Danimarka, il-maġġoranza tal-popli m’aċċettawx il-munita komuni ta’ l-UE, l-Ewro u fatt importanti ieħor huwa li l-popli ta’ Franza u l-Olanda vvotaw kontra l-Kostituzzjoni mfassla mill-Unjoni u f’pajjiżi oħrajn, fosthom l-Ingliterra, il-maġġoranza tal-poplu tidher li hija kontra l-Kostituzzjoni magħmula mill-UE.

Ħafna jsostnu li l-UE hija tal-politiċi u tal-midja u mhux tal-popli, tant li f’ħafnba pajjiżi ta’ l-Unjoni, il-maġġoranza tal-poplu kemm-il darba vvotat f’referendum kontra dak li rieduha tagħmel il-partiti politiċi u l-midja.

Dan seħħ fid-Danimarka, fl-Isvezja, fi Franza u fl-Olanda u f’pajjiżi oħrajn ta’ l-Unjoni, il-Gvernijiet jaħarbu li jagħmlu referendum dwar ħwejjeġ ta’ l-Unjoni, għax jibżgħu li l-maġġoranza tal-poplu tivvota kontra dak li trid l-Unjoni.

Għalkemm l-Unjoni ma tgħidux, it-tattika tagħha dejjem kienet u għadha li, mingħajr ma tħalli lill-popli tal-pajjiżi membri jiddeċiedu, tieħu taħt idejha aktar u aktar setgħat mingħand il-Gvernijiet nazzjonali u tagħmel liġijiet hija għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni, jaqblu jew ma jaqblux magħhom.

Għal din it-tattika joqogħdu l-politiċi servili tal-pajjiżi membri, allavolja jafu li l-popli li jirrapreżentaw, fil-maġġoranza tagħhom, ma jaqblux li jitilfu d-dritt demokratiku li jġiegħlu lir-rappreżentanti tagħhom ibiddlu l-liġijiet skond ir-rieda tal-maġġoranza tal-poplu, murija f’elezzjoni ġenerali.

Tonfoq kemm tonfoq miljuni fi propaganda, il-kotra tal-poplu ta’ l-Unjoni ma tista’ qatt tappoġġa l-politika ekonomika ta’ l-Unjoni li tħalli miljuni ta’ ħaddiema bla xogħol u ma tħallix lill-Gvernijiet nazzjonali jieħdu l-passi meħtieġa biex huma joħolqu x-xogħol fejn il-privat ma jasalx biex jagħmel dan.

Minkejja l-propaganda kontinwa ta’ l-Unjoni, il-kotra tal-poplu ma tista’ qatt taqbel mal-politika soċjali ta’ l-Unjoni li żżarma s-servizzi soċjali b’xejn u tagħmilhom bi ħlas, inkliuż l-għoti tal-mediċini, il-kura fl-isptarijiet, u saħansitra t-tagħlim fl-iskejjel u l-universitajiet.

Anki f’Malta, il-kotra hija kontra l-Unjoni Ewropea minħabba dan.

Qawl

“Kulħadd jiġbed għalih sakemm jara l-qligh”.

Qawl li jixraq ħafna lill-Gvern Malti li qiegħed ibiegħ kul ma kellu l-poplu Malti. U meta jkun biegħ kollox, x’se jagħmel?

16, ta’ Settembru, 2006.

<< Lura <<

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

  

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ