MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI
Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
Minn Dr Karmenu Mifsud Bonnici
Chairman
Kampanja Ħelsien
Nazzjonali CNI
Inkompli
naħdem fil-Partit Laburista
Fil-konferenza ta’ l-aħbarijiet ta’ ħmistax ilu l-ġurnalista tas-Super One staqsietni x’nagħmel jekk il-konferenza ġenerali tad-delegati Laburisti ma tapprovax il-mozzjoni li se nressaq biex il-partit ma jivvotax favur ir-ratifika tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni ghall-Ewropa.
Weġibtha
bla tlaqliq li fi ħsiebni nkompli naħdem fil-Partit Laburista biex
fl-aktar fis possibbli jkun hemm maġġoranza ta’ delegati li jaħsbuha
bħali fuq il-linja tal-partit dwar ir-relazzjonijiet ta’ pajjiżna
ma’ l-Unjoni Ewropea.
Fil-konferenza ta’ l-aħbarijiet ta’ din il-ġimgħa, ġurnalist
ta’ gazzetta bl-Ingliż staqsieni x’rabta għandi mal-Moviment
Laburista Popolari li twaqqaf il-ġimgħa l-oħra.
Weġibtu wkoll bla tlaqliq li ma għandi ebda rabta u ma ħadt ebda sehem fit-twaqqif tiegħu.
Għedt
ukoll li lanqas is-CNI ma għandha ebda rabta mal-moviment imsemmi u ma
kellha ebda sehem fit-twaqqif tiegħu, minkejja l-fatt li dan il-moviment
isostni li l-Partit Laburista għandu jivvota kontra
r-ratifika tal-Kostituzzjoni Ewropea.
Hawn min ħaseb li jiena kont wara t-twaqqif ta’ dan il-moviment.
Ħaseb
ħażin għax ma jafx li la qtajt nifsi u lanqas qtajt qalbi li b’ħidma
fi ħdan il-Partit Laburista, bis-sabar u b’perseveranza, jintgħelbu
l-ostakoli kollha ħalli l-partit la jitbiegħed milli jwettaq
it-twemmin Soċjalisa, la jonqos milli jħares l-interessi tan-nies
tax-xogħol u tal-familji tan-nies tax-xogħol, u lanqas ma jieqaf milli
jiġġieled għall-indipendenza u l-ħelsien
ta’ pajjiżna,
u milli jsostni n-newtralità u milli jaħdem għall-paċi u
koperazzjoni bejn il-ġnus.
Huwa
b’dan l-għan li fit-tieni parti tal-mozzjoni dwar il-Kostituzzjoni
Ewropea li se nressaq fil-konferenza ġenerali straordinarja tat-30 ta’
Ġunju, jingħad hekk:
“Din il-konferenza ġenerali straordinarja taqta’:
(b) li l-Partit Laburista għandu jaħdem mal-forzi progressivi kollha
tal-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni Ewropea biex titfassal Kostituzzjoni li tħares
l-indipendenza, il-ħelsien
u s-sovranità tal-pajjiżi mseħbin
fl-Unjoni; li tkattar fosthom il-koperazzjoni għall-iżvilupp fl-oqsma
kollha; li tiżgura l-ħarsien ta’ ambjent sostenibbli; u li jkollha għan
ewlieni l-kisba tal-paċi u l-ħarsien tas-sliem imsejsa fuq politika
ta’ newtralità, u tat-trażżin ta’ l-armamenti u ta’ l-armi
tal-qerda tal-massa.”
Nemmen li dikjarazzjoni ta’ ħidma siewja bħal din tagħmel
ġieħ lill-Partit Laburista Malti u tikseb appoġġ popolari
akbar għall-partit.
Nemmen ukoll li tagħti ħeġġa ġdida lil min seta’ bired u tbiegħed mill-partit.
Fuq
kollox nemmen li jekk il-partit iwettaq din il-ħidma, jagħmel ġid
lil pajjiżna u lill-Ewropa.
Ġurament ta' lealta` li jieħdu l-Membri Parlamentari kollha
Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li nkun tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r- Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. (Hekk Alla jgħini).
Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.
Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment u skond il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skond il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta, mingħajr biża’ jew favur. ( Hekk Alla jgħini).
Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ President.
Jiena ..............................................., solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta’ President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta’ Malta, u li, skond l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. (Hekk Alla jgħini).
Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta
6. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) ta’ l-artikolu 47 u ta’ l-artikolu 66 ta’ din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.
Artiklu I-6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea
Dritt ta' l-Unjoni
Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri.
Tista' tafda lil min jikser il-ĠURAMENT tiegħu/tagħha?
Il-Ħamis, 16 ta’ Ġunju, 2005.
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat Lm2 flimkien ma' din il-formola liċ-
Chairman
CNI,
Dr
Karmenu Mifsud Bonnici B.A. LL.D.
81,
Triq Ġuże Pace,
Ħamrun.
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ