MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI


Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
JEKK TIRRISPETTA L-KOSTITUZZJONI TA' PAJJIŻEK GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK JIRRISPETTA L-FEHMIET TIEGĦEK U MA JIVVOTAX FAVUR IL-KOSTITUZZJONI TA' L-UNJONI EWROPEA LI TKASBAR IL-KOSTITUZZJONI TA' MALTA.
Se tpaxxuħ lill-Gvern dwar il-Kostituzzjoni ta' l-UE?
L-OPPOŻIZZJONI se titgħallem ma tkunx ingannata mill-Gvern fil-kwistjoni tal-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE?
Rajna l-ħila ta' kif il-Gvern jaf jinganna fl-elezzjonijiet għall-Kunsilli Lokali tal-Marsa u taż-Żejtun.
Mhux l-ewwel darba li assistejna
għall-ingann tal-Gvern.
Infakkru kif il-Gvern irnexxilu jinganna l-maġġoranza tal-poplu biex jirbaħ ir-referendum dwar is-sħubija ta' Malta fl-UE.
Għandu l-vizzju ta' l-ingann biex iseħħ dak li jrid huwa, anki meta ma jkollux raġun.
Araw x'ġara fl-elezzjonijiet
li ġejjin għall-Kunsilli Lokali tal-Marsa u ż-Żejtun.
L-ewwel lil-Gvern ħareġ numru ta' kandidati fiż-żewg lokalitajiet.
Ħalla lill-Partit Laburista joħroġ il-kandidati tiegħu f'numru ta' wieħed aktar milli l-Laburisti jistgħu jtellgħu f'kull lokal.
Fl-aħħar minuta qabel għalaq il-ħin tar-reġistrazzjoni tal-kandidati, irtira minn kull lokal numru ta' kandidati biex ma jkunx hemm bżonn isiru elezzjonijiet f'dawk iż-żewġ lokalitajiet.
B'din il-manuvra l-Gvern sfratta li jsiru votazzjonijiet fiż-żewġ lokalitajiet fejn huwa jaf li l-oppożizzjoni għandha maġġoranza kbira.
B'hekk il-Gvern naqqas
il-persentaġġ tal-voti li l-Oppozizzjoni ġġib
fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li se jsiru fit-12 ta' Marzu, u t-telfa
tal-Gvern ma tidhirx kbira daqskemm tkun.
Avolja b'hekk ċaħħad lill-votanti taż-żewġ lokalitajiet żewġ kunsillieri Nazzjonalisti.
Skond il-Prim Ministru, din il-manuvra saret bi ħsieb.
Għalina din il-manuvra ta' ingann mill-Gvern turina manuvra akbar ta' ingann li l-Gvern qed jipprova jobrom biha lill-Oppożizzjoni fil-kwistjoni tal-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni Ewropea.
Wara li kien ħabbar li se jressaq il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE għar-ratifika fil-Parlament sa l-aħħar tas-sena l-oħra, issa l-Prim Ministru qal li se jistenna li l-Partit Laburista jiddeċiedi dwarha aktar 'il quddiem.
Huwa qal li jistenna li jkun hemm qbil ma' l-Oppożizzjoni favur il-Kostituzzjoni ġdida.
Iżda din hija manuvra oħra
ta' ingann min-naħa tal-Gvern.
Il-Gvern għandu maġġoranza
biżżejjed fil-Parlament biex jirratifika l-Kostituzzjoni ġdida
ta' l-UE.
Iżda l-Gvern jittama li jinganna lill-Oppozizzjoni, jew għalmenu disa' deputati ta' l-Oppozizzjoni, biex jivvotaw mal-Gvern biex ir-ratifika tgħaddi b'aktar minn żewġ terzi tal-membri kollha tal-Parlament.
Jekk il-Gvern jirnexxilu b'din il-manuvra, huwa jkun irnexxilu jiknes il-Kostituzzjoni ta' Malta li saret bis-saħħa ta' Gvern Laburista.
Il-Gvern irid ukoll li jkollu kompliċi miegħu lid-dputati Laburisti fit-tradiment tal-ġurament ta' lealta` li d-deputati kollha ħadu lejn il-Kostituzzjoni ta' Malta.
Se jkun hem deputati mill-Oppożizzjoni li jpaxxu lill-Gvern u jivvotaw miegħu biex titkasbar il-Kostituzzjoni ta' Malta?
Is-sħubija fl-UE ġarrfitilna n-nazzjon
IL-GVERN ilu mill-bidu tas-snin disgħin imexxi lill-pajjiżna b'politika li twasslu jissieħeb fl-Unjoni Ewropea skond il-kundizzjonijiet u r-regoli ta' l-Unjoni.
L-akbar eżempju ta' din
il-politika huwa d-dħul tat-taxxa tal-VAT li ħarbtet lil ħafna
imprizi Maltin u għolliet il-ħajja, l-aktar fir-rigward tas-servizzi
li għall-ewwel darba f'pajjiżna gew intaxxati.
llum qegħdin naħsdu dak li l-Gvern zera' matul is-snin li ilu jimxi b'politika li togħġob lill-UE.
Issa l-qagħda finanzjarja tal-pajjiż hija mwegħra ħafna.
M'hemmx dubju li din hija riżultat tal-politika li l-Gvern mexa biha wara li ħa t-tmexxija tal-pajjiż fl-1987.
Il-Gvern irnexxilu jeqred l-istat tajjeb finanzjarju li l-pajjiż kien fih fl-1987.
Tort tal-Gvern u tort tal-politika ta' l-Unjoni Ewropea li mexa biha.
Politikament il-pajjiż mar
lura mhux 'il quddiem.
Minn pajjiż indipendenti, ħieles u sovran, il-Gvern ġab lil Malta dipendenti politikament mill-Unjoni Ewropea, mhux aktar ħielsa li tagħżel il-politika tagħha ekonomika u l-politika barranija tagħha, u tellfilna s-sovranita` billi jkollna nwettqu f'pajjiżna mhux il-liġijiet li trid il-maġġoranza tal-poplu Malti, imma l-liġijiet li trid il-maġġoranza tal-popli ta' l-UE.
Dan huwa l-frott imranġat tal-politika li tmexxa biha l-pajjiż mis-sena 1987 'l hawn: falliment finanzjarju u telfien politiku għal Malta.
Kellna l-isfortuna li jkollna mexxejja politiċi tant ġwejjef u bla ħila, li minflok għożżew u kabbru l-Indipendenza u l-Ħelsien tal-poplu tagħna, u ssaraw biex tissaħħah id-demokrazija u jitħarsu d-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżna, qatgħu qalbhom li jmexxu 'l quddiem u taw ruħhom u d-destin tal-poplu tagħna f'idejn il-barranin, billi ċedew l-Indipendenza u l-Ħelsien.
Ċedew l-Indipendenza u l-Ħelsien li mexxejja politici qalbiena u ta' dehen u hila kienu kisbu għall-ġens tagħna, ċkejken fl-għadd u fqir materjalment, iżda spiritwalment ġganti u intellettwalment mhux inqas minn ħaddiehor.
Il-mexxejja politiċi ta'
qabel stinkaw biex bnew in-nazzjon, mingħajr il-krozzi ta' l-UE.
Il-mexxejja politiċi mill-1987 'l hawn ġarrfu n-nazzjon bl-għajnuna ta' l-UE li kuntenta li għamlitna reġjun tagħha, u issa waslet biex tgħoddna, fil-qasam tal-bini tat-toroq f'pajjina, bħala biċċa mill-biċċa t'isfel ta' Sqallija.
L-Unjoni Ewropea qiegħda tumilja n-nazzjon Malti.
Qerq dwar l-"Objective 1" ta' l-Unjoni
IL-GVERN ta' Gonzi qed juża
l-istess tattika ta' qerq li l-Gvern ta' Fenech Adami kellu, speċjalment
fejn għandha x'taqsam l-Unjoni Ewropea.
Din it-tattika ta' qerq tidher ċara fil-kwistjoni tal-fondi li Malta jkollha dritt għalihom wara s-sena 2006.
Il-mezzi tal-propaganda tal-Gvern qegħdin jisħqu kif Gonzi se jitħabat ħalli Malta tibqa' bid-dritt għall-fondi li jingħataw lill-pajjiżi membri li l-Prodott Gross Domestiku (PGD), skond id-daqs tal-popolazzjoni tagħhom, ikun anqas minn 75% tal-PGD globali ta' l-UE skond il-popolazzjoni sħiħa ta' l-UE.
Bid-dħul is-sena l-oħra fl-UE ta' l-għaxar pajjiżi, fosthom Malta, il-75% tal-PGD globali ta' l-UE mqabbel mal-popolazzjoni sħiħa ta' l-UE, tbaxxa u sar inqas mill-PGD ta' Malta imqabbel mal-popolazzjoni tagħna.
Li dan il-fatt kien se jseħħ konna għednieh qabel ir-referendum tas-sħubija fl-Unjoni, izda l-Gvern qarraq bil-poplu u nessiehulu.
Għalkemm skond ir-regoli ta' l-UE Malta m'għandhiex dritt għall-ammont ta' fondi taħt dak magħruf bħala "Objective 1", xorta Malta tista' tingħata d-differenza tal-fondi mill-Unjoni.
L-Unjoni diġa` semmiet li tista' tagħmel dan mal-pajjiżi kollha li ma baqgħux jieħdu fondi skond l-"Objective 1" minħabba t-tkabbir ta' l-Unjoni.
Iżda l-Gvern Malti qed jerġa' jqarraq bil-poplu billi ma jgħidlux dan, biex imbagħad ikun jista' jiftaħar kemm kellu ħila jikseb fondi mill-Unjoni.
Din tal-fondi mill-Unjoni hija
logħba moqżieża ta' qerq tal-poplu.
Il-poplu għandu jkun jaf li aktar ma l-pajjiż jirnexxilu jimxi 'l quddiem, aktar il-pajjiż ikollu jħallas lill-Unjoni Ewropea u jieħu inqas mingħandha.
Il-poplu għandu jkun jaf li minbarra l-ħlas li pajjiżna jagħmel kull sena lill-Unjoni, l-ammont ta' infieq u spejjeż li pajjiżna jkollu jagħmel minħabba s-sħubija fl-Unjoni, huwa tant enormi, li pajjiżna aktar se jirrofta, milli qed jiggwadanja mis-sħubija.
Biex ikomplu jqarrqu bil-poplu, qalulna li l-Gvern Ingliż se jappoġġa t-talba ta' Malta għall-fondi skond l-"Objective 1"
Fl-istess ħin tħabbar li l-Gvern Ingliż qed jinsisti biex inaqqas il-kontribuzzjoni tiegħu lill-Unjoni.
U l-Unjoni qiegħda tinsisti li ma tibqax tagħti lura lill-Gvern Ingliż ir-'rebate' li tagħtih lura kull sena, li Malta tħallas 'il fuq minn miljun lira lill-Ingliterra, bħala s-sehem tagħha tar-'rebate'.
Jekk il-Gvern Ingliż qed jappoġġa lill-Gvern Malti dwar il-fondi mill-Unjoni, il-Gvern Malti mhux bilfors wiegħed li jappoġġa lill-Gvern Ingliż li jnaqqas il-kontribuzzjoni tiegħu lill-Unjoni u li jibqa' jingħata r-'rebate' mill-Unjoni?
Il-qerq bil-poplu ma fiħx tmiem.
Kritika ta' l-Isqfijiet Spanjoli għall-Kostituzzjoni
WAQT li f'Malta Vanni Xuereb u propagandisti oħrajn bħalu ta' l-Unjoni Ewropea ma sabux x'jikkritikaw fil-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE, fi Spanja l-Isqfijiet Kattoliċi sabu aktar minn punt wieħed x'jgħidu kontriha.
Fost ħafna punti ta' kritika li l-Isqfijiet Spanjoli għamlu, semmew il-fatt li l-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE naqset li tfisser ċar id-dritt fundamentali u ewlieni għall-ħajja bħala dritt tal-bniedem.
L-Isqfijiet Spanjoli kkundannaw ukoll lill-UE li fil-Kostituzzjoni ġdida tagħha ma eskludietx bħala ħwejjeġ li m'għandhomx jitħallew iseħħu, l-ewtanasja, l-abort u l-esperimenti fuq embrijoni umani li jwasslu għall-qtil tagħhom.
Huma lmentaw ukoll li l-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE lanqas ma eskludiet bħala ħwejjeg li m'għandhomx jitħallew isiru l-'cloning' ta' bnedmin kemm għal skopijiet terapewtiċi, kif ukoll għal skopijiet ta' esperimenti xjentifiċi.
Fuq kollox, l-Isqfijiet Spanjoli ħaduha kontra l-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE li naqset milli titkellem ċar dwar iż-żwieġ bejn mara u raġel bħala għaqda matul il-ħajja, u bħala l-protezzjoni li l-ulied għandhom dritt għaliha, kif ukoll li t-tfal għandhom dritt jistennew li jekk ikunu adottati, jadotawhom mara u ragel magħqudin fi żwieġ u mhux minn tnejn min-nies li ma jkunux miżżewgin flimkien.
L-Isqfijiet Spanjoli nnutaw ukoll li l-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE ma tagħmel ebda stqarrija ċara dwar il-karattru personali ta' kull binedem, u huma stmerrew ukoll li l-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ħalliet barra mill-Kostituzzjoni tagħha kull referenza għat-twemmin nisrani bħala wieħed mill-għeruq li taw il-ħajja lill-Ewropa u lill-valuri li l-popli Ewropej jagħrfu.
Minkejja li Spanja hija proprjament pajjiċ Kattoliku, il-maġġoranza ta' l-Ispanjoli ma jħaddnux il-valuri Nsara fil-ħajja tagħhom, l-istess kif popli oħrajn ta' pajjiżi oħrajn imsieħba fl-UE fil-prattika ta' kuljum ma jgħixux skond il-valuri Nsara.
F'Malta l-poplu ġie ngannat meta qalulu li l-UE tħaddan il-valuri Nsara, għax fil-fatt, tħaddan valuri pagani.
L-Erbgħa, 16 ta' Frar, 2005
Inroddulek
ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju Finanzjarju
CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ