MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

JEKK TIRRISPETTA L-KOSTITUZZJONI TA' PAJJIŻEK GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK JIRRISPETTA L-FEHMIET TIEGĦEK U MA JIVVOTAX FAVUR IL-KOSTITUZZJONI TA' L-UNJONI EWROPEA LI TKASBAR IL-KOSTITUZZJONI TA' MALTA.

 

NAHILFU LI NEHILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIZMU U L-HAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

Mill-Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €360,000,000

  

Ġejjieni mċajpar għall-Unjoni Ewropea

 

ERBA’ snin ilu, f’Lisbona, il-mexxejja tal-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni Ewropea, xandru bid-daqq tat-trombi, programm ambizzjuż, magħruf bħala l-Agenda ta’ Lisbona, li kellu, sas-sena 2010, joħloq miljuni ta’ mpjiegi ġodda fl-Unjoni u jwassalha biex tħabbatha ma’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, bħala potenza ekonomika.

Issa, erba’ snin wara, l-Unjoni Ewropea rat li marret ħafna zmerċ, kif juri rapport magħmul minn grupp ta’ politiċi għoljin immexxija minn ex-Prim Ministru ta’ l-Olanda, Wim Kok.

Ir-rapport ta’ Win Kok jgħid bla tlaqlieq li ħafna minn għanijiet miftehma fil-2000, m’humiex se jintlaħħqu sa l-2010 mill-Unjoni. 

 

Ir-rapport juri li l-Unjoni waqfet milli toħloq impiegi ġodda mis-sena 2001 ’l hawn.

 

Jingħad ħafna agħar minn hekk fir-rapport ta’ Wim Kok. 

 

Għax dan jgħid li fl-Unjoni, kemm fiż-żmien qrib, kif ukoll fis-snin fit-tul, hemm it-theddida li l-Ewropa ma tistax tmantni jew issostni l-kwalità tas-soċjetà li nbiet matul is-snin.

Din it-theddida hija għall-istess ċiviltà ta’ l-Ewropa, għax mhux magħruf kemm l-Ewropa se tkun tista’ tħares u tippreserva ċ-ċiviltà tagħha li kibret matul is-sekli. 

 

Ir-rapport isemmi li diġà qegħdin naraw jinbtu f’pajjiżi membri ta’ l-Unjoni Ewropea, movimenti politiċi ta’ xejra kerha ħafna, bħall-movimenti xenofili razzisti.

 

Minflok ġejjieni sabiħ kif kien imbassar erba’ snin ilu f’Lisbona, l-Unjoni Ewropea qiegħda tibża’ minn ġejjieni mċajpar, jekk mhux ukoll skur.

Iżda f’Malta, ħadd m’għandu d-diċenza jitkellem ċar dwar din it-theddida għall-Unjoni Ewropea. 

 

Minflok, il-poplu jkompli jisma’ kliem tal-mogħdija taż-żmien. 

 

Jisma’ lill-President jiftaħar li issa leħen Malta jinstema’ aktar għax Malta ssieħbet fl-Unjoni, meta fil-fatt Malta tilfet leħinha għax tilfet l-indipendenza politika tagħha u leħinha ntefa’ fil-leħen ħafna aktar oħxon ta’ l-Unjoni, li titkellem għall-pajjiżi membri kollha tagħha.

 

Ifaqqsu l-miljuni: Lm20, Lm51 u Lm75 fi ftit ġimgħat

 

IL-GVERN qiegħed jinduna li l-maġġoranza tal-poplu daret kontra l-Unjoni Ewropea.

 

Biex jerġa’ jilloppja lill-poplu, il-Gvern issa beda kantaliena dwar kemm miljuni ġejjien mill-Unjoni Ewropea. 

 

Jaf li jista’ jagħmel dan għax l-Oppożizzjoni tibża’ barra xi waħdiet, titkellem kontra l-ftehim ta’ sħubija fl-Unjoni u għalhekk qegħdin jibqgħu b’ħalqhom magħluq.

L-ewwel smajna lill-Prim Ministru fil-Parlament iwieġeb mistoqsija tad-Deputat Mexxej Laburista, fejn qallu li l-Unjoni bagħtet Lm20,9000,000 lejn pajjiżna, u aħna bagħatnilha Lm12,200,000 biss. 

 

Imbagħad rajna lill-Prim Ministru fil-programm Xarabank jgħid li ġew Lm52 miljun mill-Unjoni u l-Protokoll ma’ l-Italja. 

 

Hemm qabża kbira ħafna bejn dak li qal fil-Parlament u dak li qal f’Xarabank. 

 

Iżda ma ta l-ebda tagħrif dwar id-differenza fl-ammonti li semma, u lanqas qal kemm mill-Lm51 miljun, ġejjin mill-Italja, u mhux mill-Unjoni.

Ġimgħa wara dan, il-ġurnal ta’ kull jum Nazzjonalista kiteb li l-Prim Ministru, meta kien qiegħed iwieġeb lill-Kap ta’ l-Oppożizzjoni fil-Parlament, iddikjara li din is-sena biss, mill-Unjoni ġejjin Lm51m, u li s-sena li ġejja, se jiżdiedu għal Lm75m.

Meta smajna u qrajna dawn l-affarijiet, wasalna għall-konklużjoni li l-Prim Ministru tal-lum ma jagħmilx għajb lill-Prim Ministru ta’ qablu fil-propaganda qarrieqa u sfaċċata maħsuba biex tilloppja lill-pubbliku. 

 

U wasalna għall-konklużjoni wkoll li l-ġurnal ta’ kuljum Nazzjonalista ma jibqax lura biex iħawwad billi jgħid li l-miljuni li ġejjin mill-Italja (bis-saħħa ta’ ftehim li Gvern Laburist għamel magħha fis-sena 1981), ġejjin mill-Unjoni.

 

Fil-waqt li nikkundannaw lill-Gvern u lill-mezzi ta’ propaganda tiegħu għal dan il-qerq, ma nistgħux ma nipprotestawx kontra dawk fl-Oppożizzjoni li bis-silenzju u l-kwiet tagħhom, qegħdin iħallu lill-poplu Malti jerġa’ jiġi ngannat dwar l-UE

 

Qed niksru l-Kostituzzjoni

 

IL-GVERN Malti għarraf lill-Unjoni Ewropea li mhux se jibgħat suldati biex jieħdu sehem fl-armata ta' madwar 7,000 suldat li l-Unjoni qiegħda tibgħat f'Bosnia-Herzegovina, f'Diċembru, biex iżommu l-paċi hemmhekk.

 

Skond il-kelliemi tal-Forzi Armati ta' Malta, Malta qiegħda tagħmel dan, għax f'din l-operazzjoni militari hemm imdaħħla n-NATO u fin-negozjati li Malta għamlet ma' l-Unjoni dwar is-sħubija ta' Malta fl-Unjoni, Malta kienet iddikjarat li ma tieħux sehem f'operazzjonijiet militari tan-NATO.

 

Iżda xorta waħda Malta sejra tieħu sehem f'din l-operazzjoni militari ta' l-Unjoni Ewropea, għax għalkemm mhux se tibgħat suldati, Malta sejra tħallas is-sehem tagħha ta' l-ispiża ta' din l-operazzjoni militari. 

 

Skond kelliemi tal-Forzi Armati ta' Malta, il-ħlas li Malta se tagħmel, se jkun ta' eluf ta' liri dis-sena.

 

Barra milli se tħallas is-sehem tagħha mill-ispejjeż ta' din l-operazzjoni militari ta' l-Unjoni, Malta qiegħda tieħu sehem ukoll fil-laqgħat ta' tħejjija għal din l-operazzjoni militari. 

 

Fl-aħħar laqgħa tal-Ministri tad-Difiża tal-pajjiżi membri ta' l-Unjoni, li fiha ddiskutew it-tħejjijiet, għan-nom ta' Malta ħa sehem is-Segretarju Parlamentari, in-Nutar Tony Abela, li mar minflok il-Prim Ministru li huwa responsabbli mill-Forzi Armati ta' Malta.

 

Huwa magħruf li uffiċjal tal-Forzi Armati ta' Malta jieħu sehem regolarment fil-laqgħat tat-tmexxija ta' l-armata li l-Unjoni qiegħda tibni. 

 

Din is-sena l-Unjoni waqqfet dawk li jissejħu "Battle Groups", magħmula minn 1,500 suldat li jistgħu jintbagħtu f'pajjiżi mbiegħda mill-Unjoni, fi żmien ftit ġimgħat. 

 

Malta qiegħda tieħu sehem fit-tħejjija ta' dawn il-"Battle Groups".

 

Dawn il-fatti kollha jixhdu li Malta qiegħda tiehu sehem f'allejanza militari, bi ksur tal-Kostituzzjoni ta' pajjiżna.

 

Għandhom jastjenu fis-16 ta' Diċembru fil-Parlament Ewropew

 

BIL-GIDEB u bil-qerq isseħibna fl-Unjoni Ewropea. 

 

U bil-gideb u l-qerq iriduna naċċettaw il-konsegwenzi tal-ftehim tas-sħubija. 

 

Iżda l-kotra tal-poplu qiegħda tintebaħ li bil-ftehim tas-sħubija se jgawdu hafna l-ftit u se jbatu hafna l-kotra.

 

Aktar ma l-Gvern jagħmel dak li l-Unjoni tordnalu, aktar jikber l-għadd ta' dawk li qegħdin iduru kontra l-ftehim tas-sħubija fl-Unjoni, minkejja li ħafna fl-Oppożizzjoni ma jitkellmux dwaru. 

 

Dan huwa magħruf saħansitra mill-istħarriġ li l-Unjoni Ewropea stess tagħmel f'pajjiżna, għax din għandha barometru, l-Eurobarometer, li minflok ikejjel it-temp, ikejjel kif jaħsibha l-poplu.

 

U l-Eurobarometer qiegħed issa jimmarka li l-maġġoranza ta' l-opinjoni pubblika Maltija, f'temp ta' 6 xhur wara s-sħubija ta' Malta fl-1 ta' Mejju ta' din is-sena, diġa' xaqilbet kontra l-ftehim ta' sħubija fl-Unjoni.

 

Dan il-fattur, jiġifieri, li llum il-maġġoranza tal-poplu Malti ma għadhiex favur il-ftehim tas-sħubija li kien iffirmat is-sena l-oħra fis-16 ta' April ġewwa Ateni, għandu jitqies bħala fattur importanti u deċisiv f'pajjiż demokratiku.

 

Huwa fattur li l-Parlament Malti għandu jistmah u jirrispettah meta titressaq għall-approvazzjoni tal-Parlament il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni Ewropea.  

 

Din il-Kostituzzjoni tinkludi fiha l-ftehim tas-sħubija li kien iffirmat fis-16 ta' April 2003 (barra d-Dikjarazzjoni dwar in-newtralita` ta' Malta).

 

Illum il-maġġoranza tal-poplu Malti mhix aktar favur dak il-ftehim.

 

Għalhekk il-maġġoranza tal-poplu Malti ma taqbilx mal-Kostituzzjoni li fiha dak il-ftehim tas-16 ta' April 2003.

 

Min fil-Parlament Malti jivvota favur il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni, ikun qiegħed jivvota favur il-ftehim tas-sħubija li l-maġġoranza tal-poplu Malti llum ma taqbilx miegħu.

 

L-istess għandu jingħad għar-rappreżentanti Maltin fil-Parlament Ewropew.

 

Il-Parlament Ewropew se jivvota dwar il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni fis-16 ta' Diċembru ġewwa Strasbourg. 

 

Ir-rappreżentanti Maltin ikunu qegħdin imorru kontra r-rieda tal-maġġoranza tal-poplu Malti jekk jivvutaw favur il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni.

 

M'għandhomx mandat mill-poplu biex jagħmlu dan.

 

Meta s-sena l-oħra l-maġġoranza ivvutat favur il-ftehim tas-sħubija fl-Unjoni, hija vvutat favur dik l-Unjoni, kif kienet u kif inhi, u mhux favur dik l-Unjoni kif il-Kostituzzjoni ġdida se tagħmilha, jekk il-Kostituzzjoni ġdida tkun ratifikata mill-popli kollha tal-25 pajjiż membru ta' l-Unjoni.

 

Prosit Dr Anġlu Farrugia

 

Apprezzajna ferm l-artiklu li l-Onor Anġlu Farrugia kiteb fit-Torċa dan l-aħħar fejn esprima ruħu pubblikament kontra l-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni Ewropea li dalwaqt titressaq għar-ratifika fil-Parlament.

 

Nittamaw li d-deputati Laburisti jkollhom id-dehen u l-kuraġġ li jesprimu ruhhom pubblikament kontra din il-Kostituzzjoni, li jekk tkun ratifikata b'vot ta' żewġ terzi tad-deputati Parlamentari, tkisser il-Kostituzzjoni Republikana Maltija, li l-Gvern Laburista kien fassal fl-1974 u li għaddiet b'maġġoranza assoluta ta' ferm aktar minn żewġ terzi, għax sitt deputati biss ivvutaw kontriha.

 

Jekk ir-ratifika tal-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni Ewropea ssir b'żewġ terzi tad-deputati kollha tal-Parlament Malti, il-Kostituzzjoni ta' Malta ma tkunx tiswa daqs il-karta li hija miktuba fiha, u ma tistax timmaġina kif wieħed jista' jżeblaha aktar.

 

Aħna nerġgħu ntennu dak li KMB kiteb fl-Orizzont il-ġimgħa l-oħra. 

 

Il-Gvern Nazzjonaoista għandu s-saħħa li jgħaddi l-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni Ewropea mill-Parlament, iżda m'għandux is-saħħa jkisser il-Kostituzzjoni ta' Malta jekk ma jsibx l-appoġġ ta' numru ta' deputati ta' l-Oppożizzjoni Laburista li jkunu lesti li jittradixxu l-ġurament li ħadu li jiddefendu l-Kostituzzjoni ta' Malta, billi jivvutaw mal-Gvern favur ir-ratifika tal-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni Ewropea.

 

Lil dawn, il-kotra tal-poplu Malti, llum, ma taħfrilhomx.

 

Ġurament ta' lealta` li jieħdu l-Membri Parlamentari kollha

 

 Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li nkun tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r- Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. (Hekk Alla jgħini).

 

Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.

 

Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment u skond il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skond il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta, mingħajr biża’ jew favur. ( Hekk Alla jgħini).

 

Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ President.

 

Jiena ..............................................., solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta’ President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta’ Malta, u li, skond l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. (Hekk Alla jgħini).

 

Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta

 

6. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) ta’ l-artikolu 47 u ta’ l-artikolu 66 ta’ din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.

 

Artiklu I-6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea

 

Dritt ta' l-Unjoni

Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri.

 

Tista' tafda lil min jikser il-ĠURAMENT tiegħu/tagħha?

 

L-Erbgħa, 15 ta' Diċembru, 2004.

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat Lm2 flimkien ma' din il-formola liċ-

Chairman CNI,

Dr Karmenu Mifsud Bonnici B.A. LL.D.

81, Triq Ġuże Pace,

Ħamrun.

 

Isem .......................................................

Indirizz ..................................................

ID Numru...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ