MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI


Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA
L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
L-Unjoni Ewropea ordnat li fis-sena 2011 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha €68,000,000
€186,000 kuljum misruqa minn ħalq uliedek
minn Kampanja ghall-Helsien Nazzjonali CNI
M’għandniex nieħdu sehem fil-PfP
Mhux minnu li ma nistgħux noħorġu mill-Unjoni Ewropea.
Araw dan il-video tal-Parlament Ewropew kif nistgħu noħorġu
In-NATO
twaqqfet biex tiddefendi lill-pajjiżi membri billi dawn intrabtu li kollha
jaqbżu għall-pajjiż jew pajjiżi membri li jkunu attakkati jew mheddin.
Fiż-żmien iżda in-NATO waqqgħet l-għanijiet tagħha u bdiet tindaħal anke meta
ebda pajjiż membru ma jkunx attakkat jew mhedded.
In-NATO ndaħlet fil-gwerra tal-Jugoslavia, fl-Afghanistan u fil-Libja.
Fl-ebda wieħed minn dawn il-pajjiżi ma kien hemm theddida għal xi pajjiż membru tan-NATO.
In-NATO b’hekk minn organizzazzjoni difensiva saret waħda aggressiva.
Minflok iżżomm il-paċi saret hi tagħmel il-gwerra.
Fil-gwerer in-NATO ħadet sehem, ikkaġunat eluf ta’ imwiet u ferimenti mhux biss tal-persuni tal-pajjiżi fejn sar il-ġlied iżda anke tas-suldati tal-pajjiżi membri tan-NATO.
In-NATO hi responsabbli ta’ dawn l-eluf ta’ imwiet u ferimenti li seħħew u dan
għax ma mxietx mal-iskop li għalih twaqqfet dak li tiddefendi lill-pajjiżi
membri, u minflok hija attakkat pajjiżi oħrajn mingħajr dawn m’għamlulha ebda
provokazzjoni jew theddida.
Dawk kollha li jmexxu fil-paċi fost il-ġnus, qatt ma jistgħu jaċċettaw din l-alleanza
militari.
Lanqas m’aċċettawha fi żmien il-gwerra bierda, aħseb u ara kemm jistgħu jaċċettawha wara t-tmiem tal-gwerra bierda bix-xiljiment tal-Patt ta’ Varsavja bejn l-Unjoni Sovjetika u l-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant.
Fil-1971 il-Gvern Laburista Malti ħassar ir-rabtiet li pajjiżna kellu man-NATO
billi ma ħalliex aktar f’Malta il-kwartieri tal-Kmand Navali tal-Mediterran
tan-NATO.
Fil-1979 il-Gvern Laburista Malti addotta l-politika li pajjiżna ma jieħux sehem
fl-ebda alleanza militari u għarraf lill-Ġnus Magħquda x’kienet il-politika ta’
Malta.
Fl-1987 il-Parlament Malti b’vot wieħed biss kontra, ivvota li fil-Kostituzzjoni
ta’ Malta jingħad li Malta tirrifjuta li tieħu sehem f’xi alleanza militari.
Iżda ġara li n-NATO biex tegħleb l-oġġezzjonijiet tal-pajjiżi li bħal Malta huma
kontra l-gwerer, ħolqot organizzazzjoni sussidajarja bl-isem ta’ Partnership for
Peace, li mhu xejn ħlief musrana tan-NATO u parti integrali minnha.
Malta ma setgħetx tissieħeb fil-PfP la darba ma tistax tissieħeb f’alleanza
militari.
Għalhekk fil-1996 il-Gvern Laburista Malti ħassar is-sħubija ta’ Malta fil-PfP li l-Gvern ta’ qabel kien daħħal lill-pajjiżna fiha.
Iżda
wara l-1998 il-Gvern Malti reġa’ insista li pajjiżna għandu jieħu sehem fil-PfP
għax sostna li ma kinitx alleanza militari, u għalhekk ma kienx tikser
il-Kostituzzjoni Maltija.
Iżda m’għandu jkun hemm ebda dubbji għal min vermanet jemmen li Malta m’għandhiex tieħu sehem f’alleanzi militari u li għandha taħdem attivament għall-paċi fost il-ġnus militari tan-NATO, u li n-NATO ma tfittix il-paċi, iżda toħloq il-gwerer, kif għamlet fil-Jogoslavia, fl-Afghanistan u qiegħda tagħmel fil-Libja.
Għalkemm is-CNI ssejjaħ lill-Maltin kollha li għadhom jgħożżu verament it-twemmin
li pajjiżna m’għandux jieħu sehem fil-gwerer lanqas jappoġġja pajjiżi li jagħmlu
gwerer li jgħidu lir-rappreżentanti parlamentari tagħhom li ma jridux li Malta
tieħu sehem fil-PfP.
Kriżi wara l-oħra fiż-Żona Ewro
Meta
daħħluna fl-UE qalulna li jaqblilna nissieħbu ħalli mmorru ’l quddiem bħalma
kienu għamlu l-pajjiżi tal-UE fosthom l-Irlanda u Spanja.
Illum dawn iż-żewġ pajjiżi għaddejjin minn kriżijiet kbar, u l-istess jista’ jingħad għal pajjiżi oħrajn tal-UE bħal Portugall, l-Italja, Ċipru u l-aktar il-Greċja.
Mentri hemm tliet pajjiżi Ewropej li mhumiex imseħbin fl-UE, in-Norveġja, l-Isvizzera u t-Turkija li mixjin tajjeb u aħjar mill-pajjiżi membri tal-UE.
Qabel ma dħalna fl-ewro qalulna li bl-ewro l-qagħda finanzjarja tagħna tissaħħaħ.
Pajjiżi membri tal-UE li ma daħħlux l-ewro, bħall-Isvizzera u d-Danimarka, għandhom qagħda finanzjarja aħjar minn dik ta’ ħafna mill-pajjiżi li daħħlu l-ewro.
Meta l-Iżlanda, li m’għandhiex l-ewro, kienet se tfalli minħabba d-djun tal-banek tagħha, qalulna li f’Malta kien jiġrilna l-istess kieku ma daħħalnix l-ewro.
Iżda pajjiżi li daħlu l-ewro sabu ruħhom f’qagħda ħażina finanzjarjament, fosthom il-Greċja, l-Irlanda, il-Portugall, Spanja u l-Italja.
Issa li Malta daħħalna l-ewro, se jiġrilna l-istess bħal dawn il-pajjiżi?
Iċ-ċirkostanzi ta’ pajjiżna m’humiex l-istess bħal dawk ta’ pajjiżi li daħħlu l-ewro
u jinsabu fi kriżi finanzjarja.
Iżda għax pajjiżna daħħalna l-ewro, tgħabbejna b’piżijiet finanzjarji ġodda li konna niffrankaw kieku ma daħħalnix l-ewro.
Ma kienx ikollna bilfors naqsmu fil-piżijiet tal-‘bail-outs’ lill-pajjiżi taż-Żona Ewro li għandhom diffikultajiet finanzjarji.
Kieku
ma twikkejnix fl-ewro, kieku l-Gvern Malti lanqas kien ikollu joqgħod għal dak
li l-UE tiddeċiedi dwar il-baġit tal-pajjiżi u dwar kemm ikun l-infiq fil-qasam
soċjali, u ħafna restrizzjonijiet u impożizzjonijiet dwar il-governanza
ekonomika.
Bl-adozzjoni tal-ewro daħħluna f’żona ta’ kriżi wara l-oħra u fejn jeħtieġu
miżuri ta’ awsterità li jħażżnu l-qagħda soċjali tal-poplu.
Il-miżuri
ta’ awsterità qegħdin ixeklu t-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-postijiet ġodda
tax-xogħol.
Il-medja tal-qgħad fiż-Żona Ewro hi ogħla minn dik tal-UE, waqt li medja tat-tkabbir ekonomiku taż-Żona Ewro hi inqas minn dik tal-UE.
Waqt li pajjiżi li ma daħħlux l-ewro u li m’humiex fl-UE għandhom inqas qgħad
mill-UE u l-ekonomiji tagħhom qegħdin jikbru aktar mill-ekonomiji tal-pajjiżi
tal-UE.
Fost dwar hemm it-Turkija u n-Norveġja, barra pajjiżi bħal Brażil, l-Indja, iċ-Ċina u r-Russja.
Issa qed jingħad li l-ewro tista’ tisfaxxa u li fil-Ġermanja diġà qed jaħsbu biex jistampaw karti ġodda tal-mark Ġermaniż għal meta tispiċċa l-ewro.
Allavolja
l-Ġermanja marret tajjeb bl-ewro u qiegħda taħkem ekonomikament ħafna pajjiżi
oħrajn li ma marrux daqstant tajjeb fiha.
Illum kulħadd jammetti li t-twaqqif ta’ munita
komuni għal pajjiżi li m’humiex integrati fiskalment, kien pass falz li sar
għal raġunijiet politiċi, iżda kontra l-esiġenzi finanzjarji.
Iżda l-kriżijiet taż-Żona Ewro qegħdin iservu ħalli l-Ġermanja u Franza jagħfsu biex l-pajjiżi tal-ewro jintegraw aktar fiskalment u ekonomikament.
Għalkemm il-kriżijiet tal-ewro qegħdin iservu politikament lill-UE biex din issir aktar integrata u biex il-pajjiżi tal-ewro jnaqqsu mill-indipendenza u mis-sovranità ekonomika tagħhom.
Jekk il-governanza ekonomika li l-Unjoni Ewropea fasslet għall-pajjiżi tal-ewro
tkun approvata mill-parlamenti tal-pajjiżi membri, Malta tinbela’ u l-ekonomija
u l-finanzi ta’ pajjiżna ma jkunx aktar f’idejn il-Gvern demokratiku ta’
pajjiżna, iżda jkunu kkontrollati mill-uffiċjali tal-UE li l-poplu Malti la
jafhom u wisq inqas ivvota għalihom.
X’jiswew il-proposti ġodda dwar il-Frontex?
Il-Parlament
Ewropew għadu kif ivvota favur it-tkabbir u t-tisħiħ tal-aġenzija Frontex dwar
il-kontroll tal-fruntieri tal-UE u dwar tal-immigranti illegali.
Minkejja l-ftaħir dwar il-proposti ġodda tal-Frontex, ftit jew xejn mhu se
titjieb il-qagħda tal-immigrazzjoni illegali fl-UE u speċjalment f’pajjiżna.
Għax il-proposti tat-tibdil li saru fil-Frontex ma jsolvux il-problemi ewlenin ta’ din l-aġenzija.
L-UE trid l-ewwel tiddeċiedi jekk l-għan tal-Frontex hux dak li ma jħallix, jew
inaqqas, it-trasport tal-immigranti illegali lejn il-pajjiżi tal-UE.
Għax
jekk l-UE trid li l-Frontex tagħmel dan, il-Frontex għandha jkollha s-setgħa li
treġġa’ lura l-dgħajjes mimlijin bl-immigranti illegali, mhux tieħu d-dgħajjes
fl-eqreb pajjiż tal-UE.
F’dan ir-rigward għandu jingħad li la darba l-Frontex se ssaħħaħ is-sorveljanza
fuq il-fruntieri tal-UE, trid li ma tħallix jidħlu persuni mhux awtorizzati jew
mingħajr permess.
Jekk m’għandhomx jitħallew jidħlu, hu loġiku li d-dgħajjes tal-Frontex għandhom
jibgħatuhom lura minn fejn ikunu telqu.
Jekk il-Frontex mhux se jagħmlu dan, allura tissaħħaħ kemm tissaħaħ l-aġenzija,
mhix se trażżan il-problema tal-immigrazzjoni.
Jekk il-Frontex mhix se treġġa’ lura l-immigranti illegali, hemm bżonn li
pajjiżna jaddotta l-politika li ma jżommx lill-immigranti li jiġu hawn milli
jkompli sejjrin lejn il-pajjiżi kbar tal-UE, fejn l-immigranti jkollhom l-intenzjoni
li jmorru.
L-UE
ma tridx li nħallu l-immigranti illegali jmorru fil-pajjiżi l-oħrajn tagħha.
Malta ma tridx li żżomm hawn l-immigranti illegali, kemm għax pajjiżna ma jiflaħx għalihom meta pajjiżna għandu l-akbar densità tal-popolazzjoni fil-pajjiżi kollha tal-UE, kif ukoll għax l-immigranti ma jridux jibqgħu f’pajjiżna iżda jridu jmorru fil-pajjiżi kbar fejn ikollhom prospetti ta’ xogħol aħjar milli għandhom f’Malta.
Jekk inħallu lill-immigranti illegali jmorru minn pajjiżna għall-pajjiżi l-oħrajn fejn iridu jmorru, inkunu qegħdin nagħtuhom l-akbar għajnuna li nistgħu nagħtuhom.
L-Unjoni Ewropea m’għandhiex raġun ma tħalliniex inħalluhom imorru f’pajjiżi
oħrajn, għax la darba l-UE tqis li pajjiżna hu parti mill-Unjoni, l-immigranti
m’għandhomx ikunu impeduti li jmorru fil-partijiet l-oħrajn tal-istess Unjoni.
L-aggressjoni tan-NATO fil-Libja
Filwaqt li l-Gvern Malti ta l-appoġġ tiegħu għall-missjoni militari tan-NATO fil-Libja, analisti imparzjali barranin ikkundannaw l-aggressjoni tan-NATO.


Is-‘Centre
for Research on Globalization’ bagħat fil-Libja lil Mahdi Nazemroaya, ġurnalist
residenti l-Kanada, biex jifli s-sehem tan-NATO fil-gwerra fil-Libja.
![]()
Dan sab li n-NATO bbumbarjaw il-pajjiż bla ħniena.
Hu qal li t-tattika maħsuba tan-NATO kienet li joħolqu diżastru umantarju, u li b’mod militari jiftħu t-triq għall-forzi tar-ribelli, mingħajr ma taw kas tal-aspett umanitarju.
Qal ukoll li n-NATO użaw kull dimensjoni ta’ gwerra psikoloġika, inkluż il-midja, biex joħolqu biża’ u stat ta’ paniku.
Hu sostna li dan wassal biex ħafna nies baqgħu newtrali, jew anke ma baqgħux jappoġġjaw lill-Gvern Libjan.



Il-ġudizzju
negattiv ta’ Mahdi Nazemoroaya dwar il-missjoni tan-NATO fil-Libja għandu jiftaħ
għajnejn kull min hu ta’ rieda tajba biex ma jkomplix jaċċetta l-kliem falz
tal-mexxejja politiċi, bħal Obama, Sarkozy, Cameron, Gonzi u Rasmussen li ta
spiss jirrepetu li n-NATO fil-Libja pproteġġiet in-nies ċivili.
Il-verità
hi li wara li l-ajruplani Franċiżi, Ingliżi u Amerikani waqqfu lill-forzi
governattivi milli jattakkaw il-belt ta’ Benghazi, in-NATO daħlu biex ikissru s-saħħa
tal-forzi governattivi Libjani, u biex jibbumbardjaw l-ibliet li kienu taħt
il-kontroll tal-Gvern Libjan, u b’hekk qatlu u ferew ħafna nies ċivili, u mexxew
lill-forzi tar-ribelli fl-attakki tagħhom kontra l-forzi governattivi.
Skont
ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda, il-missjoni tan-NATO
kienet li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex iħarsu lin-nies ċivili u fejn hemm
il-popolazzjoni ċivili mill-attakki.
Iżda n-NATO mhux hekk għamlu, u bidlu l-iskop tal-intervent militari f’wieħed li jeqirdu l-Gvern Libjan u biex jgħinu lir-ribelli jieħdu f’idejhom it-tmexxija tal-pajjiż.



Biex
jilħqu dan l-iskop, in-NATO bbumbardjaw fejn kien hemm il-popolazzjoni ċivili.
La darba n-NATO marru kontra l-mandat mogħti mill-Kunsill tas-Sigurtà, huma wettqu atti ta’ aggressjoni sfaċċata kontra l-poplu Libjan, u għandhom jitqiesu responsabbli għall-imwiet u l-ferimenti li kkaġunaw.
Issa
li l-Gvern tal-Libja huwa f’idejn ir-ribelli li qegħdin jassedjaw l-ibliet fejn
il-popolazzjoni mhix favur il-Gvern tal-lum, in-NATO minflok qiegħda tipproteġi
l-popolazzjoni ċivil ta’ dawn l-ibliet, qiegħda tibbumbardjhom.
Hekk għamlet fi Tripli u fl-ibliet l-oħrajn li għad m’humiex taħt il-kontroll
tal-Gvern il-ġdid.
In-NATO hi tant sfaċċata, li qed isostni li qed tagħmel dan skont il-mandat tal-ĠM biex tħares il-persuni ċivili.
Il-Gvern Malti m’jagħmel ebda oġġezzjoni għal din l-aggressjoni sfaċċata tan-NATO, u anzi, japprovaha u jappoġġjha.
Il-Ħamis, 15 ta’ Settembru, 2011

Fittex li tiffirma l-petizzjoni popolari lill-Parlament Malti biex jgħaddi miżuri li jrażżnu l-immigrazzjoni illegali f’pajjiżna.
IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju Finanzjarju
CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ