MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

       

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000

 

Bob Geldof, Michael Frendo, Josè Herrera u l-klandestini

 

Diskorsi u kitbiet li smajna u qrajna dan l-aħħar qegħdin jagħtuna raġun u jqawwulna qalbna, għax is-CNI ilha żmien twil li tkellmet dwar il-problema enormi li l-immigrazzjoni illegali qiegħda ġġib fuq pajjiżna u l-poplu Malti.


Dan l-aħħar qrajna x’qal fil-Parlament id-Deputat Laburista Josè Herrera dwar din il-kwistjoni.

 

Qrajna wkoll x’qal il-Ministru Michael Frendo meta ltaqa’ mal-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin Ungeriż, fejn il-Ministru Frendo ma tantx qgħad ilaqlaqha meta qal:  

 

L-Unjoni Ewropea qiegħda timxi ma’ Malta bil-mentalità ta’ pajjiż żgħir allura problemi żgħar u dan huwa inaċċettabbli”.


Kemm lid-Deputat Laburista Josè Herrera kif ukoll lill-Ministru Frendo nirringrazzjawhom għall-mod kif tkellmu dwar din il-problema li qiegħda tifni lill-poplu tagħna.

 

Però forsi l-aktar kliem bla kantunieri ta’ xejn qalu l-kantant famuż Bob Geldof waqt “kolazzjon” organizzat mill-HSBC u l-Vodafone.


Fost il-punti li qajjem fid-diskors tiegħu dwar il-problema ta’ l-immigrazzjoni illegali, Bob Geldof qal:

 

“Mhux ġust li Malta jew Lampedusa jġorru t-toqol tal-problema. Inthom qegħdin fil-ponta ta’ quddiem (t’isfel) ta’ l-Ewropa.


U għalhekk għandkom tkunu mgħejjunin... għandkom popolazzjoni ta’ 350,000 ruħ.

 

X’jiġri meta jkun hawn (f’Malta) 30,000 minnhom (immigranti illegali) - li m’huma xejn, iżda għalikom ikunu 10 fil-mija tal-popolazzjoni tagħkom?

 

In-nies jibdew isiru razzisti – il-biża’ li l-barrani jieħu x-xogħol tagħkom - għalhekk din il-materja trid tiġi ffaċċjata”.


Bob Geldof qal ukoll li Malta ma tistax tieħu “l-mewġ ta’ immigranti illegali li qegħdin jaslu fuq xtutha regolarment... u l-Ewropa mhux qiegħda toħodhom hi, tgħid x’tgħid”!


Semma kif l-UE mhiex tieħu din il-problema b‘mod serju.

 

Ezempju ta’ dan semma kif iz-żewġ miljun Ewro (Lm900,000) li vvotaw biex tiġġieled din il-problema ta’ l-immigrazzjoni illegali “kienet ċajta”!!!

 

Qal ħafna aktar affarijiet oħrajn iżda spazju m’għandniex.  

 

Il-Gidba dwar il-prezz tal-proprjeta'

 

Huwa fatt innegabbli li l-isplużjoni fil-prezz tal-bini f’Malta seħħet l-aktar minħabba s-sħubija fl-Unjoni Ewropea.

 

Waħda mir-raġunijiet hija li ċittadini barranin ta’ pajjiżi membri fl-UE, mad-dħul ta’ Malta fl-UE, dawn ingħataw id-dritt li jistgħu jixtru post fejn joqogħdu u d-dritt li jibqgħu jgħixu f’pajjiżna, tista’ tgħid bla kundizzjonijiet ta’ xejn.

 

Dan wassal għal numru dejjem jikber li barranin ċittadini ta’ l-UE, li jagħżlu li jiġu jgħixu f’pajjiżna.

 

Kemm minħabba l-klima tajba u ferm aktar ħanina fix-xitwa minn dik ta’ pajjjiżi nordiċi, kif ukoll minħabba l-lingwa  Ingliża li jitkellmu tajjeb il-maġġoranza kbira tal-Maltin.

 

Waqt li qabel dħalna fl-UE kien hemm restrizzjonijiet biex barrani seta’ jixtri post fejn joqgħod u jiġi jgħix b’mod permanenti f’Malta, per eżempju, ried ikollu dħul ta’ flus minn barra pajjiżna ta’ l-inqas Lm10,000 fis-sena u kapital barra minn Malta ta’ l-inqas Lm15,000.

 

Illum biżżejjed li jkollu pensjoni barranija għax jingħata d-dritt jgħix ġo pajjiżna bla problema ta’ xejn!

 

Dan l-aħħar il-Gvern Malti ħabbar li l-Kabinett iddeċieda li jżid il-persentaġġ ta’ art għall-iżvilupp tal-bini b’2.4 fil-mija.

 

Waħda mir-raġunijiet li ta l-Prim Ministru kienet li b’hekk jitbaxxew il-prezzijiet tal-porprjeta’, ħalli l-koppji żgħazagħ Maltin u familji, jibdew ilaħħqu aħjar mal-prezz tal-proprjeta’ li jkollhom bżonn jixtru.

 

Li qal il-Prim Ministru hija biss illużjoni,. Jew aħjar, tattika politika biex wieħed “jgħatti x-xemx bl-għarbiel”.

 

Ħalli nsemmu biss żewġ raġunijiet:

 

1. Kieku veru jitbaxxew għall-ewwel il-prezzijiet tal-bini, minbarra l-Maltin aktar barranin jitħajru jiġu jixtru proprjeta’ f’pajjiżna. Kemm biex jgħixu huma u kemm bħala investiment. U b’hekk il-prezz tal-proprjeta’ jerġa’ jirranka ‘l fuq1

 

2. Waħda mir-raġunijiet prinċipali li qiegħda żżomm il-prezz tal-proprjeta’ m’għola s-smewwiet hija l-istess policy tal-gvern meta jibgħat perit tiegħu biex jistma kemm tiswa l-proprjeta’ li tkun inbiegħet xhur wara li jkun sar il-kuntratt tal-bejgħ!

 

Jekk il-eprit tal-Gvern jistma li l-prezz reali tal-proprjeta’ huwa aktar għoli mill-prezz tal-bejgħ, kif jidher fil-kuntratt, kemm il-bejjiegħ u kemm ix-xerrej ikollhom iħallsu l-bolla fuq id-differenza tal-prezz, kif ukoll multi għoljin!

 

Il-periti li jibgħat il-Gvern qegħdin jibbażaw l-istimi tagħhom fuq il-prezz għoli tas-suq.

 

Jiġifieri, fuq l-istess prezz spekulattiv li l-Prim Ministru qiegħed jgħid li jrid li jonqos!

 

Kif jista’ jonqos il-prezz jekk l-istes Gvern iwaħħal multi kbar u ħlas ta’ bolla aktar lil min ibiegh bi prezz inqas minn dak tas-suq!?

 

Dan ifrisser li llum, jekk żviluppatur b’kuxjenza soċjali at’ veru, jiddeċiedi li jibni u jbigħ bi prezzijiet raġonevoli u aktar baxxi minn dawk tas-suq biex b’xi mod itaffi t-tbatijiet finanzjarji li qegħdin iħabbtu wiċċhom magħhom uliedna u ulied uliedna, l-istess Prim Ministru ma jħalliħx jagħmel dan għax iwaħħlu multi kbar u bolla aktar fuq id-differenza fil-prezz li bih ibigħ dan l-iżviluppatur kuxjenzjuż u l-prezz spekulattiv tas-suq.

Il-Prim Ministru jaf x’għandu jagħmel biex jitbaxxa l-prezz tal-bini.

 

Per eżempju, li bini ma jistax jitħalla ġebel u saqaf jew magħluq għal aktar minn ċertu żmien, sakemm ma jkunx hemm xi kawża jew problema legali, għax inkela s-sid jibda jħallas multa għolja għal kull sena li jibqa’ f’dak l-istat u li din il-multa tibqa’ tiżdied.

 

Ċerti li hemm miżuri oħrajn legali li jista’ jieħu l-Gvern.

 

Iżda li tkompli teqred il-ftit art bla bini li għad fadlilna, żgur mhix is-soluzzjoni!

 

Taqbiliet

 

Gonzi qal li jrid ibaxxi l-prezz tal-proprjeta’,

Ħadd pero’ ma ħadu bis-serjeta’,

Għax flok ma l-Prim se jnaqqas l-ispekulazzjoni,

Aktar se jqarreb din l-art lejn id-distruzzjoni!

 

Kif jista’ jinżel il-prezz meta l-Gvern jibgħat perit,

Li kull sena l-prezz tal-bini qiegħed iżid,

Meta jistma l-prezz fuq dak li jgħid is-suq?

Mhux għalhekk il-prezzijiet djjem telgħin ‘il fuq?

 

Għal din il-problema waħda hija s-soluzzjoni,

Biex issir ma jridx joqgħod jaħseb fl-elezzjoni,

Għax faċli li tiġiħ it-tentazzjoni,

Li jibqa’ ċass u ma jieħu ebda azzjoni.

 

Is-soluzzjoni jsibha fl-eluf ta’ bini magħluq,

U mhux fil-prezz tal-bini skond is-suq!

U billi Malta terġa’ tieħu lura s-saħħa,

Li tiddeċiedi hi, bil-ħelsien sħiħ tagħha!

 

Malta kienet u għandha tibqa’ tal-Maltin.

 

Is-Sibt, 15 ta’ Lulju, 2006

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

  

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ