MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI


Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
JEKK TIRRISPETTA L-KOSTITUZZJONI TA' PAJJIŻEK GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK JIRRISPETTA L-FEHMIET TIEGĦEK U MA JIVVOTAX FAVUR IL-KOSTITUZZJONI TA' L-UNJONI EWROPEA LI TKASBAR IL-KOSTITUZZJONI TA' MALTA
Ir-Realta' politika: Irridu noħorgu mill-UE
Mill-Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI
X'INHI r-realta' politika ġdida wara r-Referendum u l-Elezzjoni Ġenerali tas-sena l-oħra?
Ir-realta' politika hija li Malta tinsab imsieħba fl-Unjoni Ewropea.
Issa li Malta hija fl-Unjoni, mhux aktar kwistjoni jekk nidħlux fl-Unjoni.
La Malta issa hija fl-Unjoni, il-kwistjoni hija jekk għandniex nibqgħu fl-Unjoni jew għandniex naħdmu biex noħorġu minnha.
Ir-realta politika llum hija li fil-waqt li Malta hija fl-Unjoni, eluf kbar ta' Maltin u Għawdxin ma jridux ikunu fl-Unjoni.
Il-kwistjoni għalhekk hija jekk hux se nibqgħu fl-Unjoni jew jekk hux sew noħorġu minnha.
Il-qagħda ċara tas-CNI
IS-CNI kienet tgħid li Malta ma kellhiex tidħol fl-Unjoni Ewropea u s-CNI għadha tgħid li Malta m'għandhiex tkun fl-Unjoni Ewropea u għalhekk m'għandniex nibqgħu fiha.
X'hemm stramb f'dan?
X'hemm mhux demokratiku f'dan?
Xejn.
La darba s-CNI temmen li ninsabu f'realta politika ħażina għalina, hija ħaġa raġonevoli għas-CNI li taħdem ħalli r-realta' kerha tal-lum tfittex tgħaddi u tinbidel.
X'uħud jgħidu li r-realta' politika tal-lum ma tistax tinbidel.
Jgħidu ħażin.
Kollox jista' jinbidel.
Konna barra u dħalna.
Qegħdin ġewwa u nistgħu noħorġu.
Il-kwistjoni mhix nistgħux noħorġu mill-Unjoni Ewropea.
Il-kwistjoni hija jekk jaqblilniex noħorġu minnha.
Is-CNI tagħraf li din hija kwistjoni importanti għal Malta u waħda mill-aktar serji li għandna.
Iżda meta niflu l-argument kontra li Malta toħroġ mill-Unjoni u l-argumenti favur li Malta toħroġ, is-CNI temmen li l-argumenti favur li Malta toħroġ mill-Unjoni jegħlbu lil u huma aqwa minn dawk kontra li toħroġ.
Id-dritt tas-CNI
IS-CNI tifhem li hawn min ma jaqbilx ma' dan.
Għandhom dritt ma jaqblux.
Iżda dawn għandhom jifhmu li anki s-CNI għandha dritt li ma taqbilx magħhom.
Jekk huma għandhom dritt li jaħdmu ħalli Malta tibqa' fl-Unjoni Ewropea, is-CNI għandha dritt taħdem biex tipperswadi lill-poplu Maltu u Għawdxi biex ma nibqgħux fl-Unjoni.
M'għandhomx dritt iżebilħu lis-CNI għax taħdem għall-għan tagħha.
Inkella s-CNI iżżeblahom għax huma jħaddnu l-opinjonijiet tagħhom.
Is-CNI lesta tiddiskuti u tiddibatti ma kulħadd dwar jekk Malta jaqblilhiex tibqa' fl-Unjoni Ewropea jew jaqblilhiex toħroġ minnha mill-aktar fis.
Is-CNI trid tagħmel dan u tistenna li l-media ta' l-informazzjoni tal-pubbliku tiffaċilita' li din id-diskussjoni u dan id-dibattitu jsiru bl-aktar oġġettivita' u fil-liberta' kollha.
Għalhekk is-CNI tikkundanna lill-Public Broadcasting Services li jibqa' jiċħad lis-CNI il-faċilitajiet li twassal l-argumenti tagħha kritiċi ta' l-Unjoni Ewropea u tal-politika ħażina ta' l-Unjoni filwaqt li jixxandru programmi spissi favur l-Unjoni.
Għalhekk is-CNI tikkundanna aktar lill-Awtorita' tax-Xandir li għadha tiċħad lis-CNI li ningħataw l-istess faċilitajiet fuq il-mezzi tax-xandir ta' l-Istat daqs kemm jingħataw dawk li huma favur l-Unjoni Ewropea u l-politika tagħha.
Il-kwistjoni ta' jekk Malta għandhiex toħroġ mill-Unjoni Ewropea hija materja ta' kontroversja pubblika, ta nteress ġenerali u tal-mument u għalhekk skond il-Kostituzzjoni u l-Liġi Maltija s-CNI għandha dritt tingħata faċilitajiet indaqs li xxandar l-opinjoni tagħha, kif għandu il-kamp oppost li ma jridx li Malta toħroġ mill-Unjoni.
Innotajna
Ħlasijiet lill-UE u fondi mill-UE
SPISS nisimgħu b'xi proġett li se jsir bil-fondi ta' l-UE.
Iżda ħadd ma jgħidilna meta se jaslu dawn il-fondi.
Nafu li Malta, bħal kull pajjiż membri ieħor, trid tagħmel ħlasijiet lill-UE.
Iżda ħadd ma jgħarrafna xi ħlasijiet qegħdin isiru lill-Unjoni.
Il-fondi li l-Gvern jirċievi għandhom jissemmew fl-Estimi li jiġu ppreżentati fil-Parlament kull sena.
Il-pubbliku Malti ma jafx x'ammonti ta' fondi ġejjin din is-sena mill-Unjoni Ewropea daħlu fl-estimi li l-Gvern ippreżenta fl-aħħar tas-sena l-oħra u li ġew approvati mill-Parlament Malti.
Il-flus li l-Gvern joħroġ kull sena jiġu spjegati fl-Estimi ta' kull sena u jridu jiġu approvati mill-Parlament.
Il-pubbliku Malti mhux mgħarraf x'inhuma l-ammonti ta' flus li Malta se tħallas lill-Unjoni Ewropea din is-sena u li ġew ivvotati mill-Parlament Malti.
Ikun ta' siwi li kieku l-poplu jkun mogħti t-tagħrif korrett ta' kemm kienu l-fondi li rċevejna din is-sena mill-Unjoni Ewropea u kemm huma l-ammonti ta' flus li ħallasna din is-sena lill-Unjoni Ewropea.
B'hekk inkunu nafu kemm morna minn taħt.
L-Allejanza militari ta' l-UE
L-UNJONI Ewropea qiegħda tibni l-armata tagħha.
Waqqfet Aġenzija ħalli taħseb biex il-pajjiżi membri jkollhom l-istess armi u armamenti.
Trid li tfassal politika komuni dwar is-sigurta' tal-pajjiżi membri kollha ta' l-Unjoni.
Issa qiegħda tippjana li jkollha difiża komuni u kull pajjiż membru jkun obbligat li jaqbeż għal pajjiż membru ieħor li jkun attakkat.
Dawn il-ħwejjeġ jagħmlu lill-Unjoni allejanza militari.
Il-Gvern Malti ma jista' jieħu sehem f'ebda allejanza militari.
Hekk tgħid il-Kostituzzjoni ta' Malta.
B'danakollu, il-Gvern Malti, daħħal lil pajjiżna fil-Partnership for Peace, li kienet organizzazzjoni moħbija tan-NATO.
Wara ftiehem biex suldati Maltin jieħdu sehem fl-armata Ewropea ta' l-UE billi jkunu fil-kontinġent tas-suldati Taljani u kkmandati minn uffiċjali Taljani.
Issa l-Unjoni Ewropea qiegħda tippjana li twaqqaf 'battlegroups' ta' madwar 1,500 suldat li jkunu jistgħu jintbagħtu f'kull rokna tad-dinja.
Il-Gvern Malti ma qalx li suldati Maltin mhux se jkunu parti minn dawn il-''battlegroups".
Issa l-Gvern Malti għadu kif ħabbar li Malta se tieħu sehem fid-'Defence Agency' li twaqqfet mill-Unjoni Ewropea.
B'hekk il-Gvern ikkonferma li pajjiżna se jieħu sehem fl-alejanza militari ta' l-Unjoni Ewropea f'kollox.
Lill-poplu Malti l-Gvern għadu ma qallux li uffiċjali militari Maltin se jieħdu sehem regolarment fil-pjani militari ta' l-Unjoni Ewropea.
Lanqas ma għarraf lill-poplu kemm se jiswa lill-pajjiż is-sehem tas-suldati Maltin fl-Armata Ewropea, ta' l-uffiċjali Maltin fl-ippjanar militari ta' l-Unjoni u issa s-sehem ta' Malta fid-'Defence Agency'.
L-UE mdaħħla fil-gwerra
BIN Laden ta lill-Unjoni Ewropea żmien sal-15 ta' lulju biex tiddissassoċja ruħha mill-gwerra li l-Istati Uniti ta' l-Amerika u l-Ingliterra għamlu lill-Iraq u biex is-suldati tal-pajjiżi Ewropej jirtiraw mill-pajjiżi Musulmani, bħal ma huma l-Iraq u l-Afganistan.
Wara din id-data, il-pajjiżi membri ta' l-UE se jkunu l-mira ta' attakki mill-gruppi Musulmani li jappoġġjaw lil Bin Laden.
Malta appoġġat lill-Istati Uniti ta' l-Amerika u lill-Ingliterra fl-aggressjoni kontra l-Iraq.
Tant li kemm il-President Bush, kif ukoll il-Prim Ministru Blair irringrazzjaw lill-Gvern Malti ta' l-appoġġ li tahom.
Fil-Parlament Malti lanqas l-oppożizzjoni ma kkundannat lill-Istati Uniti u lill-Ingliterra għall-aggressjoni kontra l-Iraq.
Bastimenti tal-gwerra taż-żewġ pajjiżi tħallew jidħlu fil-Port tagħna fiż-żmien tal-gwerra, mingħajr l-oppożizzjoni fil-Parlament ma titniffes.
Issa sa wasalna li x''Shadow Minister' Laburista ta' l-Affarijiet Barranin imur jifraħ lill-Amerikani fuq l-Aircraft Carrier John F. Kennedy talli sfidaw il-Kostituzzjoni u n-newtralita' ta' Malta billi qattgħu erbat'ijiem fil-Port tagħna.
F'għajnejn il-Musulmani dan il-fatt ifisser li l-Oppożizzjoni Laburista taqbel mad-dħul tal-bastimenti tal-gwerra fil-Port tagħna, fi żmien tal-gwerra.
L-Unjoni Ewropea meqjusa li daħlet fil-gwerra u Malta msieħba fiha, tinsab issa fl-istess borma tagħli, sakemm il-Parlament Malti ma jurix li ma jaqbilx ma' dan.
Id-drittijiet fondamentali tagħna deċiżi mill-Qorti ta' l-Unjoni Ewropea
Analiżi kritika tal-Kostituzzjoni ta' l-UE
mill-Professur Anthony Coughlan
ta' l-Universita` ta' Dublin
Nru 24
ILLUM, il-Qorti Kostituzzjonali ta' Malta u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill ta' l-Ewropa jiddeċiedu l-kawżi dwar id-drittijiet fondamentali taċ-ċittadini Maltin.
Il-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea tipprovdi li l-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea fil-Lussemburgu jkollha s-setgħa li tiddeċiedi hija dwar id-drittijiet fondamentali fl-oqsma kollha milquta mil-liġijiet ta' l-UE.
F'kull kostituzzjoni ta' pajjiż, id-drittijiet fondamentali tal-bniedem huma l-element bażiku tal-Kostituzzjoni.
Huma jiffurmaw il-qofol tas-sistema tal-liġijiet tal-pajjiż.
Anki l-Unjoni Ewropea u l-Istituzzjonijiet tagħha għandhom jirrispettaw id-drittijiet fondamentali tal-bniedem.
Iżda dan ma jfissirx li l-Unjoni Ewropea għandha jkollha Qorti tal-Ġustizzja differenti mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill ta' l-Ewropa li tinsab fi Strasbourg.
Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea f'Lussemburgu għandha Imħallfin appuntati minn kull pajjiż membru ta' l-Unjoni.
Huma għandhom is-setgħa li jiddeċiedu dwar drittijiet fondamentali tal-bniedem li jmorru ferm 'il bogħod mid-drittijiet fondamentali li huma mniżżla fil-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill ta' l-Ewropa.
Għalhekk hija għandha s-setgħa tiddeċiedi dwar ħwejjeġ li huma barra s-setgħa kemm tal-Qorti Kostituzzjonali ta' Malta kif ukoll tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li hemm fi Strasbourg.
Mhux l-istess drittijiet fondamentali
Il-livell għoli tad-drittijiet fondamentali tal-bniedem li nsibu fil-Kostituzzjonijiet tal-pajjiżi membri ta' l-UE m'għandhomx bżonn ta' Qorti tal-Ġustizzja oħra u aqwa mill-Qorti Kostituzzjonali tal-pajjiżi membri ta' l-UE u mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet Fondamentali tal-Kunsill ta' l-Ewropa.
Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-UE se jkollha s-setgħa timponi 'standard' komuni fil-pajjiżi membri kollha ta' l-Unjoni.
Iżda m'hemmx raġuni biex l-Unjoni jkollha setgħa fuq id-drittijiet fondamentali kif huma mfissra fil-Kostituzzjonijiet tal-pajjiżi membri u kif huma mħarsa mill-Qorti Kostituzzjonali tagħhom u mill-Qorti Ewropea tad-Drittijeit Fondamentali tal-Bniedem.
L-impożizzjoni ta' 'standard' komuni fuq il-pajjiżi membri kollha ta' l-Unjoni fejn jidħlu d-drittijiet fondamentali tal-bniedem fil-liġijiet kollha li l-Unjoni Ewropea tagħmel, ma tagħtix każ tal-fatt li hemm differenzi kbar fil-valuri bejn il-popli tal-pajjiżi membri differenti ta' l-Unjoni.
Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni se timponi ċerta uniformita' kemm fid-drittijiet fondamentali tal-bniedem kif ukoll fuq it-tifsira tagħhom u dik l-uniformita' se timponiha fuq il-Qrati Kostituzzjonali tal-pajjiżi membri ta' l-Unjoni, indipendentament mill-valuri tagħhom.
L-Unjoni Ewropea hija miexja fi-kamp tad-drittijiet fondamentali tal-bniedem bl-istess mod li hija timxi fil-kamp ekonomiku u fil-kamp kummerċjali.
Trid li jkun hemm l-uniformita'.
Din l-istess raġuni ta' uniformita' fil-liġijiet ekonomiċi u kummerċjali ta' l-Unjoni, hija r-raġuni prinċipali li għandha l-Unjoni Ewropea fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem.
Ġurament ta' lealta` li jieħdu l-Membri Parlamentari kollha
Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li nkun tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r- Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. (Hekk Alla jgħini).
Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.
Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment u skond il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skond il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta, mingħajr biża’ jew favur. ( Hekk Alla jgħini).
Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ President.
Jiena ..............................................., solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta’ President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta’ Malta, u li, skond l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. (Hekk Alla jgħini).
Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta
6. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) ta’ l-artikolu 47 u ta’ l-artikolu 66 ta’ din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.
Artiklu I-6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea
Dritt ta' l-Unjoni
Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri.
Tista' tafda lil min jikser il-ĠURAMENT tiegħu/tagħha?
IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA
Il-Ħamis, 15 ta' Lulju, 2004.
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju
Finanzjarju
CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ