MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
Mill-Avukat Karmenu Mifsud Bonnici
Chairman
Kampanja Ħelsien
Nazzjonali CNI
IL-KOSTITUZZJONI TA' L-UNJONI EWROPEA TKASBAR IL-KOSTITUZZJONI TA' MALTA
Jinħtieġilna nipproteġu l-industriji f’pajjiżna
IR-RIŻULTAT ta' l-elezzjoni f'Malta għall-Parlament Ewropew wera li diġa` naqas sew l-appoġġ ta' dawk li approvaw il-ftehim li l-Gvern Nazzjonalista s-sena l-oħra għamel ma' l-Unjoni Ewropea.
Issa li għaddiet l-elezzjoni, jidhirli li d-delegati tal-Partit Laburista għandna nikkonċentraw l-isforzi kollha tagħna ħalli titwettaq bla telf ta' żmien u mingħajr riżervi d-deċiżjoni tal-Konferenza Ġenerali tal-Partit li f'żewġ okkażjonijiet qatgħet li r-rappreżentanti tal-Partit għandhom jaħdmu bla heda biex ikun hemm ftehim ma' l-UE li ma jkunx żvantaġġjuż u ta' ħsara għall-poplu Malti, u speċjalment għall-ħaddiema, bħal dak li għamel il-Gvern Nazzjonalista.
M'hemmx skuża li skond il-prinċipji tad-demokrazija għandna naċċettaw il-ftehim kif magħmul mill-Gvern Nazzjonalista la darba tajjeb jew ħażin il-maġġoranza s-sena l-oħra approvatu.
Fil-fatt is-sena l-oħra lanqas ma kien hemm maġġoranza tal-poplu li vvotat favurih.
Iżda anki kieku kien hemm, la darba l-ftehim huwa ta' ħsara għall-poplu Malti, dmirna huwa li nwarrbu mill-aktar fis il-kaġun ta' din il-ħsara billi nbiddlu l-ftehim.
Jekk irridu aktar xogħol
Jekk ma rridux li jiżdiedu s-sensji, irridu nbiddlu l-kundizzjonijiet tal-ftehim li jwasslu għas-sensji.
Jekk irridu li joktor l-investiment produtttiv, irridu nbiddlu l-kundizzjonijiet tal-ftehim li jostakola l-investiment.
Jekk irridu noħolqu impjiegi, irridu nibdlu l-ftehim li jxekkilna milli nagħtu l-għajnuniet biex jinħolqu l-impjiegi.
Jekk verament irridu niġġieldu l-qgħad, irridu nbiddlu l-kundizzjonijiet tal-ftehim li jikkaġunawlna l-qgħad.
Biex il-"welfare state" ma jiddgħajjifx, irridu nħarsu x-xogħol u l-impjiegi.
Meta nbiddlu l-kundizzjonijiet tal-ftehim ħalli nħarsu x-xogħol u l-impjiegi, inkunu qegħdin insostnu l-"welfare state".
Biex inħarsu l-pensjonijet, irridu nkattru x-xogħol u l-impjiegi, inkella ngħollu l-kontribuzzjonijiet ta' min jaħdem.
Meta nbiddlu l-kundizzjonijiet tal-ftehim ħalli ma jxekkluniex milli nkattru x-xogħol u nżidu l-impjiegi, inkunu f'qagħda li nħarsu l-pensjonijiet.
Għalhekk fl-aħħar Konferenza Ġenerali d-delegati Laburisti fakkru lil dawk li se jirrapreżentaw lill-Partit Laburista fil-Parlament Ewropew li huma għandhom jaħdmu bla heda ħalli jinbidel il-ftehim ta' ħsara li l-Gvern Nazzjonalista għamel.
Din hija l-isfida kbira li d-deputati Laburisti għandhom. L-ewwel li jridu jagħmlu huwa li li jfiehmu lis-Soċjalisti Ewropej il-ħtieġa kbira li jinbidel il-ftehim ħażin magħmul mill-Gvern Nazzjonalista.
Il-Partit Laburista fil-ġimgħat li ġejjin se jkollu sfida oħra mhux żgħira jekk din il-ġimgha l-mexxejja tal-25 pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea jiftehmu dwar il-Kostituzzjon ta' l-Unjoni.
It-Trattat tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea, wara li jkun iffirmat mill-Prim Ministru, ikun jeħtieġlu jitressaq fil-Parlament Malti biex jiġi ratifikat.
Huwa mportanti ħafna li l-Oppożizzjoni Laburista fil-Parlament Malti ma tivvutax favur ir-ratifika tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni, biex ir-ratifika ma ssirx bil-kunsens ta' aktar minn tnejn minn tlieta tal-Membri Parlamentari kollha.
Il-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea għandha klawsoli li jegħlbu prinċipji li għandna fil-Kostituzzjoni ta' Malta li ma jistgħux jinbidlu jekk ma jkunx hemm mill-inqas tnejn minn tlieta tad-deputati kollha li jivvotaw favur it-tibdil tagħhom.
Jekk il-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni tkun approvata fil-Parlament Malti bil-vot ta' tnejn minn tlieta jew aktar tal-Membri Parlament Malti, ikun hemm min isostni li l-"entrenched clauses" tal-Kostituzzjoni tagħna jkunu jintegħlbu mill-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea fejn dawn ma jkunux jaqblu.
Għalhekk jekk l-Oppożizzjoni Laburista ma tħossx li għandha tivvota kontra r-ratifika tat-Trattat tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea, hija m'għandhiex tivvota, biex b'hekk ir-ratifika ma jkollhiex il-kunsens ta' tnejn minn tlieta tal-membri kollha tal-Parlament Malti.
Wara r-riżultat ta' l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew li wera li m'hawnx maġġoranza favur il-ftehim li l-Gvern Nazzjonalista għamel is-sena l-oħra ma' l-UE, in-nuqqas tal-vot ta' l-Oppożizzjoni Laburista favur it-Trattat Kostituzzjonali ta' l-UE, jissiġilla l-fatt li l-"honeymoon" tal-ftehim Nazzjonalista ma' l-Unjoni diġa` spiċċa qabel ma għaddew 14-il xahar mill-iffirmar tiegħu fis-16 ta' April, 2003.
Ġurament ta' lealta` li jieħdu l-Membri Parlamentari kollha
Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li nkun tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r- Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. (Hekk Alla jgħini).
Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.
Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment u skond il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skond il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta, mingħajr biża’ jew favur. ( Hekk Alla jgħini).
Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ President.
Jiena ..............................................., solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta’ President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta’ Malta, u li, skond l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. (Hekk Alla jgħini).
Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta
6. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) ta’ l-artikolu 47 u ta’ l-artikolu 66 ta’ din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.
Artiklu I-6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea
Dritt ta' l-Unjoni
Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri.
Tista' tafda lil min jikser il-ĠURAMENT tiegħu/tagħha?
It-Tlieta, 15 ta' Ġunju, 2004.
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat Lm2 flimkien ma' din il-formola liċ-
Chairman
CNI,
Dr
Karmenu Mifsud Bonnici LL.D.
81,
Triq Ġuże Pace,
Ħamrun.
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ