MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

       

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000

Iridu jqajmu l-Kostituzzjoni ta’ l-UE mill-mewt!

' Skond ir-regolamenti ta’ l-Unjoni Ewropea, il-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni li kienet ġiet imfassla minn Konvenzjoni mmexxija minn Valery Giscard d’Estaing, ma setgħetx tidħol fis-seħħ anki jekk pajjiż wieħed biss ma jirratifikax il-Kostituzzjoni, kemm wara referendum jew sempliċiment b’vot fil-parlament nazzjonali – bħalma sar f’Malta.

Ejja ngħiduha mill-ewwel, kieku l-Unjoni Ewropea verament kienet temmen fid-demokrazija kieku kienet tobbliga lill-gvernijiet nazzjonali tal-pajjiżi membri, li biex jirratifikaw il-Kostituzzjoni, kellhom l-ewwel jistaqsu lill-poplu permezz ta’ referendum.

Inzerta li kemm fi Franza kif ukoll fl-Olanda r-ratifika kienet suġġetta li l-Kostituzzjoni tiġi approvata mill-poplu f’referendum. 

Fiż-żewġ pajjiżi l-popli qalu LE! 

U għalhekk suppost li skond l-istess regolamenti ta’ l-Unjoni Ewropea, il-proċess tar-ratifika kellu jieqaf immedjatament la dik il-Kostituzzjoni ma setgħetx tidħol fis-seħħ. 

Dan però ma seħx taħt skużaa jew oħra, fosthom anki f’Malta.

L-Unjoni Ewropea hawn daħlet fi kriżi x’se tagħmel. 

Għax l-Unjoni Ewropea qatt ma kienet imdorrija li xi pajjiż jgħidilha LE għal xi passi importanti li tkun trid tieħu biex taħkem aktar lill-popli Ewropej! 

B’xi mod jew ieħor tibqa’ ssus u tagħfas lill-gvern fejn il-poplu jkun qalilha LE, biex jara x’se jagħmel biex dak il-LE jinbidel f’IVA, hekk ġara, per eżempju fl-Irlanda dwar it-Trattat ta’ Nizza.

Issa anki dwar il-Kostituzzjoni ta‘ l-Unjoni Ewropea, qegħdin jaraw kif se jduru mal-lewża biex jerggħu jqajmu l-Kostituzzjoni mill-mewt wara li joħorġuha mill-friża! 

Il-Ministri ta’ l-Affarijiet Barranin ta’ l-Unjoni Ewropea se jiltaqa’ fl-Awstralja f’Mejju li ġej biex jaraw kif se jagħmlu biex jinjoraw il-vot demokratiku tal-poplu Franċiż u dak Olandiż. 

U b’hekk ikomplu jikkonvinċuna li d-demokrazija, l-Unjoni Ewropea lanqas taf biss fejn toqgħod, aħseb u ara kemm tipprattikaha!

Fejn huwa s-suq ta’ 450 miljun persuna?

TGĦIDX kemm reddnulna li jekk nissieħbu fl-Unjoni Ewropea se nkunu nistgħu nesportaw ferm aktar għax ikollna suq ta’ 450 miljun ruħ!

Issemmi biss in-numru “450 miljun ruħ” taqta’ nifsek. 

Alla biss jaf kemm bdew joħolmu l-esportaturi f’pajjiżna li lanqas se jkunu jistgħu jlaħħqu ma’ l-ordnijiet, anki jekk jaħdmu lejl u nhar sebgħat ijiem fil-gimgħa!

Mela dan l-aħħar ħarġu l-figuri ta’ l-importazzjoni u esportazzjoni minn u lejn l-Unjoni Ewropea.

 Minn dawn il-figuri jirriżulta li fl-ewwel xahrejn ta’ din is-sena (2006), il-valur ta’ prodotti importati mill-Unjoni Ewropea kien ta’ Lm133 miljun (ħallejna barra l-eluf). 

Din il-figura tammonta għal 63.5 fil-mija ta’ l-importazzjoni kollha.

Iżda fl-istess xahrejn l-esportazzjoni lejn il-pajjiżi kollha ta’ l-Unjoni Ewropea (il-famuż suq ta’ 450 miljun ruħ!) ammontaw għal Lm65 miljun. Jew 49.6 fil-mija ta‘ l-esportazzjoni kollha.

Dan kollu jfisser li xtrajna mill-Unjoni Ewropea Lm67 miljun aktar milli aħna biegħna lill-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea. 

U jfisser ukoll li lill-Unjoni Ewropea begħnielha anqas (49.5%) milli biegħna lill-pajjiżi li m’humiex fl-Unjoni Ewropea!!! 

Mela aktar qegħdin qasba tixxejjer mar-riħ milli konna qabel, Sinjuri Ewroffissati!

Il-ħrieqi, ix-xagħar, ir-roti u l-UE!

LANQAS titwemmen! 

Mela dan l-aħħar il-Ministri tal-Finanzi ta’ l-Unjoni Ewropea (allura anki l-Prim Ministru Malti għax huwa wkoll il-Ministru tal-Finanzi ta’ pajjiżna) kienu ddeċidew li jestendu d-dritt li pajjiż membru seta’ jiċċarġja rata ta’ VAT imnaqqsa fuq ċerti prodotti u servizzi b’ħames snin oħra, sa l-aħħar ta’ Diċembru, 2010.

Fost il-lista l-ġdida ta’ prodotti u servizzi li l-gvernijiet nazzjonali setgħu jagħżlu minnhom biex ibaxxu r-rata tal-VAT fuqhom sa ħamsa fil-mija flok bil-minimu uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea ta’ 15 fil-mija, insibu l-qtugħ tax-xagħar u t-tiswija tar-roti. 

Iżda l-ħrieqi tat-trabi, u li anki jintużaw ġeneralment minn anzjani li jkunu jbatu mill-kundizzjoni ta‘ inkontinenza, tneħħew mil-lista ta’ qabel u ma ssibhomx fil-lista l-ġdida.

Fil-fatt il-Gvern Malti diġà ġie mwissi uffiċjalment biex ma jħallix aktar li l-ħrieqi jinbiegħu b’rata mnaqqsa ta’ VAT, inqas mir-rata minima stabbilita ta’ l-Unjoni Ewropea, jiġifieri 15 fil-mija. 

Jekk il-Prim Ministru Gonzi ma jobdix (aħna ċerti li se jobdi, la dejjem ikun l-ewwel wieħed li normalment jobdi lil Brussels), l-Unjoni Ewropea tieħu lill-Gvern Malti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea.

Mela ghall-Unjoni Ewropea li mara tmur tagħmel xagħarha darba kull ġimgħatejn hija meqjusa li jixirqilha aktar ħniena minn omm ta’ tarbija li tkun trid tbiddel il-harqa tat-tarbija, ħames darbiet kuljum!!!

Jistghu jekk jogħġobhom, Joanna Drake, li hija l-Kap tar-rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, u dawk l-iffissati kollha fl-Unjoni Ewropea, jgħidulna fejn marret toqgħod ir-ruħ soċjali ta’ l-Unjoni Ewropea għax ma nistgħu nsibuha mkien!

Il-“Mars” aktar importanti mill-mediċini!

KEMM-IL darba tkellimna u ktibna dwar it-Taxxa ta’ Reġistrazzjoni fuq il-mediċini li mponiet fuqna l-Unjoni Ewropea. 

Din serviet biex jew tgħolli l-prezz tal-mediċini. 

Jew saħansitra serviet biex sparixxew eluf ta’ tipi ta’ mediċini mill-ispiżeriji!

Huwa kkalkolat li qabel dħalna fl-Unjoni Ewropea kien hawn fl-ispiżeriji madwar 5,000 tip ta‘ mediċina differenti. 

Il-lum, li dħalna fil-ġenna ta’ l-art imsejhħa Unjoni Ewropea, in-numru ta’ mediċini fl-Unjoni Ewropea l-għażla kellha tikber mhix tiċkien. 

Ir-raġuni għal dan hi waħda! Dik il-misħuta Taxxa ta’ Reġistrazzjoni!

Il-viltà hi li dawn il-mediċini jkunu diġà gew irreġistrati f’pajjiżi oħrajn ta’ l-Unjoni Ewropea. 

U allura x’sens jagħmel li xorta jkollhom jerġgħu jiġu rreġistrati f’pajjiżna? 

Tgħid biex ikomplu jikkonvinċuna kemm l-Unjoni Ewropea għandha ruħ soċjali u tħenn għall-marid?

Fis-snin 70 u 80 tgħidx kemm kienu jħambqu li kien diffiċli biex issib tixtri biċċa ċikkulata Mars.

Id-dritt ta’ l-għażla kienet fuq fomm ħafna nies. 

Qatt smajtu issa l-istess nies jikkundannaw dan in-nuqqas enormi ta’ prodott ferm aktar importanti għal saħħitna minn xi biċċa ċikkulata Mars – il-mediċini?

Il-kliem ta’ Sidna Ġesù Kristu: “Oqbra mbajda” joqgħodilhom perfettament! 

Imma la s-swat ikun gej mill-Unjoni Ewropea allura kollox sew!

Il-Sibt, 15 ta’ April, 2006.

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

  Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ