MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
GĦID LILL-KANDIDAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha
€182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek
Noħorġu llum qabel għada
Il-politiċi
u l-partiti f’Malta jisħqu li la pajjiżna issa daħal fl-Unjoni
Ewropea, m’hemmx x’nagħmlu.
Iżda parti kbira tal-poplu tgħid: Noħorġu llum qabel għada.
Jgħidu li għandna noħorġu llum qabel għada mill-Unjoni,
in-nisa tad-dar li sabu li bis-sħubija fl-Unjoni l-ħajja għoliet
infern.
Jgħidu li għandna noħorġu mill-Unjon llum qabel għada,
il-ħaddiema li bis-sħubija fl-Unjoni tilfu l-impjieg u l-ħaddiema
li qegħdin jitnaqqsulhom il-kundizzjonijiet tax-xogħol.
Jgħidu li għandna noħorġu mill-Unjoni llum qabel għada
s-sidien li minħabba s-sħubija fl-Unjoni kellhom jagħlqu l-impriżi
jew iċekknuhom.
Jgħidu li għandna noħorġu mill-Unjoni llum qabel għada
ż-żgħażagħ li minħabba s-sħubija fl-Unjoni ma
jistgħux jiksbu dar biex jibnu l-familja għax ma jistgħux ilaħħqu
mal-prezzijiet esaġerati tal-proprjetà.
Jgħidu li għandna noħorġu mill-Unjoni Ewropea llum qabel għada, il-pensjonanti li jafu li bis-sħubija fl-Unjoni, l-għoti tal-pensjonijiet se jeħżienu.
Jgħid li għandna noħorġu mill-Unjoni llum qabel għada
l-poplu li jaf li bis-sħubija fl-Unjoni se jitlef is-servizzi soċjali
b’xejn li dera jgawdi.
Jgħidu li għandna noħorġu mill-Unjoni l-Insara Maltin li qegħdin
jaraw li s-sħubija fl-Unjoni qiegħda thedded il-valuri sodi u
d-drawwiet Insara tal-poplu tagħna.
Jgħidu li għandna noħorġu mill-Unjoni Ewropea llum qabel għada
l-veri Malti li jgħożżu l-indipendenza, il-ħelsien,
is-sovranità u n-newtralità ta’ pajjiżna li s-sħubija fl-Unjoni
qerdithom.
Barra mill-Unjoni Ewropea, il-poplu tagħna jkun jista’ jerġa’
jibda jivvota għall-politika li jrid li pajjiżna jitmexxa biha u mhux
ikollu joqgħod għall-politika dettata mill-Unjoni.
Barra mill-Unjoni l-poplu jerġa’ jkollu politiċi li jmexxu, mhux
politiċi li jitmexxew mill-Unjoni.
Barra mill-Unjoni, nerġgħu nħarsu l-ewwel l-interessi nazzjonali
tal-poplu Malti, mhux l-ewwel l-interessi ta’ l-Unjoni Ewropea.
Il-ħaddiema
tat-Tarzna jafu li biex it-Tarzna ma tagħlaqx, pajjiżna jrid joħroġ
mill-Unjoni.
L-impjegati ta’ l-Air Malta jafu li biex l-Air Malta ma tinqeridx, jeħtieġ
li noħorġu mill-Unjoni.
Is-sidien tan-negozji żgħar jafu li biex ma jinbiegħux
mill-barranin, jaqbel li noħorġu mill-Unjoni.
Il-kaċċaturi u n-nassaba jafu li biex isalvaw il-kaċċa u
l-insib, pajjiżna jrid joħroġ mill-Unjoni llum qabel għada.
Bis-sħubija fl-Unjoni, Malta ma tkunx kompetittiva.
Barra mill-Unjoni, Malta terġa’ tieħu r-ruħ.
L-UE
trid teqridilna l-kaċċa u l-insib
Il-kaċċaturi
u n-nassaba, Nazzjonalisti u Laburisti, illum jemmnu li l-Unjoni Ewropea trid
teqred il-kaċċa u l-insib f’pajjiċna.
Huma jafu li biex dan ma jseħħx, pajjiżna jrid jinħall mill-irbit tas-sħubija fl-Unjoni li l-Parlament Malti approva.
Għednih u nerġgħu ntennuh li la qbilna u lanqas qatt m’hu se naqblu, mal-politika u d-direttivi ta’ l-Unjoni dwar il-kaċċa u l-insib f’Malta u Għawdex.
Nemmnu li hemm żewġ fatturi li għandhom jiggwidawna dwar il-kaċċa
f’pajjiżna.
Dawn huma l-konsiderazzjoni tas-sostenibbiltà tal-kaċċa ħalli niżguraw li l-kaċċa ma tispiċċax u l-konsiderazzjoni ta’ l-għixien fis-sigurtà tal-poplu tagħna ħalli dan ma jġarrabx ħsara bil-kaċċa.
Ma naċċettawx li l-UE tiddettalna x’nagħmlu dwar il-kaċċa
skond il-valuri żbaljati u l-atteġġjament ipokrità ta’
l-Unjoni.
Għax l-Unjoni fil-waqt li ma tridx il-kaċċa ta’ l-għasafar f’pajjiżna, trid il-qtil tat-trabi billi tippromwovi l-abort.
Aħna nemmnu wkoll li l-insib ta’ l-għasafar għandu jitħalla
sakemm tibqa’ żgurata s-sostenibilità tiegħu u hu ma jkunx ta’
inkonvenjent għall-pubbliku.
Ma nifhmux kif l-Unjoni toġġezzjona għal-qbid ta’ l-għasafar li jinżammu maqfulin f’gaġġa, meta l-Unjoni tapprova li l-annimali tal-ġungla jinżammu maqfulin fiz-“zoos” fil-pajjiżi kollha mseħbin fl-Unjoni.
Aħna nsostnu li n-nassaba jitħallew igawdu d-delizzju paċifiku
tagħhom b’rispett għall-prinċipji msemmijin tas-sostenibbiltà
ta’ l-għasafar ta’ l-insib u tal-konvenjenza tal-pubbliku.
Insostnu wkoll li l-kaċċaturi għandhom jitħallew igawdu d-delizzju tagħhom b’rispett għall-istess prinċipji ta‘ sostenibbiltà ta’ l-għasafar tal-kaċċa u tal-ħarsien tal-pubbliku.
F’dan ir-rigward aħna nsostnu li nallokaw lill-kaċċaturi artijiet għall-kaċċa bħal ma l-Gvern allokalhom fis-sena 1986 l-Aħrax tal-Mellieħa u l-Mizieb, barra xi artijiet oħrajn li kienu magħżulin għal dak l-iskop.
Lill-kaċċaturi u nassaba ngħidulhom jipprotestaw paċifikament
bil-qawwa kollha, iżda jieħdu sehem ukoll fil-kampanja ħalli
l-poplu tagħna jerġa’ jikseb l-indipendenza u l-ħelsien u
b’hekk niddeċiedu aħna kif inħarsu l-kaċċa u l-insib
f’pajjiżna.
L-UE
qiegħda taqa’ lura
Fi Franza, fil-Ġermanja
u fl-Italja ħafna jikkritikaw id-dħul ta’ l-Ewro u jqisuh li għamel
ħsara lill-industrija u l-ekonomija tal-pajjiż.
F’pajjiżna
l-propagandisti ta’ l-Unjoni Ewropea jtambru li d-dħul ta’ l-Ewro se
jkun ta’ ġid għall-industrija u l-ekonomija.
Fl-Ingilterra, fid-Danimarka u fl-Isvezja, il-poplu ma daħħalx l-Ewro
u fit-tliet pajjiżi l-qagħda ekonomika u l-qagħda tal-kummerċ
jinsabu aħjar minn ta’ dawk il-pajjiżi l-oħrajn ta’ l-Unjoni
li daħħlu l-Ewro.
Iżda
f’Malta ħadd mill-politiċi, mill-industrijalisti u min-negozjanti ma
jistaqsi jekk l-Ingliżi, id-Daniżi u l-Isvediżi sejrin aħjar
mingħajr l-Ewro, għax aħna l-Maltin nippretendu li mmorru aħjar
bid-dħul ta’ l-Ewro?
Ħadd f’Malta mill-ekonomisti li jippretenduha ma jfisser lill-poplu għax
ir-rata tat-tkabbir ta’ l-ekonomija fl-UE hija inqas mir-rata tat-tkabbir
ta’ l-ekonomija ta’ ħafna pajjiżi li m’humiex fl-UE.
Minħabba f’hekk l-ekonomija ta’ l-Unjoni qiegħda tmur lura meta mqabbla ma’ dik ta’ ħafna pajjiżi.
Ir-rata kajmana tat-tkabbir ekonomiku fl-UE qiegħed jinkwieta lil ħafna.
Dan l-aħħar saħansitra l-Assoċjazzjoni tal-Kmamar tal-Kummerċ u ta’ l-Industrija ta’ l-Ewropa ħarġet rapport li qabbel l-ekonomija ta’ l-Unjoni ma‘ dik ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika.
Ir-rapport juri li fl-aħħar sentejn, id-differenza bejn l-ekonomija ta’ l-Unjoni Ewropea u dik ta’ l-Istati Uniti kompliet tikber.
Ir-rapport ta’ l-Assoċjazzjoni tal-Kmamar tal-Kummerċ u ta’
l-Industrija Ewropej jagħti għadd ta’ fatti li juru li l-Unjoni mhux
se jirnexxilha tilħaq l-għanijiet tagħha ta’ Lisbona li tkun
daqs l-Istati Uniti ta’ l-Amerika fil-qasam ekonomiku.
Ir-rapport jgħid li l-medja tad-dħul (income) ta’ persuna fl-UE llum huwa dak tal-medja li persuna fl-Istati Uniti kienet iddaħħal 22 sena ilu, u fl-aħħar sentejn id-differenza żdiedet bi tliet snin.
Ir-rapport jgħid ukoll li r-rata ta’ nies li jaħdmu fl-Unjoni hija
llum daqs dik li kienet fl-Istati Uniti 29 sena ilu, u fl-aħħar
sentejn id-differenza żdiedet bi tliet snin.
Fl-Unjoni l-persentaġġ ta’ l-infieq fuq “Research and
Development” għal kull persuna llum huwa dak li kien 29 sena ilu
fl-Istati Uniti, u fl-aħħar sentejn id-differenza kibret b’ħames
snin.
Il-medja tal-produttività ta’ impjegat fl-Unjoni llum hija dik ta’ impjegat
ta’ 18-il sena ilu fl-Istati Uniti, u fl-aħħar sentejn id-differenza
żdiedet bi tliet snin.
Fid-dawl ta’ dan ir-rapport, Pierre Simon, President ta’ l-Assoċjazzjoni
tal-Kmamar tal-Kummerċ u ta’ l-Industrija ta’ l-Ewropa stqarr li għalkemm
l-ekonomija ta’ l-Unjoni Ewropea qiegħda tikber, xorta waħda l-qagħda
ekonomika u industrijali fl-Unjoni hija allarmanti.
Dan għax, flimkien ma’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika hemm pajjiżi oħrajn, bħan-Norveġja, iċ-Ċina, l-Indja, l-Indja u l-Brażil, li qegħdin ikollhom fl-ekonomija u fl-industrija tagħhom tkabbir ħafna iktar minn dak ta’ l-UE.
Tajjeb li nfakkru li fis-snin imgħoddija, ir-rata ta’ tkabbir ta’
l-ekonomija u l-industrija Maltija, meta konna barra l-UE, kienet akbar minn dik
ta’ l-UE, u bil-bosta ħafna ikbar mir-rata tat-tkabbir tal-lum, li aħna
fl-Unjoni.
Ma
jafux meta jitlesta!

Għalkemm
il-Prim Ministru Gonzi u l-Ministru Gatt kemm-il darba qalu li l-proġett
tal-bini ta’ SmartCity fir-Rikażli se jseħħ għax Malta
ssieħbet fl-Unjoni Ewropea, dan mhux minnu.
Il-kumpanija Għarbija, Telcom Investments, ġiet Malta għax il-Gvern Malti ftiehem li jgħaddilha art ta’ madwar 360,000 metru kwadru għal medda twila ta’ snin, u mill-iżvilupp ta’ bini u fabbriki li se tagħmel fuqha, se ddaħħal bil-bosta ħafna iktar milli se toħroġ.
Dan in-negozju vantaġġjuż xorta waħda kien isir kieku pajjiżna ma daħalx fl-Unjoni.
Fi programm tagħna fuq Smash TV konna staqsejna għadd ta’
mistoqsijiet lill-Ministru Austin Gatt dwar il-proġett ta’ SmartCity, u
l-Ministru baqa’ qatt ma wieġeb għall-ebda waħda minnhom.
Fosthom staqsejnih jgħid jekk il-kumpanija Telcom Investments ma kinetx tagħmel
investimenti f’pajjiżna, kieku pajjiżna ma kienx imsieħeb
fl-UE, meta hija akkwistat ukoll il-maġġoranza ta’ l-isħma
tal-kumpanija Maltacom tal-poplu Malti.
La darba l-Ministru Gatt ma weġibx il-mistoqsijiet li għamilnielu, għandna
raġun intennu li mhu veru xejn li l-kumpanija Telcom Investments ġiet
Malta għax aħna fl-Unjoni Ewropea.
Din il-kumpanija kienet tiġi Malta xorta waħda kieku ma konniex fl-Unjoni, għax fuq il-firxa kbira ta’ art li ngħatat fir-Rikażli, se tibni madwar 400 appartament, vilel lussużi u lukandi, u minn din l-ispekulazzjoni tal-proprjetà se tkun tista‘ tagħmel qliegħ kbir fuq il-Lm110 miljun li se tinvesti.
Nittamaw li kumpaniji barranin ma jibdewx jitolbu li jingħataw meded ta’
art f’pajjiżna biex jibnu vilel, bħala kundizzjoni biex jiġu
jinvestu f’pajjiżna, bħalma għamlet it-Telcom Investments.
Issa għadu kif inkixef fatt ġdid dwar dan il-proġett ta’ SmartCity.
Waqt konferenza stampa li saret fil-5 ta’ Marzu, l-uffiċjal inkarigat mit-tħejjija tal-‘master plan’ tal-proġett tar-Rikażli, Hugh Roberts, qal ħaġa li ma naħsbux li l-Ministru Austin Gatt, li kien bil-qiegħda ħdejh, ħa gost jisma’.
Hugh Roberts ġie rrapportat li qal li minħabba l-iskala kbira ta’
dan il-proġett, mhux magħruf meta jitlesta iżda fil-preżent
l-intenzjoni hija li dan il-proġett jieħu 14-il sena biex
jitlesta.
Prosit ħej!
Mela kien kollu diskors fil-vojt meta fi Frar tas-sena l-oħra l-Ministru Gatt ħabbar il-proġett li qal kellu jitlesta sa għaxar snin oħrajn.
Issa għaddiet
sena, tħabbar li se jitlesta f’14-il sena.
U l-uffiċjal inkarigat mill-‘master plan’ tal-proġett qal li mhux magħruf meta jlestuh!
Għaliex dan it-taħwid?
Aħna konna għidna mill-ewwel li l-Ministru Gatt seta’ qiegħed
jgħodd il-flieles qabel ifaqqsu.
Iż-żmien,
għalkemm biss sena waħda, jidher li diġà beda jagħtina raġun.
'
Il-Ħamis, 15 ta’ Marzu, 2007.
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju Finanzjarju CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ