MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

        

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

  NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000

 

Blitz ta’ propaganda bħal qabel ir-referendum!

 

Eżatt bħalma kienu għamlu qabel ir-referendum u l-elezzjoni ġenerali ta' l-2003, l-istess qed jagħmlu dwar id-dħul ta' l-Ewro f'pajjiżna, minkejja li l-Ewro bilfors irridu ndaħħluh f'pajjiżna, irridu jew ma rridux. 

 

M'għandniex għażla!

Kuljum fil-ġurnali kollha, f'magazines, ktejjeb, anki f'dawk li jitqassmu fil-knejjes, blitz sħiħ biex jikkonvinċu lill-Maltin u l-Għawdxin li d-dħul tal-munita ta' l-UE se ġġibilna benefiċċji kbar għax hu "fl-interess tagħna lkoll"! 

 

Saħansitra l-Gvern qiegħed iqassam ktejjeb dwar id-dħul ta' l-Ewro lill-istudenti fl-iskejjel kollha ta' pajjiżna!

 

Lanqas dan mhu kollu għax se jibagħtu 'calculator' lil kull familja!

Rajna r-reklam li ġiebu fil-ktejjeb "Flimkien" li jitqassam fil-parroċċi kollha f'Malta u Ghawdex. 

 

Ir-reklam jgħid hekk: "L-Ewro: il-fatti u l-vantaġġi" (li żvantaġġi, alla jbierek, ma jsemmuhomx.

 

Il-“vantaġġi” li jissemmew huma dawn:

1. "Tista' mill-ewwel tqabbel il-prezzijiet fi ħwienet lokali ma' dawk f'pajjiżi oħrajn."

Kumment tagħna – 

 

Naturalment meta ssiefer f'pajjiżi fejn għandhom l-Ewro. 

 

Ara fl-Ingilterra, l-Isvezja, id-Danimarka, l-Isvizzera u l-bqija tal-pajjiżi tad-dinja, inklużi dawk Ewropej – xi 178 pajjiż ieħor, dan ma tistax tagħmlu. 

 

Jekk nikkalkulaw li wieħed isiefer ġimgħa waħda f'sena, mela "l-benefiċċju" se jkun għal ġimgħa waħda. 

 

Il-51 ġimgħa l-oħra se jkun aktar diffiċli biex tqabbel il-prezzijiet bl-Ewro ma' kif kienu qabel bil-Lira Maltija!

 

2. "Tan-negozju faċli li jqabblu l-ispejjeż meta jkunu qed jagħmlu l-kummerċ"

Kumment tagħna – 

 

L-istess storja. 

 

Isibuha aktar faċli meta jkunu qed jagħmlu l-kummerċ mat-22 pajjiż li se jkunu fiż-żona Ewro fl-2008. 

 

Ma' l-178 pajjiż ieħor l-istorja tibqa' bħal qabel, jekk mhux agħar, minħabba li l-Gvern Malti mhu se jkollu ebda kontroll fuq il-munita, jiġifieri r-rata tal-kambju, eċċ.

3. "Toħloq l-istess kundizzjonijiet għan-negozju fiż-żona Ewro."

Kumment tagħna – 

 

Dejjem nisimgħu kif in-negozju issa hu "globalizzat". 

 

Mela x'jiswa li jkollna l-istess kundizzjonijiet mal-pajjiżi li għandhom l-Ewro, meta mal-bqija tad-dinja kien ikun ferm aħjar li jkollna l-kontroll fuq il-munita tagħna (kif diġà spjegajna) flok li issa mhu se jkollna ebda kontroll? 

 

U dan jista' jaffettwa bi kbir il-kummerċ mal-bqija tad-dinja – speċjalment l-esportazzjoni – minħabba li l-Ewro jista' jkollha valur għoli wisq, kif inhi issa?

4. "Issaħħah il-kunfidenza tal-konsumatur."

Kumment tagħna – 

 

Ma nafux minn fejn ġiebu din il-ħrafa, għax titkellem ma' min titkellem turisti minn pajjiżi li diġà għandhom l-Ewro, kollha jgħidulek li l-Ewro ġabitilhom żieda sewwa fil-prezzijiet! 

 

Allura l-konsumatur Malti se jkun l-eċċezzjoni??

 

L-aħħar kumment

 

• Tgħid għaliex mela l-Inglizi, id-Daniżi u l-Isvediżi ma jridux idaħħlu l-Ewro f'pajjiżhom?

• Tgħid għaliex l-ekonomiji ta' dawn il-pajjiżi marru aħjar mill-pajjiżi li għandhom l-Ewro?

• Tgħid għaliex il-konsulent ekonomiku tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, Juan Manuel Barroso stess, qed ibassar li l-Ewro "tisfaxxa" fi żmien 10 u 20 sena oħra?

• Għaliex politiċi magħrufin Ewropej jammettu li l-munita Ewro kienet aktar deċiżjoni b'għan politiku milli wieħed ekonomiku, għax f'sens ekonomiku hemm żvantaġġi kbar minħabba d-diversità li teżisti fl-ekonomiji tal-pajjiżi membri?

• U kieku hemm dawk il-benefiċċji kollha li qegħdin jissemmew fil-blitz ta' propaganda, għax l-UE imponiet l-Ewro bilfors fuq kull pajjiż ġdid li ssieħeb fl-Unjoni Ewropea? 

 

Jaqaw beżgħu li jkun hemm popli u gvernijiet oħrajn li jagħmlu bħall-Ingliżi, l-Isvediżi u d-Daniżi??

 

Ma jafux kemm tħallsu l-ħaddiema barranin!

 

Id-Deputat Laburista Silvio Parnis staqsa fil-Parlament lill-Ministru "ta' l-imħatri" Austin Gatt, kemm qegħdin jitħallsu l-ħaddiema barranin li nġiebu jaħdmu fit-Tarzna, li l-biċċa l-kbira tagħhom inġiebu mill-Bulgarija.

 

Ir-risposta tal-Ministru Gatt hija waħda li għandha tqajjem reazzjoni qawwija minn dawk li dejjem jitkellmu dwar "trasparenza", drittijiet tal-bniedem u speċjalment tal-ħaddiema.

Ir-risposta tal-Ministru aktar tqajjem mistoqsijiet milli tirrispondi għall-mistoqsija tad-Deputat Silvio Parnis.

 

Per eżempju, jistgħu dawn il-ħaddiema qegħdin jitħallsu paga anqas mill-paga minima li għandna f'pajjiżna?

 

Qegħdin nistaqsu dan għax il-Ministru wieġeb li "ma jafx għax il-Malta Shipyards minkejja li tħaddem lil dawn il-ħaddiema, ma tkunx taf kemm attwalment tħallsu l-ħaddiema barranin. 

 

Dan minħabba li dawn jitħallsu direttament mill-kumpanija li tkun qabbdet il-Malta Shipyards!!!

 

Apparti li din s-sistema tagħti lok għal sfruttament kbir ta' ħaddiema, bilfors nistaqsu wkoll lill-Ministru: 

 

Allura la l-Malta Shipyards ma jafux kemm qegħdin jitħallsu, mela lanqas il-Gvern ma jaf. 

 

U la l-Gvern ma jafx, lanqas id-Dipartiment tat-Taxxi Interni ma jaf, mhux hekk?

Nistaqsu wkoll: 

 

allura kienet deċiżjoni għaqlija li flok ħaddiema Maltin li kienu jħallsu t-taxxa tad-dħul u l-bolla nġibu jaħdmu ħaddiema barranin li m'huma jħallsu xejn, waqt li l-ħaddiema Maltin saru piż fuq l-ispiża soċjali ta' pajjiżna?

 

Jaqaw b'dawn il-ħniżrijiet tridu li Malta ssir "kompetittiva" Sur Gatt?

 

“Bid-dħul ta’ Malta fl-UE morna aħjar”?

 

Riżultat: 77.7% le – 22.3% iva!

 

Din ta' hawn fuq kienet il-mistqosija tat-televoting waqt il-programm "B'kull dritt", immexxi mis-Sur George Tabone, fuq Smash TV nhar l-Erbgħa, 29 ta' Novembru.

Jiddiskutu dan is-suġġett kien hemm rappreżentant tal-Partit Laburista, ieħor tal-PN flimkien ma' rappreżentanti mis-CNI u l-ANR.

Ir-riżultat, kif qegħdin taraw hawn fuq, kien wieħed li żgur faqa' l-bużżieqa li nefħet Joanna Drake meta dan l-aħħar qalet li issa "l-poplu qiegħed iħossu komdu" fl-UE! 

 

Ma nafux kemm qiegħda tħossha komda Joanna Drake illum wara li l-bieraħ tħabbar ir-riżultat tat-televoting waqt il-programm "B'kull dritt"!

Dan ir-riżultat għandu għax iqawwi l-qlub u d-determinazzjoni ta' l-eluf kbar ta' Maltin u Għawdxin li jemmnu bħalna, li l-aħjar triq għal pajjiżna hija li nerġgħu niksbu lura l-indipendenza u s-sovranità ta' pajjiżna.

 

Ġimgħatejn ilu f'din il-paġna semmejna diversi partiti fl-Ewropa li huma kritiċi ħafna dwar l-UE. 

 

U hemm minnhom min irid li pajjiżu jerġa' joħroġ mill-UE jekk l-UE mhux se terġa' lura lejn kif bdiet – għaqda ta' pajjiżi li jikkoperaw ma' xulxin fil-qasam ekonomiku u kummerċjali.

F'Malta wkoll jidher li minkejja l-propaganda favur l-UE li għadha għaddejja kuljum, dan mhux qiegħed ikollu l-effett li jridu l-appostli jew qaddejja ta' l-UE f'pajjiżna. 

 

Anzi x'aktarx li qed jiġri l-kontra!

 

Innutajna

 

Li l-Unjoni Ewropea ma qalet xejn dwar li l-Prim Ministru Ungeriż ammetta li kien gideb lill-poplu Ungeriż biex rebaħ l-elezzjoni f'Marzu li għadda. 

 

Iżda fl-Ukrajna u l-Belarus, per eżempju, tgħidx kemm indaħlet biex jinbidel il-gvern u biex ikun hemm gvern li lest li jservi l-interessi ta' l-UE!

 

Il-Ħamis, 14 ta’ Diċembru, 2006.

<< Lura << 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ