MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA

L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha

€182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

minn Karmenu Mifsud Bonnici KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

L-iżvantaġġ tal-munita ewro

 

Mhux minnu li ma nistgħux noħorġu mill-Unjoni Ewropea.

Araw dan il-video tal-Parlament Ewropew kif nistgħu noħorġu

 Video Parlament Ewropew

 

Il-munita ewro spiċċat salib kbir għal ħafna pajjiżi ta’ l-UE.

 

Dan għax dawn il-pajjiżi kellhom joħorġu €110 biljun biex isalvaw lill-Greċja u kellhom iwaqqfu fond ta’ €740 biljun biex jgħinu lill-pajjiżi b’diffikultajiet finanzjarji.


Li kieku ma kienx hemm l-ewro, ma kienx ikun hemm il-ħtieġa ta’ self ta’ €110 biljun u lanqas tal-garanzija ta’ €740 bil­jun.

 

Kieku dan l-ammont ta’ flus seta’ ġie investit f’inizjattivi produttivi li jkattru l-ġid, barra li joħolqu miljuni ta’ impjiegi.


Kieku ma kienx hemm l-ewro, pajjiżi falluti kienu jsolvu l-kriżi finanzjarja tagħhom billi jiżvalutaw il-muniti nazzjonali tagħhom, u b’hekk, jerġgħu jiġu fuq saqajhom.

 

Minħabba l-ewro, ma jistgħux jieħdu r-ruħ, u magħhom salbu lill-pajjiżi l-oħrajn, li bħal Malta, kellhom jisselfu miljuni ta’ ewro biex jgħinu lill-pajjiżi oħrajn falluti.


Il-pajjiżi ta’ l-UE li bħal Malta għandhom id-dejn, komplew kabbru d-dejn meta aċċettaw li jagħtu s-sehem tagħhom.

 

X’uħud mill-pajjiżi ta' l-UE li qegħdin fi kriżi finanzjarja, bħal Spanja u l-Irlanda, issellfu ammonti kbar għax sabu rati ta’ imgħax fuq is-self, wara li daħħlu l-ewro, aktar baxxi mir-rati li bihom kienu jissellfu meta kellhom il-muniti nazzjonali tagħhom.

 

Bħala konsegwenza ta’ dan, huma ssellfu ħafna iżjed milli kien imisshom jagħmlu, u llum jinsabu fi gwaj finanzjarju kbir, minħabba l-ewro.

 

F’Malta, id-dħul ta' l-ewro għolla l-ħajja u żied l-ispejjeż tal-produzzjoni u tas-servizzi, u dan kien fattur li ġab nuqqas fl-esportazzjoni u laqat ħażin l-industrija turistika.

 

Bħala konsegwanza ta’ dan kellna telfien ta’ ħafna impiegi u żdied il-qgħad u tbaxxa l-livell tal-għajxien ta’ ħafna familji.

 

Għalhekk l-ewro mhux talli ma swiet xejn ta’ ġid għal pajjiżna, iżda saħansitra swiet ta’ deni u minħabba fiha pajjiżna qiegħed ikollu jissellef u jiddejjen aktar.

Il-kritika kontra l-ewro hi mifruxa ħafna.

 

Pree Steinbrick, li kien Ministru tal-Finanzi tal-Ġermanja, fil-ktieb “The Bottom Line”, li ħareġ il-ġimgħa l-oħra, wasal biex isejjaħ l-ewro “the lame duck” tal-Ewropa.

 

Hu qal li l-ewro kienet waħda mill-konċessjonijiet li l-Ġermanja kellha tagħmel lil Franza biex din ma tkunx ta’ oppożizzjoni għall-għaqda taż-żewġ Ġermanji.

 

Franza riedet li l-Ġermanja magħquda ċċedi l-munita li kienet l-aktar b’saħħitha, id-Deutschmark, u ddaħħal il-munita komuni għall-UE, l-ewro.

 

Kohl, li kien il-Kanċillier tal-Ġermanja tal-Punent, intebaħ li biex tingħaqad il-Ġermanja kellu jissagrifika d-Deutschmark fl-interessi ta' l-Unjoni Ewropea.

 

Dak li qal Steinbrick juri li t-twaqqif mgħaġġel ta' l-ewro kien att politku u kontra kull parir tekniku li kien isostni li la darba la kien għad hemm unjoni politika u lanqas ma kien hemm fir-realtà “mobility of labour” bejn il-pajjiżi ta’ l-UE minħabba prinċipalment id-differenzi tal-lingwa, ma kienx għaqli li jkun hemm munita komuni.


Illum kulħadd jaf bid-diffikultajiet tekniċi li l-munita komuni ħolqot għal ħafna mill-pajjiżi ta’ l-UE, u li dawn ma jistgħux jissolvew f’qasir żmien għax l-ewro hi mażżra m’għonqhom li ma tippermettix li jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex jerġgħu jqajmu l-ekonomiji tagħhom, mingħajr miżuri kiefra ta’ awsterità fuq il-poplu.


Min-naħa tal-mexxejja ta’ l-UE qegħdin jittieħdu passi biex jisfruttaw il-kriżi li ġabet l-ewro ħalli l-UE ssir Unjoni politika waħda.


Il-ġurnal Ġermaniż Handelsblat, il-ġimgħa l-oħra, kiteb hekk:

“So the European Union has now finally opened the door to economic union. Europeans will soon start to wonder how much national sovereignty they will be left with”.


Hekk iridu l-mexxejja ta’ l-UE, li l-pajjiż membri ma jkunux pajjiżi sovrani, għax l-UE se tindaħal kmieni fit-tfassil tal-baġits tagħhom, mingħajr mal-Ministri tal-Finanzi rispettivi jkollhom is-setgħa li jiddeċiedu huma xi jkun il-baġit.


Din il-mixja lejn unjoni politka u ekonomika tal-pajjiżi membri ta’ l-UE qiegħda sseħħ mingħajr ma l-popli jingħataw l-opportunità jagħtu l-approvazzjoni tagħhom għaliha.

 

Għalhekk qiegħed jikber id-“Democratic Deficit” ta’ l-UE.

 

Għalhekk ukoll qegħdin isiru l-protesti u l-irvellijiet kontra l-miżuri mħabbrin fil-baġits, kif wieħed seta’ jara mill-protesta kbira li saret fi Brussels il-ġimgħa l-oħra, bl-għajta ta’

“No to Austerity”

 

Politika żbaljata tal-UE dwar l-immigrazzjoni illegali

 

Il-politiċi Maltin aċċettaw il-politika ta’ l-UE dwar l-immigrazzjoni illegali minkejja li kienu jafu li hi ta’ ħsara għal pajjiżna.

 

Meta kienu għaddejjin in-negozjati dwar is-sħubija ta’ Malta fl-UE, din sostniet li jekk ir-rappreżentanti Maltin ma jaċċettax ir-regoli kollha ta’ l-UE dwar l-immigranti illegali l-UE ma taċċettax li Malta tissieħeb.

 

Ir-rappreżentanti Maltin ċedew li ssir ħsara lil pajjiżna.

 

Illum il-poplu Malti qiegħed ibati l-konsegwenzi ta’ dik id-deċiżjoni ħażina.


L-ewwel nuqqas tal-politika ta’ l-UE dwar l-immigrazzjoni illegali hi li din bdiet tapplika għall-immigranti illegali r-regolamenti li kienu saru fil-Konvenzjoni dwar ir-refuġjati, biex refuġjati jingħataw ażil.

 

Huma refuġjati dawk li jkollhom jitilqu minn pajjiżhom jew minħabba gwerer, jew minħabba persekuzzjoni politika.


Il-konvenzjoni internazzjonali tagħraf li dawn il-persuni għandhom jingħataw ażil bħala refuġjati.

 

Malta ffirmat fl-1970 din il-Konvenzjoni, iżda xorta waħda ma aċċettatx l-obbligu li żżomm joqogħdu hawn refuġjati, u dan minħabba ċ-ċirkostanzi taċ-ċokon tal-pajjiż u tal-kobor tal-popolazzjoni.

 

L-UE saħqet li Malta ċċedi dawn ir-riservi li għamlet fil-1970 għall-Konvenzjoni dwar ir-Refuġjati.

 

Mhux biss.

 

Iżda l-UE rabtet ukoll lil Malta li tħares ir-regolamenti ta’ l-UE dwar il-protezzjoni umanitarja li tingħata lill-immigranti illegali.

 

L-immigranti illegali huma dawk li jħallu pajjiżhom għar-raġunijiet ekonomiċi, l-aktar biex isibu xogħol.

 

Meta l-UE għamlet li l-pajjiżi membri għandhom jagħtu protezzjoni umanitarja lill-immigranti illegali, hi inkoraġġiet lil mijiet ta’ eluf li jħallu l-pajjiż tagħhom biex imorru jsibu xogħol fil-pajjiżi ta’ l-UE.

 

Għalhekk l-UE qanqlet l-invażjoni ta’ immigranti illegali bir-regolamenti u l-politka tagħha.

 

Ir-raġunar ta’ l-UE dwar l-immigranti illegali hu mħawwad.

 

L-UE tgħid li l-pajjiżi ta' l-Afrika ta’ Fuq ma għandhomx iħallu immigranti illegali jitilqu minn dawk il-paj­jiżi għall-pajjiżi ta’ l-UE.

 

Fl-istess ħin l-UE tgħid li l-pajjiżi ta’ l-UE m’għandhomx jibagħtu lura lejn il-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq minn fejn l-immigranti illegali jkunu telqu.


Jekk l-immigranti illegali m’għandhomx jintbagħtu lura f’dawk il-pajjiżi minħabba l-qagħda ħażina tal-pajjiżi minn fejn ġew, mhux l-istess qagħda ħażina jkunu l-immigranti illegali li l-UE ma tridx li jitħallew jitilqu minn dawk il-pajjiżi?


L-UE għandha regolament assurd ieħor li jgħid li immigrant illegali li daħal f’pajjiżi tal-UE m’għandux jitħalla jmur f’pajjiż ieħor ta’ l-UE, anke jekk l-immigrant ma jridx li jmur fl-ewwel pajjiż u dejjem ried imur f’xi pajjiż ieħor ta’ l-UE.

 

B’dan ir-regolament l-UE qiegħda tikkundanna lill-immigrant illegali joqgħod ikkalzrat f’pajjiż li ma jridx joqgħod fih, u qiegħda timponi lill-pajjiż iżomm għandu immigrant li l-pajjiż ma jridux jibqa’ għandu.


Bla sens hi wkoll in-nefqa ta’ miljuni kbar ta’ ewro min-naħa ta’ l-UE fuq l-immigrazzjoni illegali.

 

L-UE tagħmel spiża biex tmantni l-Aġenzija Frontex li għandha l-għan li tħares il-fruntieri ta’ l-UE.

 

Iżda mbagħad l-UE tagħti wkoll fondi kbar lill-pajjiżi membri biex iżommu joqogħdu għandhom l-immigranti li jirnexxilhom jidħlu illegalment.


Issa l-UE tidher li lesta tħallas il-biljuni biex il-Libja ma tħallix immigranti illegali jitilqu minn hemm għall-UE.

 

L-UE qiegħda tinsa li dawn l-immigranti jistgħu jkunu intitolati għal protezzjoni umanitarja.

 

Ma tridhomx fil-pajjiżi ta’ l-UE u lesta tħallas biex ma jmorrux f’dawn il-pajjiżi.

 

Allura għaliex l-UE mhix lesta li tgħid li mhux se tilqa’ aktar immigranti illegali, u jekk trid dan, l-immigranti ma jipprovawx imorru fl-UE la darba jkunu jafu li l-UE se tibgħathom lura?

 

U l-fondi li l-UE għandha għall-immigrazzjoni tgħaddihom lill-pajjiżi minn fejn l-immigranti jitilqu, biex il-fondi jintużaw biex jinħoloq xogħol għan-nies ta’ dawk il-pajjiżi?

 

Ħafna kritiċi tal-politika ta’ l-UE dwar l-immigrazzjoni illegali jsostnu li wara kollox l-UE trid li jidħlu immigranti fil-pajjiżi tal-UE li għandhom bżonnhom għat-tkabbir ta' l-ekonomija.

 

L-UE ma tagħtix każ li xi pajjiżi, bħal Malta, ma jistgħux jaċċettaw refuġjati u immigranti, għax għandhom poplazzjoni kbira għaċ-ċirkostanzi tal-pajjiżi.


Għalhekkk l-UE ma tħallix lil Malta tħalli l-immigranti illegali jmorru fil-pajjiżi l-oħrajn ta’ l-UE fejn iridu jmorru.

 

Ma jimpurtahiex li Malta ma tiflaħx iġġor il-piż ta’ eluf ta’ immigranti illegali, meta lanqas setgħet iżżomm lill-eluf ta’ uliedha stess milli jfittxu xogħol f’pajjiżi oħrajn.

 

Bi sħubija fl-Unjoni Ewropea tlifna l-Indipendenza ta’ pajjiżna

 

Fl-attivitaijiet ta’ Jum l-Indipendena, il-kelliema nqdew bl-okkażżjoni biex iqarrqu lill-poplu dwar x’kiseb bis-sħubija ta’ pajjiżna fl-UE.

 

Donnu ħassew il-ħtieġa li jnessu lill-poplu li pajjiżna tilef l-Indipendenza tiegħu meta għadda lill-UE s-setgħa f’ħafna oqsma importanti tal-ħajja.


Il-kelliema fl-attivitaijiet tal-Indipendenza żgur li riedu jnessu lill-poplu li saħansitra l-baġit mhux deċiż mill-Parlament Malti, imma jrid ikun hemm l-approvazzjoni tal-UE qabel ma titressaq quddiem il-Parlament Malti.


Minflok jipprovaw jiġġustifikaw lill-poplu t-telfien ta' l-Indipendenza tal-pajjiż biex ikollhom l-opportunità li joqogħdu madwar l-istess mejda mal-Ministru u l-mexxejja tal-pajjiżi l-oħrajn ta’ l-UE, il-Prim Ministru, il-Ministri u l-kelliema l-oħrajn pprofanaw il-kisba tal-Indipendena bil-ħrafa li l-pajjiż iggwadanja ħafna bis-sħubija fl-UE.


Iżda huma ma fissrux lill-poplu kemm hu l-ammont ta’ miljuni ta’ ewro li pajjiżna jkollu jħallas lill-UE (din is-sena €66.5 miljun), u lanqas l-ammont akbar ta’ flus li l-pajjiż ikollu jonfoq kull sena fi spejjeż minħabba s-sħubija.

 

Meta jingħaddu flimkien il-ħlasijiet magħmulin lill-UE u l-ispejjeż minfuqin minħabba s-sħubija kull sena, jinstab li jgħaddu bil-bosta l-ammont ta’ fondi li pajjiżna jirċievi mingħand l-UE.

 

Ma jridux li dan il-fatt ikun magħruf mill-poplu u għalhekk qatt ma aċ­ċettaw l-isfida magħmula diversi drabi, biex isir “cost-benefit analysis” tas-sħubija ta’ Malta fl-UE.

 

“Cost-benefit analysis” tas-sħubija ta’ Malta fl-UE jikxef il-gideb li pajjiżna ggwadanja bis-sħubija.


Fl-attivitajiet ta’ Jum l-Indipendenza l-Prim Ministru qal li l-poplu rnexxielu jirbaħ id-diffikultajiet tal-kriżi ekono­mika għax laħaq il-miri tiegħu li jkun membru ta’ l-UE u rnexxa wkoll għax daħal fiż-Żona Ewro.


Iżda l-fatti huma bil-maqlub ta’ dak li qal il-Prim Ministru, għax il-politika u r-regoli tal-UE żammew lill-pajjiż lura fl-esportazzjoni u anke fl-impjiegi, u fit-turiżmu minħabba l-għoli tal-prezzijiet.


L-ewro ma kinitx ta’ għajnuna lill-ekonomija tal-pajjiż u spiċċajna li minħabba l-ewro, il-pajjiż kellu jissellef il-miljuni kbar biex jislifhom lill-Greċja u biex jikkontribwixxi fil-fond li twaqqaf mill-UE biex jgħin lill-pajjiżi tal-ewro li jkunu f’diffikultajiet finanzjarji kbar.

Il-Viċi-Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin ftaħar li bis-sħubija fl-UE, Malta kabbret ir-rowl internazzjonali tagħha.

 

Iżda fil-fatt seħħ bil-maqlub għax leħen Malta ntilef fost is-27 pajjiż ta’ l-UE u Malta ma baqgħalhiex politika barranija tagħha, iżda timxi skont il-politika barranija komuni deċiża mill-UE.

 

Il-Viċi-Prim Ministru ftaħar ukoll li Malta saret interlokutur ewlieni bejn diversi pajjiżi.

 

Ma qalx li ftit taż-żmien ilu Malta lanqas setgħet tibgħat liċ-ċittadini Maltin il-Libja għax il-pajjiżi ta’ l-UE fiż-Żona Schengen ibbojkottjaw liċ-ċittadini Libjani.

 

Hu qal ukoll li r-relazzjonijiet bilaterali ta’ Malta maċ-Ċina u d-dinja Għarbija ssaħħew ħafna bis-sħubija fl-UE.

 

Mentri fil-fatt ġara li r-relazzjonijiet kemm maċ-Ċina kif ukoll mad-dinja Għarbija u partikolarment mal-Libja marru lura kemm Malta ilha li abbandunat l-politika ta’ newtralità u non-allinjament biex timxi fuq il-politka barranija komuni ta’ l-UE.


L-aktar li għaxqitha kienet il-Ministru Debono li żgarret tgħid li s-sħubija fl-UE qiegħda tippermetti lill-poplu Malti jgħix il-livell ta’ għajxien li jgawdi llum.

 

Insiet il-Ministru li minħabba l-għoli tal-ħajja u ż-żieda fl-ispejjeż dovuti għall-politika ta’ l-UE ħafna familji Maltin u Għawdxin raw il-livell tal-għajxien tagħhom jitbaxxa l-aktar il-familji tal-eluf ta’ ħaddiema li tilfu l-impjieg jew li l-kundizzjonijiet tal-impjieg tagħ­hom jitbaxxew.


Żgur li mhux f’waqtu li wieħed jitkellem dwar is-sħubija fl-UE meta wieħed ikun qiegħed ifakkar il-kisba tal-Indipendenza għax bis-sħubija hi l-Indipendenza tal-pajjiż li l-aktar intilfet.

 

Il-Ħamis 14 ta’ Ottubru 2010

 

 

Fittex li tiffirma l-petizzjoni popolari lill-Parlament Malti biex jgħaddi miżuri li jrażżnu l-immigrazzjoni illegali f’pajjiżna.

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

<< Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ