MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAHDMU BIEX NEHILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIZMU U L-HAKMA ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

Mill-Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI

 

L-Unjoni Ewropea maħkuma mill-biża’

 

Il-biża’ tat-terrorizmu ħakem ħafna pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea, u ħafna mill-ibliet ewlenin jidhru qishom fi stat ta’ gwerra bil-pulizija u s-suldati armati sa snienhom lesti biex jisparaw lejn kull min jidher suspettuż.

Kontrolli li kienu tneħħew fil-fruntieri u fid-dwana b’riżultat tal-ftehim tal-moviment ħieles bejn il-pajjiżi ta’ l-Unjoni, issa reġgħu qegħdin isiru saħansitra anke iktar iebsa minn dawk ta’ qabel il-mewġa ta’ l-attakki terroristiċi.

Il-bliet ewlenin ta’ l-Unjoni saru qishom kamp ta’ battalja, b’kull ftit tal-ħin jinstemgħu sireni tal-karozzi tal-forzi tas-sigurtà jiġru minn naha għall-oħra, u minn mument għall-ieħor tistenna li tisma’ xi splużjoni tfaqqa’.

L-Unjoni Ewropea, li tiftaħar li twaqqfet bil-għan ewlieni, fost oħrajn, biex toħloq kontinent wieħed ta’ sigurtà, paċi u sliem, qiegħda ftit ftit tara l-għan jitbiegħed.

Hija qiegħda jkollha tarma ruħha iktar minn qabel biex teħodha kontra għadu iktar perikoluż mill-għedewwa minn barra ta’ qabel, għax jinsab fiha, moħbi u mhux magħruf.

Xi pajjiżi ta’ l-Unjoni (fosthom l-Ingilterra u l-Italja), waslu biex iħassru jew almenu jissospendu għal xi żmien, liġijiet li għamlu biex jitħarsu d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, biex il-gvernijiet ikunu jistgħu jeħduha bla xkiel kontra kull min jissuspettawh.

 

Insew dawn il-pajjiżi ta’ l-Unjoni li fil-waqt li qegħdin iħassru jew jissospendu l-liġijiet tad-drittijiet tal-bniedem, qegħdin japprovaw jew jirratifikaw il-Kostituzzjoni Ewropea li fit-tieni parti tagħha, fiha ċ-Charter tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem.

Jekk l-Unjoni Ewropea ma tridx tkompli tgħix fil-biża’ (u aħna f’Malta magħha, issa li sseħibna fiha), jeħtieġilha tifhem li trid tibdel il-politika tagħha u minflok timmilitarizza ruħha iktar, tiddikjara li se żżarma l-armamenti tagħha u tfittex biss il-mezzi tad-djalogu u tal-ftehim bejn il-ġnus.

 

L-Unjoni jeħtiġilha tqatta’ l-Kostituzzjoni għall-Ewropa li fasslet, u tagħmel oħra li tibda biex tgħid li l-Unjoni twaqqfet biex taħdem attivament għall-paċi u s-sliem fost il-ġnus, u biex tkattar l-iżvilupp soċjali u ekonomiku tagħhom permezz ta’ koperazzjoni fejjieda li tħalli lil kull pajjiż jitmexxa demokratikament skond ir-rieda tal-poplu tiegħu.

Biex teħles mit-theddida ta’ attakki terroristiċi, l-Unjoni Ewropea jeħtiġilha tiddikjara ruħha newtrali fit-taqtiegħa bejn l-Istati Uniti ta’ l-Amerika u l-popli li jaraw lill-Istati Uniti bħala x-Xitan għadu ta’ Alla.

 

Għal Malta t-triq li teħlisna mit-theddida terroristika, hija diġà mibnija fil-Kostituzzjoni tagħna.

 

Jeħtieġ li ma nitbegħdux minn dik it-triq biex nimxu wara l-Unjoni Ewropea li skond il-Kostituzzjoni Ewropea li l-Parlament Malti approva fis-6 ta’ Lulju ta’ din is-sena se tfassal politika barranija komuni li mhix waħda ta’ newtralità għall-pajjiżi kollha membri tagħha.

 

It-tagħlima ta’ Katrina ghall-UE

 

Nistgħu ngħidu li New Orleans fl-Istati Uniti ta’ l-Amerika għebet u issa aktarx niftakru fiha bħala Old Orleans.

 

Il-forza ta’ l-elementi tan-natura wrew li huma aqwa mis-saħħa ta’ l-istrutturi ta’ l-amministrazzjoni Amerikana.

Nuru sogħba u simpatija bla qies mal-popolazzjoni Amerikana li ġarrbet tbatijiet kbar bid-diżastru enormi li wettaq l-uragan mlaqqam Katrina.

Din il-grajja ta‘ niket tat aktar minn tagħlima waħda lill-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea.

 

L-ewwelnett kixfet fil-beraħ il-kruha kiefra tas-sistema kapitalista u liberali Amerikana li l-Unjoni Ewropea qiegħda titqanżaħ biex tikkopja.

Huwa sagrileġġ li ma jinħafirx li fil-pajjiż l-aktar għani fid-dinja hemm 45 miljun li m’għandhomx dritt għal ebda forma ta’ kura b’xejn tas-saħħa u fl-istess hin m‘għandhomx il-mezzi finanzjarji biex ilaħħqu ma’ l-ispejjeż tal-kura medika li jeħtiġilhom.

Iżda l-Unjoni Ewropea, minflok issaħħah is-sistema tal-welfare soċjali li l-pajjiżi membri tagħha irnexxielhom jibnu qabel issieħbu fl-Unjoni, qiegħda tinsisti mal-gvernijiet tal-pajjiżi membri tagħha biex iħottu l-welfare state ħalli l-Unjoni tkun tista’ tikkompeti ma’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika.

Huwa skandlu li jkexkex li s-sistema demokratika ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika tippermetti tant faqar soċjali u livell tant baxx ta’ edukazzjoni ċivika bħal ma rajna li kien hemm fi New Orleans, kollha konsegwenza tal-politika tas-suq ħieles u kompetizzjoni bla rażan.

 

Iżda l-Unjoni Ewropea trid timponi fuq il-pajjiżi membri tagħha l-istess sistema ta’ suq ħieles u kompetizzjoni mingħajr rażan li jkattru l-profitti ta’ ftit u jwasslu għal faqar akbar tal-kotra.

L-Unjoni Ewropea qiegħda twettaq l-istess politika ta’ tkabbir ta’ l-inugwaljanzi u d-differenzi soċjali li rajna li jeżistu u li nafu li qegħdin jiżdiedu fl-Istati Uniti ta’ l-Amerika, minkejja r-rata għolja tat-tkabbir ta‘ l-ekonomija tal-pajjiż.

Ix-xeni orribbli ta’ ġlied, sparar, qtil u serq li seħħew f’New Orleans u li ntwerew fuq it-televizjoni f’dawn il-ġranet, fetħulna għajnejna għall-fatt li l-politika ekonomika u soċjali kapitalista u liberali tista’ toħloq ġid materjali kbir għal ftit u avvanz tekonoloġiku enormi fil-pajjiż iżda ma jissarrafx f’soċjetà ċivili ġusta li tgħix f’sigurtà u s-sliem.

 

Għaldaqstant qiegħda tagħmel ħażin l-Unjoni Ewropea li taddotta l-istess politika ekonomika u soċjali kapitalista u liberali Amerikana għall-pajjiżi membri tagħha, meta hija ħaġa ċara li din il-politika mhix imsejsa fuq il-valuri veri u sani tal-ħajja, iżda biss fuq il-profitt li jagħti s-suq.

Nixtiequ li l-Uragan Katrina qatt ma seħħ.

 

Iżda jekk kellu jseħħ, kien ikun utli li seħħ qabel is-6 ta’ Lulju li għadda, ħalli l-Parlament Malti kienu jkollu twissija oħra għax ma jivvotax favur il-Kostituzzjoni Ewropea li tagħmel is-sistema kapitalista liberali tas-suq ħieles u kompetizzjoni bla rażan, kmandament kostituzzjonali li Malta jkollha tħares.

 

Maġġoranza favur sħubija fl-Unjoni b’ingann kbir

 

Aħna tas-CNI dejjem sostnejna li r-referenfum u l-aħħar elezzjoni ġenerali ntrebħu b’ingann kbir u mhux, kif oħrajn iħobbu jgħidu, “għax il-maġġoranza tal-poplu riedet hekk”.

Tant dejjem sħaqna li seħħ ingann kbir tal-Maltin u l-Għawdxin fil-kampanja favur is-sħubija fl-Unjoni Ewropea kemm fir-referendum, kif ukoll fl-elezzjoni ġenerali, li fid-29 ta’ Marzu tas-sena l-oħra, jumejn qabel Jum il-Ħelsien, iffirmajna għand Nutar u xandarna pubblikament Dikjarazzjoni Solenni li fiha tajna tagħrif dettaljat ta’ kif sar ingann kbir tal-poplu u għax minħabba f’hekk, aħna niċħdu s-sħubija fl-Unjoni Ewropea.

Kemm kellna u għandna raġun qegħdin jagħtuhulna mhux biss nies li jkellmuna u jgħidulna kif ġew ingannati, iżda tagħhulna wkoll dan l-aħħar l-istess Segretarju Ġenerali tal-Malta Farmers’ Association, is-Sur Peter Axisa.

 

Is-Sur Axisa kien inħatar mill-ex-Prim Ministru, Fenech Adami, konsulent tal-Gvern fin-negozjati dwar il-biedja ma’ l-Unjoni Ewropea.

Is-Sur Axisa kien strumentali biex ħafna bdiewa u l-familji tagħhom ivvotaw favur is-sħubija fl-Unjoni Ewropea, għax lilu l-Gvern kien żgurah li l-bdiewa ma kinux se jmorru ħażin billi kellhom is-salvagwardja ta’ dik li hija magħrufa bħala is-‘safeguard clause’.

 

B’din is-salvagwardja l-bdiewa kellhom jitħarsu mill-importazzjoni tal-prodotti barranin f’każ li jaqa’ ħafna l-prezz tal-prodotti Maltin.

U s-Sur Axisa bl-assigurazzjoni li kellu mingħand Fenech Adami, seta’ iserraħ ras il-bdiewa Maltin u Għawdxin qabel ir-referendum u l-aħħar elezzjoni ġenerali.

Illum iżda, is-Sur Axisa qiegħed pubblikament jammetti li huwa u l-bdiewa ġew ingannati u li daħku bihom, għax dak li kienu ġew imwegħda dwar is-salvagwardja tas-‘safeguard clause’ mhux se jseħħ.

Dan tal-bdiewa huwa settur wieħed li ngannaw. Bħalu hemm setturi oħra li qegħdin jintebħu kemm ta’ l-IVA u l-UE ngannawhom qabel ir-referendum u l-aħħar elezzjoni ġenerali.

Urewhom id-debba u qabbżulhom il-ħmara. B’danakollu, il-Parlament Malti fis-6 ta’ Lulju li għadda, ivvota favur il-ftehim ta’ sħubija fl-Unjoni, meta vvota favur il-Kostituzzjoni Ewropea.

Iżda aħna tas-
CNI qatt mhu se naqblu li l-poplu jkollu jsofri dak li ntrebaħ b’ingann kbir.

 

Illum jew għada, il-poplu jħassru.

 

L-UE kontra l-Kristjaneżmu

 

Biex jinfluwenzaw lill-Maltin u l-Għawdxin jivvotaw favur is-sħubija fl-UE, kienu jsostnu li bis-sħubija jissaħħu l-valuri nsara tal-poplu tagħna.

 

Din il-gidba kienet tagħmel parti importanti mill-kampanja ta’ qerq orkestrat tal-propagandisti bla skrupli ta’ l-Unjoni Ewropea f’pajjiżna.

Min-naħa tas-
CNI dejjem sostnejna li l-UE mhux biss ma tħaddanx il-valuri nsara, iżda saħansitra twettaq politika li hija kontra l-etika u l-morali nisranija.

Dan l-aħħar, żewġ kittieba Taljani, Lucetta Scaraffia, għalliema fl-Università La Sapienza ta’ Ruma, u Eugenia Roccella, ġurnalista, ħarġu ktieb bl-isem “Contro il Cristianesimo”, li fih huma jipprovaw li l-Unjoni Ewropea, l-istess bhal GM, hija kontra l-Kristjaneżmu.

Scaraffia u Roccella jgħidu li għall-UE r-reliġjonijiet huma l-akbar tfixkil għall-ħidma taghha favur id-drittijiet tal-bniedem.

 

Fl-Unjoni jiddomina l-Lajċiżmu li jikkunsidra r-reliġjonijiet kollha bħala fundamentalisti, waqt li huwa jiggarantixxi li jeżistu flimkien kull xorta ta’ ideat religjużi differenti.

Iż-żewġ kittieba juru kif l-UE ssostni li l-abort huwa dritt tal-mara, u l-maternità għandha valur negattiv.

 

Ir-reliġjon Kattolika hi partikolarment ikkontestata fl-Unjoni fejn hija meqjusa għadu tal-bniedem u tal-libertà ta’ l-individwu u tal-feliċità li tiġi mil-libertà sesswali.

Dwar il-ktieb “Contro il Cristianesimo” ikkummenta tajjeb Mons Anton Gauci, fil-ħarġa tat-3 ta’ Settembru, tal-Leħen is-Sewwa.

Skond stħarriġ ta’ l-opinjoni pubblika magħmul mill-UE, irriżulta li fil-waqt li f’Malta 95 fil-mija jemmnu fl-eżistenza ta’ Alla, 47 fil-mija biss tal-Ġermanizi jemmnu li hemm Alla, 38 fil-mija ta’ l-Ingliżi jemmnu f’Alla, u 34 fil-mija biss tal-Franċiżi jemmnu li Alla jeżisti.

 

Mhux magħruf kif il-Maltin u l-Għawdxin jistgħu jsaħħu l-valuri nsara billi jintegraw ma’ dawn il-popli ta’ l-UE, kif bellgħu lill-poplu qabel ir-referendum.

 

Ġurament ta' lealta` li jieħdu l-Membri Parlamentari kollha

 

Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li nkun tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r- Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. (Hekk Alla jgħini).

 

Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.

 

Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment u skond il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skond il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta, mingħajr biża’ jew favur. ( Hekk Alla jgħini).

 

Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ President.

 

Jiena ..............................................., solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta’ President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta’ Malta, u li, skond l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. (Hekk Alla jgħini).

 

Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta

 

6. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) ta’ l-artikolu 47 u ta’ l-artikolu 66 ta’ din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.

 

Artiklu I-6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea

 

Dritt ta' l-Unjoni

Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri.

 

Tista' tafda lil min KISER il-ĠURAMENT tiegħu/tagħha?

 

L-Erbgħa, 14 ta’ Settembru, 2005.

<< Lura http://www.cnimalta.org/2005.html

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat Lm2 flimkien ma' din il-formola liċ-

Chairman CNI,

Dr Karmenu Mifsud Bonnici LL.D.

81, Triq Ġuże Pace,

Ħamrun.

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ