MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI


Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000 minn ħalq uliedek
Ir-realtà kerha tas-sħubija fl-UE
Il-protagonisti Maltin tal-Unjoni Ewropea jridu jingannaw lill-poplu billi jgħidu li bis-sħubija fl-Unjoni,“qegħdin ngħixu r-realtà Ewropea”.
Bħallikieku s-sħubija għamlitna Ewropej u parti mill-Ewropa.
L-ingann hu li l-Unjoni Ewropea jippreżentawha bħala l-Ewropa, meta l-Unjoni hija parti mill-Ewropa.
L-Ewropa ilha teżisti ħafna sekli qabel twaqqfet l-Unjoni, u tibqa’ Ewropa wara li l-Unjoni titfaxxa.
Bħal
ma Malta kienet tagħmel parti mill-Ewropa, qabel ma ssieħbet fl-Unjoni,
u tibqa’ Ewropea, wara li toħroġ mill-Unjoni.
Il-propagandisti jiftaħru li l-paċi, il-libertà tal-persuna u
tal-kontinent Ewropew, il-valur tad-demokrazija u d-drittijiettal-bniedem jagħmlulna
Ewropej.
Min jgħid hekk
* jinsa l-istorja ta’ l-Ewropa li sa riċentement u għal sekli sħaħ,
* kienet teatru tal-eħrex gwerer,
* li f’ħafna pajjiżi Ewropej l-libertà tal-persuna ma kinetx teżisti, u
* li d-dittatorjati kienu jirrenjaw flok id-demokrazija, u
* d-drittijiet tal-bniedem kienu kalpestrati.
Jinsew ukoll li għal żmien twil
* l-Ewropej ħakmu parti kbira mid-dinja,
* għakksu kemm riedu lill-popli oħrajn, u
* redgħu kemm felħu r-riżorsi naturali tagħhom.
Ħafna
minn dawn il-pajjiżi li kienu maħkumin mill-Ewropej, għadhom
sal-lum ma jistgħux jiżviluppaw u jimxu ’l quddiem minħabba l-ħerba
li għamlulhom l-Ewropej fl-imgħoddi.
Il-propagandisti jiftaħru wkoll li fl-erba’ snin li pajjiżna ilu
msieħeb fl-Unjoni, Malta pprovat kemm kienet iddedikata u kemm
il-vokazzjoni tagħha kienet verament Ewropea, billi saret parti miż-żona
Schengen u parti miż-żona tal-ewro.
Iżda dan id-diskors jaqleb l-ordni reali tal-fatti.
Id-dħul tal-ewro f’Malta ma sarx għax aħna Ewropej, iżda għax l-ekonomija ta’ pajjiżna nbniet b’saħħitha qabel isseħibna fl-Unjoni Ewropea, u hemm pajjiżi li ma humiex fl-Unjoni u daħħlu l-ewro.
Dħalna fiż-żona Schengen mhux għax aħna mseħbin fl-Unjoni, għaliex fiż-żona Schengen daħlu pajjiżi oħrajn li ma humiex mseħbin fl-Unjoni.
Ma
sirna aktar milli konna qabel Ewropej, la bl-ewro u lanqas bix-Schengen.
Il-propagandisti tal-Unjoni Ewropea qarrqu meta jgħidu li llum il-Maltin u
l-Għawdxin jgħixu aħjar, bis-saħħa tas-sħubija fl-Unjoni
Ewropea.
Qegħdin iqarrqu, għaliex il-poplu ra progress kbir minn ferm qabel erba’ snin ilu, u l-progress li seta’ sar fl-aħħar erba’ snin, ma huwiex akbar mir-rata ta’ progress li kellna fis-snin ta’ qabel.
Jiġifieri,
mingħajr is-sħubija, il-progress li l-poplu seta’ għamel, kien
jagħmlu xorta, jekk ma kienx jagħmel aktar progress milli sar.
Il-propagandisti tal-Unjoni Ewropea għandhom l-ardir jgħidu li l-mara
tad-dar marret aħjar bis-sħubija, meta l-aktar ħaġa li tkidd
lill-mara tad-dar hija l-għoli tal-ħajja kkaġunata miż-żidiet
fil-prezzijiet tal-oġġetti u s-servizzi li għolew ħafna
aktar milli kienu jogħlew qabel, speċjalment minħabba ż-żieda
tat-taxxa tal-VAT li daħlet minħabba l-Unjoni Ewropea.
Ma jibqgħux lura l-propagandisti tal-Unjoni Ewropea li jiftaħru
bit-855,000,000 ewro li l-Unjoni wegħdet lil Malta għas-seba’snin
2007-2013.
Dawn
jaħbu l-fatt li Malta tħallas lill-Unjoni fl-istess snin l-ammont ta’
360 miljun ewro (skond ma ntqal pubblikament dan l-aħħar, Malta qiegħda
tħallas lill-Unjoni
5,000,000 ewro fix-xahar, li jġibu
420,000,000
ewro fuq is-seba’ snin, mhux
360,000,000 ewro).
Għalhekk il-bilanċ huwa 435,000,000 ewro, jiġifieri, sena b’sena 62.1 miljun ewro fis-sena (jew 26.7 miljun liri Maltin).
Issa
l-għotja li l-Italja kienet tagħti lil Malta fis-sena, u l-ispejjeż
enormi li Malta jkollha tagħmel kull sena biex tlaħħaq mar-regoli
u l-kundizzjonijiet ta’ l-Unjoni, jammontaw għal iktar minn 26.7 miljun
liri Maltin, u għalhekk pajjiżna fil-fatt qiegħed jirrofta mhux
idaħħal mis-sħubija fl-Unjoni.
Qabel ir-referendum, saret propaganda qawwija favur l-Unjoni Ewropea li ħalliet
l-effett fuq ħafna Maltin u Għawdxin.
Issa, wara erba’ snin fl-Unjoni, ħafna minn dawk il-Maltin u l-Għawdxin sabu li r-realtà tal-Unjoni Ewropea hija ħafna differenti mill-illużjoni li kellhom tagħha.
L-aktar li tqarrqu huma l-eluf ta’ ħaddiema li tilfu l-impjieg minħabba l-politika ta’ l-Unjoni, kif ukoll il-ħafna familji li għandhom dħul li ma jippermettilhomx li huma jżommu l-livell ta’ l-għajxien li kellhom qabel.
Ingidmu
wkoll l-eluf ta’ kaċċaturi u nassaba li l-Unjoni Ewropea irvinatilhom id-delizzju
tagħhom.
Issa
ntlaqtu ħażin ukoll is-sidien tal-vetturi tat-trasport
minħabba l-politika tal-Unjoni tal-liberalizzazzoni.
Setturi
oħrajn tal-poplu ġarrbu nuqqasijiet oħrajn minħabba l-Unjoni,
u aktar setturi se jintlaqtu ’l quddiem meta jispiċċaw id-derogi li
l-Unjoni kienet tat fil-ftehim tas-sħubija ffirmat fl-2003.
Din hija r-realtà tal-infern tal-Unjoni Ewropea li l-propagandisti tal-Unjoni,
ħafna minnhom imħallsin sewwa minnha, qegħdin jipprovaw ipinġuha
bħala ġenna fl-art.
Iżda l-infern tal-Unjoni Ewropea mhux l-istess bħall-infern tad-dinja l-oħra.
Nistgħu neħilsu minnu meta nagħmlu kuraġġ u ngħidu:
Daqshekk għamilna mseħbin fl-Unjoni.
U
noħorġu ħalli rerġgħu nkunu ħielsa.
Tajjeb
li ninnotaw:
L-UE titlef l-appoġġ popolari
Minkejja
l-miljuni li tonfoq kull xahar fi propoganda, l-Unjoni Ewropea mhux qiegħda
jirnexxielha tikseb il-fiduċja tal-kotra tal-poplu f’ħafna mill-pajjiżi
tal-Unjoni.
Skond l-aħħar stħarriġ tal-opinjoni pubblika magħmul
mill-Euro Barometer tal-Kummissjoni Ewropea, il-persentaġġ ta’ dawk
li għadhom jaħsbu li l-Unjoni hija ħaġa tajba, li fil-ħarifa
tas-sena l-oħra kien 57 fil-mija taċ-ċittadini tal-Unjoni, fir-rebbiegħa
ta’ din is-sena niżel għal 52 fil-mija.
F’ħafna
mill-pajjiżi tal-Unjoni, il-minoranza taċ-ċittadini għadha
taħseb li l-Unjoni hija ħaġa tajba:
* fi Franza – 48 fil-mija biss;
* fil-Greċja – 24 fil-mija biss,
* fil-Fillandja – 44 fil-mija biss,
* fl-Italja – 39 fil-mija biss,
* fl-Awstrija – 36 fil-mija biss,
* fl-Ingilterra – 30 fil-mija biss u
*
fil-Latvja
– 29 fil-mija biss.
Fil-Ġermanja skond stħarriġ magħmul mill-ġurnal
prominenti Dei Welt, 51 fil-mija ta’ dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ,
qalu li jixtiequ li l-Ġermanja toħroġ mill-Unjoni Ewropea.
U
l-President tal-Parlament Ewropew, il-Ġermaniż Hans-Gert Poettering
qal li hija ħaġa possibbli li l-maġġoranza tal-Ġermaniżi jivvotaw kontra t-Trattat ta’ Lisbona, kieku jsir referendu dwaru.
X’se
jiksbu l-Irlandiżi billi vvotaw “Le”
Il-Membri
tal-Parlament Malti vvotaw kollha favur ir-ratifika tat-Trattat ta’ Lisbona,
mingħajr ma ġagħlu mill-Unjoni Ewropea ċċedi xejn mill-kundizzjonijiet
iebsa li għamlitilna biex pajjżna jissieħeb fl-Unjoni.
Mhux hekk għamlu l-Irlandiżi li ma vvotawx favur it-Trattat ta’
Lisbona.
Skond il-ġurnal Franċiż Le Monde, biex iħajjru lil Irlandiżi jivvotaw favur it-Trattat meta jerġa’ jsir referendum, l-Unjoni Ewropea fasslet għadd ta’ konċessjonijiet għall-Irlanda.
L-ewwel
fosthom huwa d-dritt li kull pajjiż ikollu dejjem Kummissarju, mhux skond
kif jgħid it-Trattat li kull għaxar snin, pajjiż ma jkollux
Kummissarju għal ħames snin.
L-Unjoni
qiegħda tippjana wkoll li ttenni lil Irlandiżi l-garanziji li
* ma ġġegħilx lil Irlanda tillegalizza l-abort;
* li l-Unjoni ma timminax in-newtralità tal-Irlanda; u
*
li kull deċiżjoni
dwar taxxi, tittieħed biss bil-kunsens tal-membri kollha tal-Unjoni.
Malta lanqas xammet konċessjoni waħda qabel approvat it-Trattat.
Malta
tilfet l-opportunità li tikseb mill-Unjoni tibdil fil-kundizzjonijiet li l-Unjoni
mponiet biex it-Tarzna tkun tista’ tkompli taħdem wara l-aħħar
ta’ din is-sena.
Diskursata
ma’ votant favur is-sħubija fl-UE
minn
Eddy Privitera
Ħadt il-qattusa għand il-veterinarju.
Ħdejja jistenna wkoll kien hemm raġel ukoll b’qattus.
Wara ftit tal-ħin dan ir-raġel, li mingħalija qalli li jismu Manwel, dar fuqi u qalli: “Int mhux is-Sur Privitera?”
Meta għidtlu iva, qalli: “Spiss nisimek fuq Smash TV”.
U
wara ftit kompla: “Però ma naqbilx miegħek dwar li tgħid fuq l-UE”.
Dan il-kliem flok skoraġġani, ħassejtu ta’ inkoraġġament
għax komplejt nikkonvinċi ruħi kemm qegħdin ikunu segwiti l-programmi
tas-CNI
fuq Smash TV, anki minn dak li sal-lum għadhom bl-effett tal-ħasil
tal-imħuħ bla waqfien xejn li l-poplu Malti kien ibburbardjat bih lejl
u nhar għal żmien twil qabel ir-referendum, li għadu sejjer sa
llum, għalkemm mhux bl-istess intensità.
Lil Manwel għidtlu:
“Tista’ tgħidli fuq hiex ma taqbilx ma li ngħid?”
Pront, pront irrisponda:
“Dwar il-miljuni kbar li ġejjin mill-UE u int tgħid li aktar qiegħda tiswielna miljuni milli qegħdin nirċievu”.
Qalli
dan bi tbissima fuq xuftejh qisu meta jien ngħid dan, inkun qiegħed ngħid
xi ċajta.
Allura bdejt ngħidlu kif qed jirriżulta anki b’fatti u figuri li ngħataw
fil-Parlament, li s’issa Malta aktar ħallset miljuni ta’ liri mill-UE,
milli rċevejna minn għandha.
Semmejtlu
wkoll il-fatt ta’ kemm qegħdin nitilfu miljuni ta’ liri minħabba
li l-Protokoll mal-Italja twaqqaf għax dħalna fl-UE.
Waqt li Manwel kien qiegħed ixengel rasu meta bdejt insemmielu kemm konna qegħdin inħallsu aktar flus lill-UE milli nirċievu minn għandha, qisu biex jurini li ma kienx qed jemminni, hekk kif semmejtlu l-Protokoll mal-Italja, f’daqqa waħda qabeż u qalli:
Anzi
l-Italja ffirmat l-aħħar protokoll għax konna se nidħlu fl-UE,
għax kieku ma kinitx tiffirmah l-aħħar protokoll”.
Jiena għidtlu:
“Sieħbi,
veru li l-Italja ffirmat l-aħħar protokoll għax Malta kienet se
tidħol fl-UE. Li ma qalulkomx fil-midja li hija favur is-sħubija fl-UE,
hu l-kumplament, jiġifieri li l-Italja qaltilna: “Dan hu l-aħħar
protokoll, għax issa l-fondi tirċievihom biss mill-UE”.
Id-diskursata kellha tieqaf għax kien imiss lili nidħol bil-qattusa għand
il-Veterinarju.
Sellimt lil Manwel u għidtlu jibqa’ jsegwi l-programmi tagħna.
“Mela
le” qalli Manwel bi tbissima.
Hija ħasra tara raġel li kien jidher tal-affari tiegħu, kif
il-midja favur is-sħubija fl-Unjoni, timlilhom moħħom bil-ftajjar.
Li
jqawwili qalbi hu l-fatt li la aħna tas-CNI
nibbazzaw l-argumenti tagħna fuq fatti u mhux fuq konvenjenza politika, kif
jagħmlu l-politiċi, bil-mod il-mod dawk li huma ġenwini u jridu
verament isiru jafu l-verità dwar is-sħubija ta’ Malta fl-UE, jibdew
jirrealizzaw kemm aħna għandna raġun, kif diġà ilhom jgħidulna
eluf li jsegwu l-programmi tas-CNI
fuq Smash TV.
Il-Ħamis, 14 ta’ Awwissu, 2008
IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju
Finanzjarju CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ