MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha
€182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek
Kif l-UE tiġi taqa’ u tqum mill-ħaddiema u l-popli
Żewġ
eżempji li juru kif l-Unjoni Ewropea ma tagħtix każ
x’konsegwenzi jkun hemm fuq il-ħaddiema u l-popli fl-istati membri tagħha
b’riżultat tad-deċiżjonijiet “kattivi” li kultant timponi
fuq il-gvernijiet ta’ l-istati membri, huma dawk li hija imponiet fuq
it-tarznari tal-Polonja u fuq ir-rejattur nukleari tal-Bulgarija.
Il-kundizzjonijiet li l-Unjoni Ewropea qiegħda tordna fuq it-tarznari
ewlenin tal-Polonja, fi Gdansk, Gdyna u Szezercin jixhdu ħafna
l-kundizzjonijiet li imponiet fuq it-tarznari ta’ Malta.
L-Unjoni Ewropea qiegħda tesiġi li dawn it-tarznari Pollakki għandhom inaqqsu l-produzzjoni tagħhom b’40 fil-mija.
Dan ikun ifisser it-telfien ta’ l-impjieg ta’ 15,000 ħaddiem Pollakk.
Jekk
il-Gvern Pollakk ma jkunx lest li jagħmel dan, allura dawn it-tarznari għandhom
iħallsu lura lill-Gvern Pollakk is-somma ta’ 580 miljun Ewro li rċevew
bħala għajnuna fl-imgħoddi mill-Gvern Pollakk.
Naturalment
dan qiegħda tesiġih l-Unjoni Ewropea u mhux għax il-Gvern Pollakk
irid li jsir hekk.
Din l-ordni ta’ l-Unjoni Ewropea ġiebet dilemma kbira lill-Gvern Pollakk
u lit-tarznari Pollakki, għax jekk tonqos il-produzzjoni, jintilfu
l-impjieg 15,000 ħaddiem u jonqos iċ-ċans li t-tarznari jinbiegħu
lil investituri privati li huma interessati fihom minħabba li d-domanda għall-bini
ta’ vapuri u tiswija u konversjoni ta’ vapuri hija akbar mill-produzzjoni,
jew mill-kapaċità ta’ produzzjoni li dawn it-tarznari għandhom
illum.
Jekk min-naħa l-oħra, it-tarznari jkunu mġiegħla jħallsu lura 580 miljun Ewro li kienu rċevew f’sussidju, dawn ifallu u jkollhom jagħlqu.
Huwa
każ ta’ jew nejja jew maħruqa!
It-tieni
eżempju hu ta’ l-ordni li l-Unjoni Ewropea ġiegħlet
lill-Bulgarija fil-2003 tagħlaq żewġ rejatturi nukleari li kienu
jipprovdu ammont sostanzjali ta’ elettriku, li parti minnu kien jiġi
esportat jew mibjugħ lil pajjiżi tal-Balkani, bħal l-Albanija,
il-Kosovo, il-Maċedonja u anki lir-Rumanija u Montenegro.
Din l-ordni kellha tiġi obduta biex il-Bulgarija titħalla tidħol fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena.
Hekk
kif daħlet fl-Unjoni Ewropea, il-Bulgarija ġiet ordnata tagħlaq
żewġ rejatturi nukleari oħra li kien fadal.
Bl-għeluq ta’ l-erba’ rejatturi nukleari il-Bulgarija tilfet 800
megawatt ta’ elettriku li kellu effett bil-kbir fuq il-produzzjoni u
l-esportazzjoni ta’ l-elettriku lill-pajjiżi ġirien
tal-Bulgarija.
Fejn is-sena l-oħra (2006) il-Bulgarija kienet tesporta 7.6 biljun Kilowatt Hour ta’ elettriku, din is-sena se tesporta biss 1.5 Kilo-watt Hour.
Ir-riżultat ta’ dan hu li f’dawn il-pajjiżi girien li kienu jixtru l-provvista ta’ l-elettriku mill-Bulgarija, il-provvista naqsitilhom b’40 fil-mija.
Minħabba dan, qed ikun hemm qtugħ kbir fil-provvista ta’ l-elettriku f’dawn il-pajjiżi.
B’eżempju, f’Tirana, il-belt kapitali ta’ l-Albanija, id-dawl jinqata’ għal ħames sigħat kuljum.
Fi bliet oħra ta’ l-Albanija, il-qtugħ tad-dawl jitla’ għal seba’ sigħat kuljum.
Waqt li fl-irħula fil-kampanja, il-povri nies li joqogħdu f’dawn l-irħula jdumu bla dawl elettriku għal 15-il siegħa kuljum.
Naturalment,
anki f’dawk il-pajjiżi l-oħra li semmejna li kienu jimportaw
l-elettriku mill-Bulgarija, il-popli tagħhom qegħdin isofru dawn
l-inkonvenjenzi wkoll kuljum.
Tistgħu timmaġinaw x’qed jiġri fil-produzzjoni industrijali
fil-fabbriki u f’dawn il-pajjiżi b’dan il-qtugħ fil-provvista
ta’ l-elettriku minħabba d-diktat ta’ l-Unjoni Ewropea.
Imbagħad tisma’ xi dixxipli ta’ l-Unjoni Ewropea f’pajjiżna
jippriedkawlna li “l-Unjoni Ewropea trid tkun viċin in-nies”.
Kemm
se jdumu jipprovaw jgħaddu lill-poplu Malti u Għawdxi biż-żmien?
Xi
ngħidu lil Barroso
Minflok
jibgħatuh jixxejjer lil Barroso, il-membri tal-Parlament tagħna
lill-President tal-Kummissjoni Ewropea sejrin illum jilqugħ, jisimgħuh,
jinċensawh u jċappċpulu fil-laqgħa tal-Parlament li se ssir
illum apposta għalih.
Lil Barroso imisshom jgħidulu li bil-politika ta’ l-Unjoni Ewropea dwar
l-immigranti llegali, pajjiżna dieħel fi kriżi soċjali
kbira.
Jgħidulu
li l-immigranti llegali ma ridux jiġu joqogħdu f’Malta, iżda
riedu jmorru fil-pajjiżi kbar ta’ l-Unjoni.
Għalhekk l-Unjoni għandha, mhux tgħina nġorru l-piż tagħhom,
imma terfa’ l-piż ukoll hija billi tħallina ngħinuhom imorru għandha
fejn riedu jmorru meta telqu minn pajjiżhom.
Lil Barroso nuruh li xbajna nisimgħu paroli dwar l-għajnuna li se tagħtina l-Unjoni għall-immigranti.
Lill-Unjoni
ma rriduhiex tagħtina għajnuna għalihom, iżda aħna nagħtu
lilha, nagħtuha l-immigranti li jiġu għandna.
Kwistjoni oħra ewlenija għall-pajjiżna hija dik tat-Tarzna.
Lil Barroso l-Membri Parlamentari jmisshom jgħidulu li l-pjan dwar it-Tarzna li l-UE bellgħet lill-Gvern huwa pjan li se jwassal għall-għeluq tat-Tarzna, mhux pjan li jsaħħah it-Tarzna.
Imisshom
jgħidulu li l-Unjoni ngannat lill-Gvern u lill-poplu Malti dwar il-pjan
tat-Tarzna meta l-Unjoni iddettat li ebda għajnuna ma tingħata
lit-Tarzna wara Diċembru 2008, meta naqqset in-numru ta’ ħaddiema
fit-Tarzna u s-siegħat tax-xogħol li jista’ jkun hemm fis-sena, u
minħabba dawn il-kondizzjonijiet, it-Tarzna ma tistax tifdi.
Ma’ Barroso jmissna nagħmluha ċara li jekk inkunu sfurzati nagħżlu
jew nagħlqu t-Tarzna, jew noħorġu mill-Unjoni, bla tlaqlieq nagħżlu
li nitilqu mill-Unjoni ħalli t-Tarzna tibqa’ tħaddem lill-ħaddiema
tagħna.
Lil
Barosso l-Membri tal-Parlament imisshom jgħidulu li jekk għas-seba’
snin li ġejjin l-Unjoni Ewropea wegħditna 855 miljun Ewro, Malta se
tmur minn taħt b’dak li se tagħti kull sena lill-Unjoni, b’dak li
tilfet mill-Protokol Taljan u mill-profitti tal-Bank Ċentrali Malti li issa
se jmorru għand il-Bank Ċentrali ta’ l-Unjoni, u bl-ispejjeż
enormi li jkollna nagħmlu minħabba s-sħubija fl-Unjoni.

Ngħidulu lil Barroso li huwa għajb għall-Unjoni li tisloħ
b’dan il-mod lill-pajjiżna li huwa żgħir u fqir ħdejha.
Nistaqsu lil Barroso kemm se tgħinna l-Unjoni Ewropea biex inżidu
x-xogħol u l-impjiegi f’pajjiżna u nagħmlu tajjeb għall-fabbriki
li tlifna u l-impjiegi li tlifna minħabba l-politika u d-direttivi ta’ l-UE?
Nistaqsuh
lil Barroso għaliex l-Unjoni trid li l-pajjiżi membri jżidu
fl-ispiża militari tagħhom u fl-armamenti li għandhom?
Għall-paċi jew għall-gwerra?
Jista’ jiżgurana li l-Unjoni mhux se ddaħħalna fi gwerra?
Jekk
iva, għaliex qiegħda tinbena l-armata ta’ l-Unjoni?
Qagħda
skandaluża fl-UE
GĦADU kif tħabbar li se ssir liġi f’pajjiżna li tagħti ħarsien lil min jikxef frodi jew korruzzjoni fis-settur pubbliku (magħrufa bħala “whistleblowers”).
Mhux
hekk jiġri fl-Unjoni Ewropea, għax l-Unjoni, minflok teqred
il-korruzzjoni, teqred lil dawk li jikxfu l-korruzzjoni.
Hu magħruf aktar minn każ wieħed ta’ inpjegati ta’ l-Unjoni
li, wara li rraportaw egħmejjel ta’ korruzzjoni, intalbu jirriżenjaw
mill-impjieg, jew ingħataw il-pensjoni bl-iskuża li mardu, jew tkeċċew
mill-impjieg mixlija bi ksur tal-kuntratt ta’ l-impjieg tagħhom.
L-aħħar każ ta’ impjegat ta’ l-UE li nħareġ
bil-forza mill-uffiċċji ta’ l-Unjoni għax kien magħdud
marid b’moħħu (“paranoid megalo-maniac”), hu dak ta’
l-impjegat Portugiż Josè Segueira.
Iżda Josè Segueira ma qagħadx għaliha kif l-Unjoni ttrattatu, u huwa ressaq fil-Qorti l-każ tat-tkeċċija tiegħu mill-impjieg.
Huwa ppreżenta fil-Qorti ċertifikat minn erba’ sptarijiet li kollha ddikjaraw li ma kellu ebda mard mentali.
Huwa rebaħ il-każ, iżda l-UE se tappella
d-deċiżjoni tal-Qorti.
Kumitat tal-membri tal-Parlament Ewropew għadu kif ħareġ rapport
fejn intqal li l-mod li bih l-Unjoni qiegħda timxi f’dawn il-każi
mhux aċċettabbli.
Anki fost il-21 elf impjegati tal-Kummissjoni Ewropea
hemm ferment dwar dan, skond ma rraporta ġurnal ta’ nhar ta’ Ħadd
fl-Ingilterra, li qal li l-Unjoni qiegħda tiġġennen biex tagħmel
dawn l-affarijiet.
Il-qagħda tal-kontijiet (“accounts”) ta’ l-UE hija skandaluża.
L-awdituri ilhom 12-il sena jirroftaw li jiffirmaw
l-“accounts” għax m’humiex miżmuma tajjeb u m’hemmx kontroll
effiċjenti għall-infieq tal-fondi ta’ l-Unjoni.
L-ammont ta’ infieq illegali u irregolari huwa kbir,
u dan qalu l-istess President tal-Awdituri ta’ l-Unjoni Ewropea, Hubert Weber.
Membru tal-kumitat dwar il-kontroll tal-baġit tal-Parlament Ewropew,
l-Ingliż Chris Heaton-Harris, stqarr li hemm problemi orribbli fl-infieq
tal-fondi ta’ l-Unjoni li ġejjin mit-taxxi mħallsa miċ-ċittadini
tal-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni.
Huwa xela lill-Unjoni li għal snin twal għaddset
rasha fir-ramel dwar din il-kwistjoni u tat wieħed x’jifhem li
l-affarijiet kienu qegħdin jirranġaw.
Iżda mhux hekk.
U Chris Heaton-Harris ikkummenta li kif wieħed
jista’ jkollu fiduċja li l-Unjoni kapaċi tmexxi ’l quddiem il-qagħda
ekonomika ta’ l-Ewropa, jekk lanqas għandha ħila żżomm
tajjeb l-“accounts” tagħha!
Ġurnal
ta’ nhar ta’ Ħadd fl-Ingilterra rraporta li seba’ fil-mija biss
mill-infieq ta’ l-Unjoni Ewropea intqal mill-awdituri ta’ l-Unjoni li kien
sar legalment u korrettament.
Il-politika
anti-soċjali ta’ l-UE
FTIT tal-ġranet ilu xxandar rapport li wera li f’Malta l-paga minima ma żdiditx daqs kemm żdiedet l-inflazzjoni jew daqs kemm għoliet il-ħajja.
Minħabba
f’hekk il-familji li jgħixu bil-paga minima naqsitilhom il-livell tal-ħajja
jew l-istandard tal-għixien.
Għax jekk il-pagi ma jogħlewx daqs kemm togħla l-ħajja,
bil-paga tkun tista’ tixtri inqas milli kont tixtri qabel.
Is-settur ta’ dawk il-familji li jaqilgħu l-paga minima f’pajjiżna
qiegħed għalhekk imur minn taħt, u dawn il-familji ma jistgħux
jgħixu diċentament.
X’uħud mill-benefiċċji
soċjali u mill-pensjonijiet huma inqas mill-paga minima.
Għalhekk dawk il-familji li jdaħħlu biss dawn il-benefiċċji jew dawn il-pensjonijiet ma jistgħux jgħixu diċentament.
Jekk
minħabba l-fatt li l-ħajja togħla aktar milli tiżdied
il-paga minima, il-familji li jgħixu bil-paga minima qegħdin
jitfaqqru, dawk li jgħixu b’benefiċċji soċjali jew
b’pensjonjiet inqas mill-paga minima, qegħdin jaqgħu f’faqar
akbar.
Għalkemm il-ġustizzja soċjali tagħmar li għandna naħsbu
l-ewwel u l-aktar fil-klassi taż-żgħir fis-soċjetà, dan
mhux qegħdin nagħmluh meta ma nżidux il-paga minima daqs kemm togħla
l-ħajja, u meta nħallu min jgħix b’benefiċċji soċjali
jew pensjoni inqas mill-paga minima.
Il-politika ekonomika u soċjali ta’ l-Unjoni Ewropea ma tħallix
lill-gvernijiet tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni iżidu l-ispiża
governattiva billi jżidu l-paga minima, il-benefiċċji soċjali
u l-pensjonijiet.
Lanqas
tħalli lill-gvernijiet jikkontrollaw il-prezzijiet biex ma togħliex
il-ħajja, għax l-Unjoni tisħaq li l-prezzijiet jagħmilhom
is-suq ħieles mill-indħil governattiv.
Għalhekk il-politika ekonomika u soċjali ta’ l-Unjoni Ewropea hija
kontra l-klassi taż-żgħir fis-soċjetà.
Hija
għalhekk politika kontra l-ġustizzja soċjali u kontra l-prinċipju
tas-solidarjetà soċjali, minkejja li l-Unjoni tiftaħar li hija
mibnija fuq is-solidarjetà.
Il-Ħamis, 14 ta' Ġunju, 2007.
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju Finanzjarju
CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ