MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha

€182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

Żball nattakkaw lill-Italja!

 

L-Italja ftehmet mal-Libja biex tibgħat lura l-immigranti illegali li jmorru l-Itaja mil-Libja.

 

Il-poplu Malti qiegħed jistaqsi għaliex il-Gvern Malti ma għamilx ftehim mal-Libja bħal ma għamlu t-Taljani?

 

La darba ma hemmx ġustifikazzjoni għal dan in-nuqqas tal-Gvern Malti, il-poplu għandu raġun jilmenta li mhux qegħdin jitħarsu kif jixraq l-interessi nazzjonali Maltin.

 

Dan in-nuqqas ta’ ħarsien tal-interessi nazzjonali jixraqlu l-akbar kundanna,

* iżda jimmerita kundanna forsi akbar il-fatt li hawn f’pajjiżna

* x’uħud tal-qalba li qegħdin jagħmlu profitti kbar mill-immigranti illegali

* bin-negozju li qegħdin jagħmlu minn fuqhom,

* mill-kuntratti li qegħdin jieħdu kemm tal-bini,

* kif ukoll tal-provvisti, u

* billi qegħdin iħaddmu mijiet ta’ immigranti

* b’pagi baxxi u

* kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena.

 

Donnu għall-Gvern it-tgawdija tal-profitt ta’ dawn tal-qalba hija aktar importanti mid-dwejjaq tal-poplu li jħossu mhedded bl-eluf ta’ immigranti illegali fostna.

 

X’uħud kemm f’pajjiżna, kif ukoll fl-Unjoni Ewropea ħaduha kontra l-Italja talli bagħtet lura l-Libja mijiet ta’ immigranti illegali meta waslu l-Italja f’dawn l-aħħar ġranet, mingħajr ma qagħdet tifli każ każ biex tara għandhomx jitqiesu bħala refuġjati jew għandhomx jingħataw protezzjoni umanitarja.

 

Din ix-xorta ta’ kritika mill-UE tikxef li r-rondi tal-Frontex tal-Unjoni mhux qegħdin iservu biex iwaqqfu fi triqthom lill-immigranti illegali, għaliex kieku kellhom jagħmlu dan, xorta waħda l-immigranti ma kienux qegħdin jiġu investigati jekkgħandhomxjitqiesu bħala refuġjati jew ikunu intitolati għall-protezzjoni umanitarja.

 

Għalhekk l-UE trid li l-laneċ tal-Frontex iwasslu lill-immigranti illegali fl-eqreb art tal-Unjoni, u din spiss tkun gżiritna.

 

Dawk li qegħdin joġġezzjonaw li l-immigranti illegali li jiġu mil-Libja, jintbagħtu lura, qegħdin jixlu lill-Italja li qiegħda tikser il-Konvenzjoni dwar ir-Refuġjati u d-Direttiva tal-UE magħrufa bħala d-Dublin II, għax pajjiż li huwa marbut bil-Konvenzjoni u bid-Direttiva ma jistax jibgħat immigranti illegali lura lejn pajjiżhom, jekk f’pajjiżhom hemm il-ġlied, jew jekk ħajjiet l-immigranti tkun mhedda, jew huma jiġu trattati b’mod inuman jew degradanti.


Iżda dawk kollha li qegħdin joġġezzjonaw lill-Italja, qegħdin jiżbaljaw, għaliex l-Italja mhux qiegħda tibgħat l-immigranti illegali lura f’pajjiżhom, imma qiegħda tibgħathom lura minn fejn telqu bil-baħar u għalhekk mhux fejn hemm il-ġlied, jew fejn ħajjithom hija mhedda jew huma trattati b’mod inuman u degradanti.

 

Tant hu hekk li l-immigranti Somali ma ntbagħtux lura s-Somalja,

* iżda ntbagħtu l-Libja.

 

L-immigranti Niġerjani,

* ma ntbagħtux lura n-Niġerja,

* iżda l-Libja.

 

L-immigranti minn Ghana,

* ma ntbagħtux lura f’pajjiżhom,

* iżda ntbagħtu l-Libja minn fejn telqu bil-baħar għall-Ewropa.

 

Min jirraġuna,

* jaqbel li biex tiskoraġġixxi l-immigranti li jbaħħru lejn pajjiż ieħor,

* trid turihom li se jissugraw ħajjithom għal xejn

* għaliex żgur se jintbagħtu lura.

 

Min-naħa l-oħra,

* jekk l-immigranti jkunu jafu li mhux se jintbagħtu lura,

* aktar minnhom jitħajru jbaħħru lejn l-Ewropa.

 

Għalhekk min qiegħed jeħodha kontra l-Italja,

* irid jew ma jridx,

* qiegħed jgħin biex tiżdied l-invażjoni ta’ l-immigranti illegali.

 

Min jaħti għall-invażjoni tal-immigranti

 

Fil-hafna laqgħat li għamlu biex ifakkru l-ħames snin li pajjiżna ilu fl-Unjoni Ewropea,

* minflok għamlu eżami tal-kuxjenza u raw x‘ħa u x’tilef il-poplu tagħna bis-sħubija fl-Unjoni,

* infexxew f‘orġja ta’ ftaħir falz

* ħalli jipprovaw inessu lill-poplu l-ħsara kbira li ġarrab

* b’konsegwenza tas-sħubija fl-Unjoni.


Fost l-oħrajn reġa’ tfaċċa Fenech Adami li,

* mhux kuntent kemm inganna lill-poplu dwar il-valuri li kien jgħid se jissaħħu bis-sħubija fl-Unjoni.

 

Issa jrid jissokta jinganna meta qal li kieku ma sseħibniex fl-Unjoni,

* xorta waħda kien ikollna l-invażjoni tal-immigranti illegali,

* u konna nkunu agħar,

* għaliex ma kienx ikollna l-għajnuna tal-UE.


Dan il-kliem ta’ Fenech Adami huwa qarrieq għall-aħħar,

* għax kieku ma sseħibniex fl-Unjoni Ewropea,                             

* pajjiżna ma kienx jiftaħ il-bibien beraħ għall-immigranti illegali.

 

Fenech Adami jaħti għal dan,

* għaliex kien il-Gvern immexxi minnu li ċeda għar-rikatt tal-UE

* li wissietu li jekk ma jħassarx ir-riservi li Malta kellha għall-Konvenzjoni dwar ir-Refuġjati,

* l-UE ma kinitx se ssieħeb lil Malta.                                             


Għandna l-invażjoni tal-immigranti illegali

* l-ewwelnett għaliex ħassarna dawk ir-riservi li l-Gvern Malti kien għamel fl-1971,

* għax hekk l-Unjoni Ewropea ġiegħlet lill-Gvern ta’ Fenech Adami.

 

 


Fit-tieni lok,

* ir-raġuni l-oħra għala għandna l-eluf ta’ immigranti illegali f’pajjiżna,

* hija li biex isseħibna fl-Unjoni,

* aċċettajna li nħarsu l-ftehim tal-UE li huwa magħruf bħala d-Dublin II,

* li jġagħlna nżommu f’pajjiżna l-immigranti illegali

* li għandhom jitqiesu bħala refuġjati u

* lil dawk li għandhom jingħataw protezzjoni umanitarja.


Fenech Adami u Gonzi jafu,

* iżda jridu jaħbu li,

* kieku Malta ma sseħbitx fl-Unjoni Ewropea,

* ma kienx ikollha tneħħi rriżervi tagħna għall-Konvenzjoni dwar ir-Refuġjati tal-1951,

* u lanqas kien ikollha tintrabat b’dak li tgħid id-Direttiva magħrufa bħala Dublin II tal-1993 tal-Unjoni Ewropea.


Għalhekk is-sħubija tagħna fl-Unjoni taħti għall-eluf ta’ immigranti illegali li għandna f’pajjiżna.

 

* Jaħtu ukoll Fenech Adami, Gonzi u l-bella kumpanija kollha (Simon Busuttil, Joe Borg, Richard Cachia Caruana, Joanna Drake, eċċ),

* li għamlu propaganda kbira ħalli l-Maltin jivvotaw favur is-sħubija

* u ħbew mill-poplu x’se jkunu l-konsegwenzi diżastrużi tal-ftehim ta’ sħubija

* li huma nnegozjaw mal-Unjoni,

* fosthom, l-invażjoni ta’ eluf ta’ immigranti illegali.

 

Qagħda soċjali li hi “splussiva”

 

Jean-Claude Juncker huwa l-Prim Ministru tal-Lussemburgu u jippresiedi l-laqgħat tal-Ministri tal-Finanzi tal-pajjiżi fiż-Żona Ewro.

 

Fil-laqgħa tal-4 ta’ Mejju huwa stqarr

* li l-pajjiżi tal-ewro qegħdin fil-qalba ta’ kriżi ekonomika u finanzjarja

* u qegħdin mexjin lejn kriżi soċjali li tista’ jkollha konsegwenzi “potenzjalment splussivi”.


Bi splużjoni soċjali Jean-Claude Juncker ried ifisser inkwiet kbir soċjali li jista’ jinfirex fi ġlied li jinqala’ minħabba l-miljuni ta’ ħaddiema bla xogħol fil-pajjiżi tal-ewro.


Fl-istess laqgħat tal-Ministri tal-Finanzi

* Juncker ħabbar li fis-16-il pajjiżi tal-ewro,

* il-qgħad kollu se jitla’ għal 9.9%,

* meta fis-27 pajjiżi tal-Unjoni Ewropea l-qgħad kollu jitla’ għal 9.4%.

 

Jiġifieri l-pajjiżi li għandhom l-ewro se jmorru agħar minn dawk fl-UE li ma daħħlux l-ewro.

 

F’pajjiżna spiss għadna nisimgħu

* politiċi,

* ekonomisti u

* opinjonisti li jipprovaw ibellgħu lill-poplu

* li bl-ewro morna aħjar milli kieku ma daħħalnihiex.


Sa Marzu li għadda l-qgħad fl-UE qabeż l-20 miljun persuna.

 

Anki f’pajjiżna l-qgħad jiżdied u qiegħed jiġri li dak li qabel ir-referendum tas-sħubija konna wissejna li se jiġri jekk nidħlu fl-Unjoni.

 

Skont stqarrija tal-ETC

* għandna f’pajjiżna ’l fuq minn 4,500 ħaddiema barranin li ġew mill-pajjiżi tal-UE.

 

 

Dan ifisser li barra l-invażjoni mill-immigranti illegali,

* għandna ukoll invażjoni ta’ ħaddiema mill-UE

* li kollha qegħdin jieħdu x-xogħol tal-Maltin

* u li għalhekk qegħdin ikabbru l-għadd tal-ħaddiema Maltin bla xogħol.


Qegħdin nitħassbu li l-qagħda soċjali f’pajjiżna hi potenzjalment splussiva,

* meta l-eluf ta’ ħaddiema Maltin huma qgħeda,

* waqt li xogħolhom jieħduh eluf ta’ barranin mill-UE

* u immigranti illegali li jaħdmu bil-permess

* u bla permess.

 

Biex ġensna jerġa’ jkun ħieles

 

Min mar jara l-musical “Ġensna” ma setax ma jiħux gost jiftakar kemm il-poplu Malti kellu jgħaddi minn inkwiet u tbatijiet taħt ħakkiema barranin, biex fl-aħħar kiseb il-ħelsien sħiħ fl-1979, bis-saħħa tat-tmexxija qalbiena u għaqlija ta’ Mintoff.


Madankollu ma jistax ma jiddispjaċik meta tintebaħ li issa erġajna ġejna taħt ħakma barranija,

* din id-darba tal-UE,

* u erġajna tlifna l-ħelsien.

 

Iżda agħar minn hekk,

* qegħdin naħbu mill-poplu tagħna

* li erġajna sirna poplu kolonjali,

* għax mhux aħna mmexxu ħwejjiġna,

* iżda nimxu kf iriduna nimxu tal-UE.


Jekk naħsbu ftit dwar il-Parlament Ewropew, għandna nindunaw kemm rajna m’għadux f’idejna.

 

Fil-Parlament Ewropew se jkun hemm 750 membru, li minnhom ħamsa biss huma minn Malta.

 

Jekk il-Parlament Ewropew jiddeċiedi ħwejjeġ li jolqtu lilna,

* mhux ir-rappreżentanti tagħna se jkunu ddeċidew dak li se jolqotna,

* iżda l-maġġoranza tas-750 membru tal-Parlament.

 

Il-ħamsa tagħna jkunu hemm għan-numru,

* mhux bħalma jseħħ fil-Parlament tagħna,

* fejn il-maġġoranza tar-rappreżentanti tal-poplu jiddeċedu x’isir f’pajjiżna.

Ġabuna hekk dawk fostna li ħasbu għal rashom u ma importahomx mill-ġieħ ta’ ġensna ħieles.

 

B’danakollu xorta waħda aħna għandna tama li minn fost dawk li ħadmu tassew għall-ħelsien ta’ Malta, għandu jkollna min irid jaqbad it-triq biex Malta terġa’ tikseb il-ħelsien sħiħ minn taħt il-ħakma tal-UE.

 

Għax aħna nemmnu li għad għandna Maltin li ma jimxux mal-idjoma “l-ewwel fwiedi mbagħad uliedi”, għax għalihom għadha Malta tiġi l-ewwel u qabel kollox.

 

Il-Ħamis, 14 ta’ Mejju, 2009

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

<< Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ