MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

   

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA  

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000

 

Id-delitt nazzjonali tas-Sea Malta

 

Barra li hu skandlu politiku kbir, il-każ tas-Sea Malta huwa wkoll delitt nazzjonali.

 

Għax huwa delitt kontra l-poplu Malti li l-Gvern, imħeġġeġ mill-Unjoni Ewropea, ta lill-barranin il-ħobż ta’ 144 haddiem Malti, li kienu jaqilgħu l-għajxien tagħhom mill-ġarr tal-merkanzija minn u lejn Malta.

 

Il-144 ħaddiema tas-Sea Malta kienu jitħallsu min-nolijiet li kienu parti mill-prezz li l-importaturi Maltin iħallsu għall-merkanzija li jġibu Malta u min-nolijiet li kienu jinġabru għall-merkanzija li l-esportaturi Maltin kienu jbiegħu lill-barranin.

 

Bid-deċiżjoni anti-nazzjonali tal-Gvern u ta’ l-Unjoni Ewropea dwar ix-xoljiment tas-Sea Malta, dawn in-nolijiet issa pajjiżna tilifhom, u issa qed idaħħalhom il-barrani privileġġjat mill-Gvern, li miegħu jaqsam ħabib tal-qalb tal-Gvern.


Huwa delitt nazzjonali li ċċaħħad lil pajjiżek id-dħul ta’ dawn in-nolijiet ta’ kull ġimgħa li llum qiegħed idaħħal il-barrani mingħajr ma jħallas minnhom il-pagi tal-144 ħaddiem tas-Sea Malta li l-Gvern, bil-barka ta’ l-Unjoni Ewropea, issensja.


L-istess merkanzija li qabel kienet tinġarr kull ġimgħa mill-144 ħaddiem Malti tas-Sea Malta, issa li l-Gvern mingħajr kuxjenza soċjali u għal kollox xieref għall-interessi nazzjonali, qiegħda tinġarr minn ħaddiema barranin.

 

B’hekk, il-Gvern u l-Unjoni Ewropea minflok jaraw kif iżidu u jkattru x-xogħol għall-ħaddiema Maltin, ħadulhom ix-xogħol li kien tagħhom u tawh lill-ħaddiema barranin. Dan jammonta għal delitt nazzjonali.

 

Kompliċi fid-delitt


Ma nistgħux naċċettaw li l-Prim Ministru Gonzi u l-Ministru Austin Gatt huma daqstant inkompetenti li ma fehmux x’dannu kbir kienu se jagħmlu lil pajjiżna meta x-xogħol ta’ 144 ħaddiem Malti tas-Sea Malta tawh b’xejn lill-barranin.

 

Kienu jafu sewwa x’qegħdin jagħmlu u għalhekk il-ħtija tagħhom aktar gravi għax huma ċedew l-interessi nazzjonali biex jgħoġbu u jobdu l-politika kapriċċjuża ta’ l-Unjoni Ewropea.

Huma kompliċi f’dan id-delitt nazzjonali dawk kollha li sostnew lill-Gvern fix-xoljiment tas-Sea Malta.

 

Fost dawn hemm is-sidien u l-industrijalisti Maltin li minflok waqfu lill-Gvern ħalli x-xogħol u l-ħobż tal-Maltin jibqa’ jinħadem u jittiekel mill-Maltin, żammew miegħu meta kienu jafu li d-dħul tan-nolijiet kienu sejrin għand il-barranin u ma kinux se jibqgħu jiċċirkolaw fl-ekonomija tal-pajjiż.

 

Kompliċi wkoll f’dan id-delitt nazzjonali kienu l-pampaluni tal-midja li minflok flew sew il-kwistjoni tas-Sea Malta, kif kien id-dmir tagħhom li jagħmlu jekk iridu jagħtu servizz lill-poplu, daqqew u amplifikaw id-diska tal-Gvern li b’mod mill-aktar diżonest, tefa’ l-ħtija tad-delitt fuq il-ħaddiema tas-Sea Malta.


Assistejna għal xeni ta' ipokresija grassa tal-Prim Ministru u tal-Ministru Gatt li minn fuq it-televizjoni xerrdu dmugħ tal-kukkudrilli għat-telfien ta’ l-impjieg tal-ħaddiema tas-Sea Malta, meta kienu huma għal xejn b’xejn li ġabu fit-tmiem l-impjiegi tal-ħaddiema tas-Sea Malta.

 

U xandara, li jippretendu li huma ġurnalisti ta’ l-affari tagħhom, minflok jiddiskutu b’mod oġġettiv il-kwistjoni magħhom, jissekondawhom fil-logħba ipokrita u diżonesta li kienu qegħdin jilagħbu biex iqarrqu bil-poplu.

 

Alternattivi siewja

 

Il-Gvern m’għandux ħajt tal-kenn dwar id-delitt li għamel tas-Sea Malta.

 

Jekk huwa ma kellux jibqa’ jżomm l-akbar numru ta’ isħma fil-kumpanija, imissu tahom lill-Maltin u b’hekk kien jipprivatizzaha u n-negozju tas-Sea Malta kien jibqa’ f’idejn il-Maltin u l-ħaddiema li s-Sea Malta privatizzata kienet iżżomm fl-impjieg, kienu jkunu Maltin.

In-nolijiet kien jibqa’ jdaħħalhom il-pajjiż.

 

Ma kienx iseħħu s-sensji ta’ 144 ħaddiem u ma kienx jiġri t-telf tan-nolijiet tat-trasport tal-merkanzija importata u ta’ dik esportata minn pajjiżna.


Il-Gvern iffroda lill-poplu Malti meta qabel xolja s-Sea Malta ta b’xejn l-akbar assi ta’ valur li kellha, li kien in-negozju li kienet tagħmel.

 

Dan kien att frodolenti bi ksur ta’ l-Artiklu 303 tal-Liġi dwar il-Kumpaniji.

 

Il-poplu Malti kien is-sid ta’ l-isħma tal-Gvern fil-kumpanija u meta jsiru l-kontijiet u jitħallsu d-djun tagħha, il-bilanċ li kien jibqa’ kien imur għand il-poplu, għax kien jieħdu l-Gvern.


Jekk issa, għax il-Gvern iffroda lill-poplu u lil min għandu jieħu mis-Sea Malta billi ta b’xejn in-negozju li hija kellha, hemm il-periklu li fost dawk li se jkunu l-vittmi ta’ dan l-att frodolenti, hemm l-istess ħaddiema baħħara tas-Sea Malta.

 

Dawn ikollhom raġun iżommu responsabbli ta’ xi telf li jġarrbu, kemm lill-Prim Ministru, kif ukoll lill-Ministru Gatt.


Il-Gvern mar kontra liġi li huwa stess kien għamel tliet snin ilu, il-Liġi dwar ir-Relazzjonijiet Industrijali.

 

L-Artiklu 38 tagħha jobbliga lil min jieħu n-negozju ta' kumpanija, li jżomm fl-impjieg il-ħaddiema tagħha, ħlief fil-każ tal-baħħara.

 

Minflok ra li l-imprenditur barrani jħares x’tgħid il-liġi, il-Gvern ħelsu minnha.

Id-delitt tal-Gvern huwa għalhekk aggravat.

 

L-ideoloġija politika żbaljata ta’ l-UE


Il-propagandisti ta’ l-Unjoni Ewropea jħobbu jsostnu li llum spiċċa ż-żmien tal-politika mfassla skond it-twemmin ideoloġiku. M’għadux iż-żmien ta’ l-ideoloġiji politiċi, jgħidu.


Iżda l-Unjoni Ewropea fil-fatt tħaddan ideoloġija politika leminija estrema tas-suq mhux imxekkel minn fatturi soċjali u xprunat biss mill-prinċipju ta’ kemm jista’ jagħmel profitti.

 

L-Unjoni timponi din l-ideoloġija politika fuq l-istati kollha li jkunu jridu jissieħbu fl-Unjoni u tisħaq li l-istati jħaddmu din il-politika, ikunu x’ikunu l-konsegwenzi ħżiena soċjali, l-ewwel fosthom, il-qgħad.


L-Unjoni Ewropea sa waslet biex din l-ideoloġija politika tagħha tiktibha fil-Kostituzzjoni li hija ħejjiet għall-Ewropa.

 

Din l-ideoloġija politika fil-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea l-aktar li qanqlet l-oppożizzjoni tal-maġġoranza tal-poplu Franċiż u tal-poplu Olandiż li vvutaw ‘le’ fir-referenda dwar il-Kostituzzjoni.

 

L-ideoloġija politika ta’ l-Unjoni tas-supremazija tas-suq u tal-profitti fuq kollox iddettawha l-kumpaniji kbar multi-nazzjonali u l-kumpaniji finanzjarji ta’ l-investiment li f’ħafna pajjiżi huma b’saħħithom aktar mill-Gvern.

 

Fl-Unjoni Ewropea dawn il-kumpaniji għandhom influwenza enormi speċjalment fuq il-Kummissjoni Ewropea li minnha jitwieldu l-liġijiet u d-direttivi ta’ l-Unjoni.

 

Il-forzi soċjali, bħal trejd unjins, m’humiex b’saħħithom biżżejjed fl-UE biex jieqfu lill-influwenza qawwija tal-kumpaniji multi-nazzjonali kbar u tal-kumpaniji finanzjarji ta’ l-investiment.

Il-politika ekonomika u kummerċjali ta’ l-Unjoni hija frott ta’ l-ideoloġija politika tas-suq u tal-profitt fuq kollox.

 

L-effetti tagħha huma t-tnaqqis ta’ l-industriji fil-pajjiżi ta’ l-Unjoni u tkabbir tal-qgħad.

 

Għax la darba l-kumpaniji multi-nazzjonali u dawk ta’ l-investiment finanzjarji jxommu li jistgħu jagħmlu aktar profitti jekk jinvestu u joperaw barra l-pajjiżi ta’ l-Unjoni, huma joħorġu mill-pajjiżi ta’ l-Unjoni mingħajr ma jimportahom mill-għeluq ta’ l-impriżi u mis-sensji tal-ħaddiema u l-impjegati ta’ l-Unjoni.

L-Unjoni Ewropea ma tagħtix kas ta’ l-isfruttament tal-ħaddiema fil-pajjiżi barra l-Unjoni fejn imur l-investiment finanzjarju u l-industriji li jżarmaw fil-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni.

 

Il-konsegwenzi ta’ din il-politika huma li l-prodotti maħdumin barra l-Unjoni jieħdu post dawk li kienu jinħadmu fil-pajjiżi ta’ l-Unjoni.

 

Minħabba dan, fl-Unjoni Ewropea hawn miljuni ta’ ħaddiema bla xogħol u sakemm l-Unjoni ma tbiddilx il-politika tagħha, jibqgħu jonqsu l-prodotti maħdumin fil-pajjiżi ta’ l-Unjoni u jibqgħu jonqsu l-ħaddiema u l-impjegati.

 

Din il-politika ta’ l-Unjoni Ewropea diġà għamlet ħsara kbira lil pajjiżna u jekk ma niċħdux din il-politika, se nġarrbu rovina akbar fiż-żmien li ġej.  

 

Is-Sibt, 14 ta’ Jannar, 2006

<< Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

  

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ