MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI


Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000 misruqa minn ħalq uliedek
Ahdar il-Gvern li għamel il-Baġit, mhux il-Baġit li għamel il-Gvern.
Din hi l-fehma
tal-kotra, li nħasdet meta semgħet il-Baġit li mhux biss ma tax żieda biex
tagħmel tajjeb għaż-żieda astronomika fit-tariffi tad-dawl u l-ilma, iżda żied
taxxi ġodda bl-iskuża li jrid iħares l-ambjent.
It-tort ta’ dan mhux kollu tal-Gvern.
L-Unjoni Ewropea għandha sehem mit-tort.
Għax l-Unjoni
ħeġġet lill-Gvern iżid it-tariffi tad-dawl u tal-ilma, biex it-telf li kien qed
isir minn dawn is-servizzi essenzjali ma jibqax jitħallas mit-taxxi miġburin
mingħand il-poplu, iżda jitħallas kollu kemm hu direttament mill-poplu, mingħajr
ma l-Gvern inaqqas minflok it-taxxi mħallsin mill-poplu.
Iż-żieda mogħtija fil-Baġit għall-għoli tal-ħajja ma tagħmilx tajjeb għal kemm
se togħla realment il-ħajja fit-12-il-xahar mill-1 ta’ Ottubru li għadda.
Fil-Baġit jingħad li “ż-żieda għall-għoli tal-ħajja, kif maħduma skond ir-rata tal-inflazzjoni f’Settembru ta’ din is-sena, se tkun tammonta għal €4.08 fil-ġimgħa”.
It-tariffi tad-dawl u l-ilma għolew mill-1 ta’ Ottubru.
Għalhekk il-Baġit stess jgħid li ż-żieda mogħtija għall-għoli tal-ħajja ma qiesitx iż-żieda fit-tariffi tad-dawl u l-ilma li seħħew wara l-aħħar ta’ Settembru.
Intqal li d-dħul miż-żieda fit-tariffi tad-dawl u l-ilma hija bejn 40 u 50 miljun ewro fis-sena.
Dan ifisser li minħabba d-dawl u l-ilma biss, il-ħajja lill-poplu se togħlilu bejn 40 u 50 miljun ewro fit-12-il xahar li bdew mill-1 ta’ Ottubru li għadda.
M’għandniex
ninsew li l-poplu se jġarrab dan kollu, minħabba s-sħubija fl-Unjoni Ewropea,
għax l-Unjoni trid li s-servizzi tad-dawl u tal-ilma ma jkunux issussidjati.
M’għandniex ninsew ukoll li l-Unjoni Ewropea trid aktar minn hekk.
L-Unjoni trid li d-dawl u l-ilma jkunu pprivatizzati, li tkun tfisser, li minn fuq dawn is-servizzi jsir qliegħ li jmur fil-bwiet tal-privat.
Il-qliegħ isir billi jerġgħu jogħlew it-tariffi.
L-ambjent skuża għat-taxxi
L-Unjoni Ewropea qiegħda wkoll tagħfas lill-gvernijiet tal-pajjiżi membri biex iħarsu l-ambjent u jnaqqsu t-tniġġis tal-arja.
Bl-iskuża
tal-ħarsien tal-ambjent u tal-arja, il-Baġit daħħal taxxi ġodda u żied oħrajn li
kien hawn.
L-ewwel żieda li nsibu fil-Baġit hija tas-sisa fuq il-petrol u d-diżil.
Il-Baġit jgħid li din iż-żieda se tmur f’fond għall-enerġija nadifa.
L-Unjoni Ewropea qiegħda tinsisti li l-pajjiżi jnaqqsu l-produzzjoni tal-enerġija miż-żejt u jaqilbu għal sorsi oħrajn ta’ enerġija li ma tħammiġx bħaż-żejt.
Il-Baġit qiegħed isegwi l-ordni tal-Unjoni a spejjeż tal-konsumaturi tal-petrol u tad-diżil.
Żieda fil-prezz
tal-petrol u tad-diżil iżżid l-ispejjeż ta’ kull forma ta’ trasport li jintuża
mill-pubbliku, u għalhekk ma niskantawx jekk issir talba biex jiżdiedu n-nolijiet
tat-trasport u l-prodotti li biex jinħadmu, jintuża d-diżil.
Meta l-attività ekonomika ta’ pajjiżna hija mhedda mill-kriżi tal-ekonomiji
tal-pajjiżi li lejhom nesportaw u li minnhom jiġu t-turisti, mhix ħaġa f’waqtha
li żżid l-ispejjeż tal-produzzjoni u tas-servizzi li pajjiżna jrid ibiegħ jew
jesporta.
Minflok nobdu b’għajnejna magħluqin l-ordnijiet tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġ li nqisu sewwa jekk hux il-mument li nxekklu aktar l-attività ekonomika tagħna billi nżidu l-ispiża tal-produzzjoni u tal-għoti tas-servizzi.
It-tieni żieda fit-taxxi li nsibu fil-Baġit hija fuq il-karozzi.
Bl-iskuża tal-ħarsien tal-ambjent u tal-arja, fuq l-eżempju tal-Unjoni Ewropea, il-Baġit bidel is-sistema tat-taxxi fuq il-karozzi u l-liċenzji tagħhom.
Aktar ma l-karozza tkun qadima, aktar tħallas għal-liċenzja tagħha.
Din il-bidla se tiswa lis-sidien tal-karozzi madwar 15-il miljun ewro aktar fis-sena, fil-waqt li dawk li jixtru karozza, se jħallsu darba madwar tmien miljun inqas.
It-taxxi msejħin eko-kontribuzzjonijiet
Taxxa oħra tal-Baġit hija dik imsejħa ‘Eco-contribution’, skond ma trid l-Unjoni Ewropea.
Din hija il-15 ċenteżmi li jridu jitħallsu fuq kull ‘plastic bag’ li tal-ħanut jagħtik.
L-iskuża għal din it-taxxa hija li l-‘plastic bags’ jagħmlu ħsara kbira u l-użu tagħhom għandu jinqered.
Iżda fil-waqt li l-Unjoni trid li jinqerdu l-‘plastic bags’, l-Unjoni Ewropea ġġagħlna fl-istess ħin nużaw il-fliexken tal-‘plastic’ minflok tal-ħġieġ li minn dejjem konna nużaw.
Bħallikieku
l-‘plastic’ tal-fliexken ma jagħmlux l-istess ħsara daqs il-‘plastic’ tal-boroż
jew basktijiet.
Din il-kontradizzjoni tal-Unjoni Ewropea għandha spjegazzjoni.
Il-produtturi tal-minerali jaqblilhom jużaw il-fliexken tal-‘plastic’ flok tal-ħġieġ u l-Unjoni Ewropea għamlet li talbuha tagħmel il-produtturi.
Il-pubbliku jsib aktar konvenjenti l-‘plastic bags’.
Iżda l-Unjoni ma
ġġibx ruħha mal-pubbliku kif iġġib ruħha mal-produtturi, u għalhekk qiegħda
tinsisti li l-‘plastic bags’ ma jibqgħux jintużaw.
Bis-saħħa tal-ħarsien tal-ambjent fuq l-insistenza tal-Unjoni Ewropea, il-Baġit
daħħal taxxa ġdida oħra msejħa wkoll ‘Eco-contribution’.
Din hija t-taxxa ta’ ċenteżmu għal kull 80 gramma ta’ karta wżata f’magazines u fuljetti kummerċjali mqassmin b’xejn.
L-għan ta’ din it-taxxa hu biex tintuża inqas karta ħalli jonqos il-konsum tal-karta u b’hekk jinqerdu inqas siġar li minnhom issir il-karta.
Bl-iskuża tal-ħarsien tal-ambjent kif trid l-Unjoni Ewropea, il-Baġit żied taxxa oħra, dik tal-liċenzji tas-‘swimming pools’.
F’dal-każ ma ntqalx kif billi jogħlew il-liċenzji tal-‘pools’ se jitħares l-ambjent.
Li huwa żgur se
jidied il-piż fuq dawk li għandhom ‘swimming pool’ u se jiżdied id-dħul
tal-Gvern mil-liċenzji tal-‘pools’.
Bis-saħħa taż-żidiet fl-‘Eco-contributions’, il-Gvern se jdaħħal madwar disgħa
miljun ewro aktar fis-sena, milli kien idaħħal minnhom qabel il-Baġit.
Minflok jgħin lill-poplu biex iħares l-ambjent, il-Baġit qiegħed ikabbarlu l-piżijiet u b’hekk ġejna fil-qagħda li l-poplu se jħallas għall-ħarsien tal-ambjent kif trid l-Unjoni Ewropea.
99 miljun ewro sisa
Iżda forsi l-agħar piż li l-poplu qiegħed ikollu jġorr minħabba l-politika tal-Unjoni Ewropea, huwa l-għadd kbir ta’ taxxi li qiegħed iħallas fuq il-prodotti taż-żejt mhux ta’ l-ikel), jiġifieri, petrol, pitrolju, diżil, gass u l-prodotti l-oħra taż-żejt.
Fil-Baġit insibu li s-sena li ġejja huwa stmat li l-poplu se jħallas l-ammont ta’ 99 miljun ewro f’sisa, taxxi, levies, sejħilhom li trid.
Id-diskors twil
tal-Baġit ma jsemmix dan l-ammont li bih huma miżjudin il-prezzijiet tal-petrol,
pitrolju, diżil, gass u l-prodotti l-oħrajn taż-żejt.
Iżda l-Estimi
uffiċjali li tqassmu mad-diskors tall-Baġit juru d-dħul ta’ dak l-ammont
għall-Gvern is-sena d-dieħla.
La l-Gvern u lanqas il-propagandisti tal-Unjoni Ewropea ma jfissru lill-poplu li
l-ammont ta’ 99 miljun ewro taxxi fuq il-petroleum huwa konsegwenza tas-sħubija
ta’ pajjiżna fl-Unjoni, għax din iġġiegħel lill-gvernijiet tal-pajjiżi membri
jimponu taxxi għolja fuq il-prodotti taż-żejt, bl-iskuża li b’hekk tiskuraġġixxi
u tnaqqas il-konsum tagħhom.
Iżda l-poplu jaf
li t-taxxi ma jrażżnux il-konsum ta’ dawn il-prodotti, imma jservu biss biex
jgħollu l-ħajja aktar.
Għalhekk, il-politika tal-Unjoni Ewropea li timponi dawn it-taxxi, hija politika
li żżid l-għoli tal-ħajja u l-Baġit li għadu kif tħabbar, se jkompli jkabbar din
il-problema għall-poplu tagħna.
Sejħa għal azzjoni
Issa hu l-mument ta’ azzjoni deċiża u qawwija.
Iż-żidiet
astronomiċi u ħesrem fit-tariffi tad-dawl u tal-ilma, mingħajr ma jingħata
kumpens xieraq fil-pagi, jitolbu li tittieħed azzjoni kontrihom.
Il-poplu għandu jiġi mħeġġeġ ma jħallasx il-kontijiet bit-tariffi l-ġodda u l-ħaddiema
tal-Enemalta għandhom jingħataw direttiva ta’ azzjoni industrijali li
tikkonsisti biex ma jaqtgħux is-servizzi tad-dawl u tal-ilma lill-konsumaturi li
ma jħallsux il-kontijiet.
Tista’ tittieħed ukoll azzjoni industrijali alternattiva, li tkun fis-sens li l-impjegati
tal-Enemalta u tal-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma ma jaħdmux il-kontijiet
skond it-tariffi ġodda u ma jibagħtux bil-posta dawk il-kontijiet.
Meta l-Gvern u l-Unjoni Ewropea jimponu miżuri soċjali inġusti ħafna, kull azzjoni radikali hija ġustifikata li tittieħed.
Il-Ħelsien tal-poplu m’għandux prezz
It-triq għall-Ħelsien ta’ pajjiżna mill-ħakma Ingliża kienet twila, iebsa, iżda kienet it-triq it-tajba.
Ħadniha b’kuraġġ,
imxejniha bi tbatija, iżda wasalna, għax kellna r-rieda soda.
Bl-istess mod, it-triq tal-ħelsien ta’ pajjiżna mill-ħakma tal-Unjoni Ewropea
tista’ tkun iebsa, tista’ tkun twila, iżda la hija t-triq it-tajba, m’aħniex se
niddivjaw minnha, tkun kemm tkun kbira it-tbatija, sakemm nirbħu mill-ġdid
il-Ħelsien.
M’aħniex se nħallu l-interessi personali tagħna jirkbu l-interessi nazzjonali.
M’aħniex se nqisu x’nistgħu niggwadanjaw aħna bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea, meta nafu x’tilfu u x’ser jitilfu dawk kollha li jgħixu bil-paga li jaqgħilu b’xogħolhom bħala konsegwenza tas-sħubija fl-Unjoni u tal-politika tagħha.
Mhux se
nistaħbew wara l-iskuża li la l-maġġoranza emmnet hekk, aħna se nemmnu bħalha.
La darba nemmnu li l-poplu Malti ma jaqbillux iċedi l-Indipendenza, il-Ħelsien u
s-Sovranità tiegħu, m’aħniex issa se nbaxxu rasna u nirrassenjaw ruħna li ngħixu
mhux ħielsa, mhux indipendenti u mhux sovrani, għal ebda prezz u għal ebda
gwadann materjali.
Rajna f’idejna jiswa aktar mill-akbar somma f’butna.
Għalina, il-Ħelsien tal-poplu tgaħna m’għandux prezz.
Il-Ħamis, 13 ta’ Novembru, 2008
IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju
Finanzjarju CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ