MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
minn Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI
JEKK TIRRISPETTA L-KOSTITUZZJONI TA' PAJJIŻEK GHID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGHEK JIRRISPETTA L-FEHMIET TIEGHEK U MA JIVVOTAX FAVUR IL-KOSTITUZZJONI TA' L-UNJONI EWROPEA LI TKASBAR IL-KOSTITUZZJONI TA' MALTA.
GĦID LILL-KANDIDAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000
Xitwa ħarxa flok rebbiegħa sabiħa
Il-ftehim ta’ sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea se jġib inkwiet soċjali kbir f’pajjiżna.
Illum qegħdin nassistu għall-oxxenità li l-Gvern għamel lill-ħaddiema tat-Tarzni.
Għada se jagħmel oxxenità oħra mal-ħaddiema tax-Xatt.
Imbagħad se jdur għall-ħaddiema tal-Public Broadcasting Services (PBS).
Wara
jkun imiss lill-ħaddiema ta’ l-Air Malta, u nibqgħu sejrin hekk
sakemm inħallu lill-Unjoni Ewropea timponi l-politika anti-soċjali tagħha
fuqna.
Sadanittant il-Gvern qed jarma lill-Pulizija ħalli jilqgħu għall-irvellijiet.
Din il-ġimgħa rajna xeni ta’ għadd ta’ pulizija lesti għall-inkwiet jgħassu ma’ Kastilja, ma’ l-istamperija tat-Times u mal-Qorti.


Rajna
mijiet ta’ ħaddiema tas-sengħa, kapijiet tal-familja, mgħaddba
għall-Gvern u għal Fenech Adami, Gonzi u Dalli, fit-toroq tal-Belt,
minflok fuq xogħolhom jaħdmu ħalli jitkattar il-ġid ta’
pajjiżna.
Il-Gvern tagħna – ħali u bla kuxjenza soċjali, mifni bi skandli
kbar – minflok jippjana l-ewwel kif jutilizza s-snajja’ tal-ħaddiema li
mhux se jibqgħu fuq xogħol tat-tiswija u tal-bini tal-vapuri, hu
kuntent li jħallashom bla ma jagħmlu xejn ħlief jhewdnu x’se jiġri
minnhom u mnikkta għax ma jafux fejn u ma’ min se jmorru jaħdmu.
Fl-istess
ħin il-Prim Ministru u l-Ministru qishom m’hu qed jiġri xejn, jiftaħru
kemm se mmorru tajjeb bis-sħubija fl-UE, u bl-aktar mod servili jwettqu r-regoli
u l-impożizzjonijiet ta’ l-Unjoni, minkejja li dawn huma anti-soċjali
u ta’ dannu kbir għal pajjiżna.
Is-CNI
tikkundanna l-agir anti-nazzjonali tal-Gvern Malti.
Tikkundanna l-politika anti-socjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Tiċħad
il-ftehim tas-sħubija li l-Gvern għamel ma’ l-Unjoni Ewropea.
Twiegħed solidarjetà sħiħa mal-ħaddiema Maltin u li qeghdin
iġarrbu din l-umiljazzjoni kollha.
Tappoġġja l-isforzi kollha li l-GWU qiegħda tagħmel biex tħares
l-interessi tal-ħaddiema milquta bit-twettiq tal-politika ta’ l-UE.
Tappella lill-ħaddiema Maltin kollha jingħaqdu fl-union ħalli din
tkun tista’ tiddefendi l-interessi u d-drittijiet tagħhom.
Minflok ir-rebbiegħa li Fenech Adami jinsulentana biha, ġejja xitwa
ħarxa għall-ħaddiema Maltin.
L-ewwel se jkollna t-tempesta tal-Budget.
Imbagħad wara li jgħaddu l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Ġunju li ġej, ikollna t-tempesti l-oħra dwar
* il-pensjonijiet,
* il-kura tas-saħħa,
* is-servizzi soċjali, u
* beraq ieħor,
kollu
frott tas-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea.
It-torċa
tal-Ħelsien ma tintefiex
Wara li l-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista qatgħet x’għandha tkun il-politika tal-partit dwar l-Unjoni Ewropea, nafu ftit aħjar x’forzi hawn illum f’Malta li mhux bi ħsiebhom jitkaxkru b’dak kollu li l-UE tiddeċiedi għall-pajjiżi membri tagħha.
F’dan
il-kamp hawn partit politiku, il-Partit Laburista, u żewġ
organizzazzjonijiet mhux governattivi, il-Front
Maltin Inqumu (FMI) u l-Kampanja
Ħelsien Nazzjonali (CNI).
Il-Partit Laburista ntrabat mad-delegati tiegħu li jaħdem bla heda
ħalli jara li l-ftehim ma’ l-UE ma jkunx żvantaġġjuż
u ta’ ħsara għall-poplu Malti u speċjalment għall-ħaddiema.
Il-Front
Maltin Inqumu (FMI) stqarr li l-ftehim
li l-Gvern Nazzjonalista għamel ma’ l-UE għandu jinbidel bi ftehim
li jħares il-Kostituzzjoni ta’ Malta, ma jirfisx il-politika ta’
newtralità u favur il-ħidma għall-paċi, li jħalli lil Malta
ħielsa fil-qasam ekonomiku li tkattar ix-xogħol u l-impjiegi u tagħmel
ftehim ta’ kummerċ ma’ kull pajjiż li lest jgħin lil pajjiżna.
Is-CNI
(Kampanja Ħelsien Nazzjonali)
hija t-tielet organizzazzjoni f’Malta li mhix lesta tittradixxi lill-Maltin.
Għalhekk is-CNI qiegħda ssostni li la darba l-ftehim tas-sħubija ta’ Malta li l-Gvern Nazzjonalista għamel ma’ l-UE huwa ta’ dannu kbir għall-poplu Malti, dak il-ftehim m’għandux ikun il-bażi tar-relazzjonijiet ta’ pajjiżna ma’ l-UE.
Is-CNI
temmen ukoll li hija għandha tkompli tikkumbatti ħalli l-poplu Malti
jgħożż l-Indipendenza u l-Ħelsien u s-sovranità tiegħu,
li huma mhedda serjament bil-ftehim tas-sħubija fl-UE.
Il-kamp
anti-nazzjonali
Illum
qegħdin naraw li l-Gvern Nazzjonalista ħeba mill-poplu Malti x’inhu
l-istat veru
* tal-qasam finanzjarju,
* tal-qasam tas-servizzi soċjali,
* tal-qasam tas-saħħa,
* tal-qasam industrijali u
* l-impjiegi, u
* ta’ oqsma oħra.
Issa l-Gvern qed jgħidilna li l-istat ta’ ebda wieħed minn dawn l-oqsma m’huwa sostenibbli.
Qabel
l-elezzjoni, Fenech Adami u sħabu, imdawrin mill-kor ta’ 31 vuċi
stonati, kienu jintonawlna ftaħir u ferħ kemm konna sejrin tajjeb
f’dawn l-oqsma kollha, u kemm se mmorru aħjar fihom meta nissieħbu
fl-Unjoni Ewropea.
Fil-kamp l-ieħor li lest jissagrifika kollox għal dak li l-Unjoni
Ewropea trid, hawn il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern, il-Partit ta’ l-Alternattiva,
u l-31 organizzazzjonijiet u għaqdiet li fformaw il-kor ċelebri li
akkumpanja lill-Gvern Nazzjonalista fil-ħadma li ħadem lill-maġġoranza
żgħira tal-Maltin u l-Għawdxin fl-aħħar elezzjoni.
Iżda l-kundizzjonijiet tal-ftehim tas-sħubija fl-UE, minflok huma ta’
għajnuna għalina fl-oqsma kollha msemmija, se jkunu ta’ dannu aktar
għalina, għax il-politika ta’ l-Unjoni f’dawk l-oqsma ma tgħoddx
għalina u mhix addattata għaċ-ċirkostanzi tagħna, ta’
pajjiż żgħir iċken minn belt fil-pajjiżi l-oħra
membri ta’ l-Unjoni.
L-akbar
saram li għandna bil-ftehim tas-sħubija fl-Unjoni huwa li m’aħniex
ħielsa li nimxu f’kull qasam b’politika li l-maġġoranza
tal-poplu Malti tagħżel fl-elezzjoni ġenerali, iżda jkollna
bħal ilsira noqogħdu ghal dik il-politika li l-Unjoni Ewropea tiddeċiedi
għal kull pajjiż imsieħeb fl-Unjoni.
Is-CNI
ma tridx li l-fjamma ta’ l-Indipendenza u t-torċa tal-Ħelsien
jintfew f’Malta.
Għalhekk is-CNI se tkompli tħabbrek ħalli ż-żgħażagħ Maltin jerġgħu jifhmu li l-Indipendenza u l-Ħelsien huma l-għeżeż ħwejjeġ li kull ġens jista’ jkollu.
Is-CNI
trid tfiehem liż-żgħażagħ Maltin li għandhom ikunu
huma li jfasslu l-ġejjieni ta’ pajjiżna u mhux il-ġejjieni tagħhom
jitfassal mill-maġġoranza tal-popli barranin tal-pajjiżi l-oħra
fl-Unjoni Ewropea.
Biex il-ġnus ta’ l-Ewropa naħdmu flimkien m’hemmx għaliex
nitilfu l-ħelsien tagħna.
In-nuqqas
ta’ ħelsien għad f’qasir żmien ikun il-kawża li l-ġnus
imgezza f’għaqda waħda jirribellaw u jerġgħu jitolbu l-ħelsien
tagħhom.

F’qasir żmien, jerġa’ jseħħ dak li ġara fl-Unjoni
Sovjetika meta r-repubbliki li kienu jifformaw l-USSR (Union of Soviet Socialist
Republics), iġġieldu biex jieħdu l-indipendenza tagħhom.
Jiġri dak li seħħ miċ-Ċekoslovakkja, meta s-Slovakkja
hadet l-indipendenza tagħha mir-Repubblika Ċeka.
Jiġri
dak li ġara fil-Jugoslavja, meta s-Slovenja, il-Kroazja, il-Herżegovina
u l-Bosnia ġġieldu għall-helsien tagħhom minn mas-Serbia u
l-Montenegro.
Din hija t-tagħlima ta’ l-istorja.
L-istess jiġri fl-għaqda li mhix naturali tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea.
Malta
terġa’ tkun indipendenti u ħielsa sakemm il-fjamma ta’ l-Indipendenza
u t-torċa tal-Ħelsien ma jintefgħux fil-qlub u fl-imħuħ
tal-poplu tagħna.
Aktar
qgħad bis-sħubija fl-UE
Il-kefrija
tal-politika ta’ l-Unjoni Ewropea qiegħda tinħass fil-ħruxija
kollha tagħha fil-miżuri li l-Gvern ha fuq ordni ta’ l-Unjoni kontra
l-ħaddiema tat-Tarzni tagħna.
Min jifli l-Annex numru 11 tat-Trattat ta’ Sħubija li Fenech Adami ffirma
fis-16 ta’ April f’Ateni, u li Alfred Sant ma kienx se jiffirma, isib li l-Unjoni
Ewropea ffissat hija, u Fenech Adami aċċetta, kemm jista’ jsir xogħol
fit-Tarzni Maltin u x’inhu n-numru tal-ħaddiema produttivi li jistgħu
jkomplu jaħdmu fit-Tarzni.
L-Unjoni Ewropea wżat il-giljottina mal-ħaddiema tat-Tarzni Maltin għax
hemm “excess capacity” fit-Tarzni tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni, jiġifieri,
l-ammont ta’ xogħol li t-Tarzni huma kapaċi jagħmlu, huwa akbar
mill-ammont tax-xogħol ta’ tiswija u ta’ bini tal-vapuri li hawn illum.
Għalhekk, l-Unjoni Ewropea qatgħetha li t-Tarzni ta’ Malta ma jistgħux
jaqbżu ammont ta’ xogħol aktar minn żewġ miljuni “man
hours” fis-sena.
Politika
diżastruża
Għal Malta, din il-politika ta’ l-Unjoni Ewropea hija diżastru kbir.
Il-problema ewlenija u dejjiema ta’ pajjiżna hija n-nuqqas ta’ xogħol għan-numru ta’ ħaddiema li għandna.
Fl-imgħoddi
taffejna għal din billi eluf ta’ ħaddiema kellhom jemigraw.
Wara li pajjiżna ha rajh f’idejh, bnejna industriji ħalli l-ħaddiema
tagħna jibqgħu jaħdmu f’Malta.
Biex
għamilna dan, tajna għajnuniet u inċentivi lill-imprendituri
ħalli joħolqu x-xogħol u l-opportunitajiet ta’ eluf ta’
impjiegi.
Imma issa skond il-ftehim li rabatna ma’ l-Unjoni Ewropea, ma nistgħux
nibqgħu mexjin b’din il-politika li permezz tagħha ħloqna xogħol
u impjiegi f’pajjiżna.
L-Unjoni
Ewropea, bil-ftehim li Fenech Adami ffirma fis-16 ta’ April f’Ateni, u li l-Oppożizzjoni
Laburista fil-Parlament ivvotat kontra r-ratifika tiegħu, ħadilna d-dritt
li nkomplu nagħtu għajnuniet u inċentivi lill-industrija, bl-iskuża
tal-prinċipji tal-kompetizzjoni ħielsa.
Din il-politika ta’ l-Unjoni Ewropea hija ta’ ostaklu kbir ħafna għat-twaqqif
ta’ intrapriżi ġodda f’pajjiżna, u anke għat-tkomplija
ta’ x’uħud mill-intrapriżi li għandna joperaw f’pajjiżna
llum.
L-investiment
ġdid li bil-politika ta’ għajnuniet u inċentivi konna nistgħu
nġibu lejn pajjiżna, issa jmur f’pajjiżi girien li m’humiex
marbutin bil-politika ta’ l-Unjoni Ewropea.
Xi intrapriżi li llum għandna, meta jitilfu l-għajnuniet li
kellhom, ifittxu jmorru fejn l-għajnuniet jistgħu jingħatawlhom.
Dan
huwa kollu telf ta’ xogħol u impjiegi għalina, minħabba l-ftehim
li rabatna Fenech Adami bih ma’ l-Unjoni Ewropea.
Aktar
xoghol u mhux inqas
Is-soluzzjoni
li l-Unjoni Ewropea imponiet fuq il-Gvern Malti għall-problema tat-telf li
t-Tarzni jagħmlu kull sena, hija soluzzjoni ħażina ħafna għal
Malta.
Aħna għandna bżonn inġibu aktar xogħol għal pajjiżna
halli nħaddmu aktar ħaddiema u ħalli ndaħħlu aktar flus
barranin li tant għandna bżonn biex inkunu nistgħu nixtru dak li
jeħtieġilna minn barra.
Minflok infittxu li nġibu aktar xogħol għat-Tarzni tagħna,
l-Unjoni Ewropea sforzatna naċċettaw limitu ta’ l-ammont ta’ xogħol
tat-tiswija u tal-bini tal-vapuri li nistgħu nagħmlu kull sena.
Fil-qasam tax-xogħol, il-politika ta’ l-Unjoni Ewropea hija mibnija fuq
prinċipji soċjali ħżiena u li ma naqblux magħhom.
Għall-Unjoni
Ewropea, fil-qasam ta’ l-industrija tal-manifattura u ta’ l-industrija
tas-servizzi, ir-regoli tas-suq huma fuq kollox u assoluti u l-kompetizzjoni
hija kmandament ieħor u ma tistax tixxekkel.
Mhux
hekk, iżda, fil-qasam tal-biedja fejn ir-regoli tas-suq ħieles u
tal-kompetizzjoni ma jeżistux.
Minħabba l-politika żbaljata tagħha, l-Unjoni Ewropea
ġġiegħel lill-pajjiżi membri tagħha jħallsu
miljuni kbar biex ħaddiema jitilqu mill-impjieg fejn l-azjendi jkunu qegħdin
jitilfu, minflok ma jagħtu lil dawk l-azjendi l-istess ammont ta’ flus
biex ikunu jistgħu jkomplu jagħtu xogħol u impjieg lill-ħaddiema
tagħhom.
Għalhekk hawn tant miljuni ta’ ħaddiema qiegħda bla xogħol
fil-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea.
Din il-politika żbaljata u anti-soċjali, l-Unjoni Ewropea qiegħda
timponiha fuq Malta u l-Gvern ta’ Fenech Adami huwa kuntent li jżid id-dejn
billi jħallas il-miljuni ħalli mijiet ta’ ħaddiema tat-Tarzni
jitilqu mill-impjiegi.
Minflok qed jinħoloq aktar xogħol, qiegħed jinħoloq aktar qgħad bis-saħħa tal-ftehim tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea.
IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA
Il-Ħamis, 13 ta’ Novembru, 2003
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola liċ-
Segretarju Finanzjarju
CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ