MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA

L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li fis-sena 2011 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha €68,000,000

€186,000 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

minn Kampanja ghall-Helsien Nazzjonali CNI

 

L-UE tkompli tfaqqar lil Malta

 

Mhux minnu li ma nistgħux noħorġu mill-Unjoni Ewropea.

Araw dan il-video tal-Parlament Ewropew kif nistgħu noħorġu

 Video Parlament Ewropew

 

Il-propagandisti f’Malta tal-Unjoni Ewropea, ħafna minnhom imħallsin minna stess, qegħdin jiftaħru li fis-seba’ snin tas-sħubija tagħha Malta ħadet mat-€354 miljun aktar milli fil-fatt ħallset lill-istess Unjoni.

 

Dawn jafu li qegħdin iqarrqu bil-poplu Malti għax l-infiq u l-ispejjeż li Malta kellha tagħmel minħabba s-sħubija fl-UE huma ferm aktar mill-bilanċ bejn il-fondi mogħtijin mill-Unjoni u l-ħlasijiet ta’ Malta lilha.

 

Biex naraw jekk pajjiżna marx minn fuq jew minn taħt bis-sħubija fl-UE, irid isir kont dettaljat ta’ x’ħa pajjiżna u x’infiq kellu jsir, inkluż l-ispejjeż li kellna nagħmlu minħabba d-dħul tagħna fil-blokk Ewropew.

 

Ilna żmien nisfidaw lill-Gvern biex isir ‘cost-benefit analysis’ tar-relazzjoni ta’ Malta u l-UE, iżda hu u l-propagandisti tal-UE dejjem irrifjutaw li jsir dan l-eżerċizzju.

 

Ir-raġun għar-rifjut hi ovvja… ‘cost-benefit analysis’ juri li Malta tilfet u mhux ggwandanjat finanzjarjament mis-sħubija!

 

Forsi agħar minn kemm pajjiżna qiegħed jitlef kull sena minħabba s-sħubija

* hu l-fatt li meta pajjiżna għandu total ta’ kważi €5 biljun ta’ dejn pubbliku,

* l-UE tobbligana bħala membri li nissellfu biex insellfu madwar

* €74 miljun lill-Greċja,

* €5 miljun lill-Irlanda u

* €8 miljun lill-Portugall,

* filwaqt li tobbligana li nagħtu garanzija ta’ €704 miljun

* lill-Fond ta’ Stabbilità Finanzjarja Ewropea

* biex dan jgħin lill-pajjiżi taż-Żona Ewro li jkunu se jfallu.

 

Terġa’ tgħid dan l-ammont ta’ €704 miljun mhuwiex il-massimu li pajjiżna se jkun qed jiggarantixxi, għax kemm-il darba l-UE tiddeċiedi (jew aħjar il-Kanċellier Ġermaniż Angela Merkel u l-President Franċiż Nicolas Sarkozy jiddeċiedu) li l-fond sħiħ ta’ €780 biljun għandu jitkabbar għal bejn €2 u €3 triljun, il-garanzija finanzjarja tagħna trid tkun ferm u ferm akbar.


Il-membri kollha tal-Parlament Malti vvotaw favur kemm is-self kif ukoll il-garanzija msemmija u b’hekk ittimbraw id-deċiżjoni tal-UE li tkompli tfaqqar lil Malta.


Skont ma qal il-President tal-Kummissjoni Ewropea Josè Manuel Barroso f’indirizz lill-Parlament Ewropew ftit tal-jiem ilu, il-gvernijiet tal-pajjiżi membri fl-aħħar tliet snin taw €4.6 triljun (€4,600,000,000,000) lill-banek u lill-istituzzjonijiet finanzjarji biex ma jfallux.

 

Issa Merkel u Sarkozy iddiskutew kif għandu jiżdied il-kapital tal-banek tal-Ewropa ħalli dawn ikunu jistgħu jilqgħu għall-kriżi finanzjarja li hawn.


Dawn il-fatti jitolbu riflessjoni serja.

 

S’issa dejjem qalulna li l-Istat m’għandux ikollu kontroll fuq il-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji u li dawn l-aħjar li jkunu privati biex jitmexxew b’mod effiċjenti.

 

Għalhekk l-UE tinsisti dwar il-privatizzazzjoni tal-banek u l-istituzz­jonijiet finanzjarji.

 


Iżda llum jidher ċar li l-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji privati ma jistgħux ikomplu mingħajr għajnuna mill-Istat.

 

Dan ifisser li fondi pubbliċi jkollhom jintużaw biex jagħmlu tajjeb għat-tmexxija fallimentari tas-settur privat.

 

B’hekk tqum wa ħedha l-mistoqsija għaliex l-Istat m’għandux ikollu mill-ewwel f’idejh il-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji?


Issa ma tantx jista’ jkompli jingħad li s-settur privat imexxi b’mod aktar effiċjenti l-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji la darba tliet snin ilu kellhom jingħataw €4.6 triljun mill-fondi pubbliċi biex ma jfallux u issa qed jingħad li jeħtieġ li jingħataw aktar kapital mill-fondi pubbliċi biex jegħlbu l-kriżi finanzjarja li hawn.

 

Hu diffiċli għall-UE li tbiddel it-twemmin ideoloġiku tagħha kontra n-nazzjonalizzazzjoni tal-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji, iridu jkunu l-popli tal-pajjiżi membri tal-UE li jiġġieldu ħalli l-mexxejja tagħhom jifhmu li ladarba l-fondi pubbliċi jridu jsalvaw lill-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji, dawn għandhom ikunu pubbliċi mhux privati u l-profitti minnhom għandhom imorru għand il-poplu kollu, mhux għand il-ftit sidien privati tagħhom.


Jekk il-poplu jemmen li hu sewwa u ġust li jkun sid il-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji fil-pajjiż, għandu jinsisti mal-mexxejja politiċi biex dawn jgħidu lill-UE li pajjiżna mhux se jkun marbut bil-politika Ewropea li tinsisti li l-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji jkunu privatizzati.

 

Issa hu l-mument li ssir din il-ġlieda meta l-mexxejja tal-UE qegħdin jiddiskutu biex fondi pubbliċi jintużaw ħalli jsalvaw il-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej.


F’Malta f’dawn l-aħħar snin ma nħassitx il-ħtieġa li fondi pubbliċi jingħataw lill-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji lokali biex isalvaw, iżda l-UE qiegħda tobbliga lill-Gvern Malti jagħti fondi pubbliċi biex banek privati fi Franza, il-Ġermanja u l-Belġju ma jispiċċawx minn taħt għax ma jitħallsux lura l-fondi li sellfu lill-Gvern Grieg.

 

 Dan ifisser li pajjiżna qiegħed iżid id-dejn pubbliku fl-aħħar mill-aħħar għall-wiċċ banek privati barranin.


U minkejja dan, l-UE tibqa’ ssostni l-politika tal-privatizzazzjoni tal-banek, meta taf li jridu jkunu fondi pubbliċi li jsal­vawhom!

 

Pensjonijiet privati

 

Minkejja dan il-fatt li ħafna banek u istituzzjonijiet finanzjarji privati Ewropej jiddependu minn finanzjament pubbliċi, l-Unjoni qiegħda tagħfas ħalli anke l-pensjonijiet ikunu f’idejn istituzzjonijiet kummerċjali privati u mhux f’idejn l-Istat.

 

Għalhekk l-UE trid li fil-pajjiżi membri tidħol is-sistema tal-pensjoni tat-tieni pilastru (2nd Pillar Pension), li tkun addizzjonali għall-pensjoni bażika tal-Istat u li din ma tkunx imħaddma mill-Istat, iżda minn kumpaniji kummerċjali privati tal-pensjonijiet.

 

Skont l-UE, is-sistema tal-pensjoni tat-tieni pilastru għandha tkun obbligatorja u għaliha l-ħaddiema jkollhom iħallsu l-kontribuzzjonijiet lill-kumpaniji privati bħalma jħallsu l-kontribuzzjonijiet lill-Istat għall-pen­sjoni bażika.


Il-kumpaniji kummerċjali privati tal-pensjonijiet jinvestu l-kontribuzzjonijiet li jdaħħlu u mill-profitti ta’ tali investimenti jħallsu l-pensjonijiet.

 

Issa ladarba l-ħaddiema se jkunu obbligati jħallsu l-kontribuzzjonijiet tat-tieni pilastru mhemmx raġuni għaliex il-kontribuzzjonijiet ma jitħallsux lill-Istat u jkun dan li jinvestihom ħalli mill-profitti tagħhom titħallas it-tieni pensjoni.


Dawk li jsostnu li l-kumpaniji kummerċjali privati għandhom ħila aktar mill-Istat li jinvestu bl-aħjar mod il-fondi tagħhom, l-istess jinsew kemm kien hawn kumpaniji kummerċjali privati tal-pensjonijiet li kellhom jiġu salvati mill-fallimenti bl-għoti ta’ fondi pubbliċi mill-Istat.


L-UE, li ssotni li l-pensjoni tat-tieni pilastru għandha tkun f’idejn il-privat, trid iċċaħħad lill-Istat – u għalhekk lill-pubbliku – mill-gwadann tal-profitti mill-investimenti tal-fondi tal-kontribuzzjonijiet imħallsin mill-ħaddiema, biex minflok dan imur fil-bwiet ta’ ftit privati.

 

Gonzi jabbanduna l-politika favur il-paċi fost il-ġnus

 

minn Karmenu Mifsud Bonnici, Kampanja ghall-Helsien Nazzjonali CNI

 

Il-Prim Ministru Gonzi sfaċċatament mar kontra l-Kostituzzjoni ta’ Malta li hu kien ħalef li jħares.

 

Hu jiftaħar bl-ottraġġ li wettaq fl-okkażjoni tal-gwerra fil-Libja.

 

Filwaqt li l-Kostituzzjoni tagħna tgħid li pajjiżna għandu jaħdem attivament għall-paċi fost il-ġnus, il-Gvern Malti, immexxi minn Gonzi, flok stinka biex isir ftehim ta’ paċi fil-Libja, ta s-sehem tiegħu biex titmexxa l-gwerra kontra l-Gvern Libjan.


Għax għalkemm il-Prim Mi­nistru dejjem jagħfas fuq l-għajnuna umanitarja li Malta tat lil-Libja, jirriżulta bħala fatt ċert li pajjiżna ħa sehem ukoll militarment, waqt li rrifjuta li jieħu sehem fl-isforzi għall-paċi li saru.


Dan il-fatt kixfu l-Kap stess tal-Kunsill Tranżitorju Nazzjonali Libjan Dr Jalil, meta għamel żjara f’Malta fit-18 ta’ Settembru li għadda u rringrazzja uffiċjalment lil pajjiżna għall-għajnuna militari li tat matul iż-żmien tar-rivoluzzjoni.

 

Fil-fatt, fir-rapport ta’ The Times  of Malta tad-19 ta’ Settembru jingħad testwalment li “Dr Jalil irringrazzja lil Malta għall-appoġġ umanitarju, mediku u “militari” tul ir-rivoluzzjoni” (“Dr Jalil thanked Malta for the humanitarian, medical and ‘military’ support throughout the revolution”).

 

It-Times tant tat importanza lir-referenza diretta għall-għajnuna militari li poġġiet il-kelma militari f’virgoletti, mhux bħalma għamlet għall-għajnuna umanitarja u dik medika.


Is-sehem militari ta’ pajjiżna fil-gwerra tal-Libja hu inkompatibbli mal-obbligu ta’ Malta li taħdem attivament għall-paċi, għalhekk Gonzi kiser il-ġurament li ħa meta ngħata l-kariga ta’ Prim Ministru.

 

Mhux biss… hu żamm dan mistur mill-poplu Malti.


Issa l-Prim Ministru Ingliż David Cameron ukoll tana ċertifikat tal-parteċipazzjoni militari ta’ Malta fil-gwerra Libjana.

 

Fl-ittra li bagħat lil Gonzi mas-Segretarju tad-Difiża Liam Fox, il-Prim Ministru Ingliż wera l-gratitudni u r-ringrazzjamenti tar-Renju Unit għall-għajnuna li pajjiżna ta lill-bastimenti u lill-ajruplani tal-gwerra Ingliżi, u għall-għajnuna li l-kontrolluri tal-ajru Maltin taw lill-ajruplani militari Ingliżi li ħadu sehem fil-gwerra fil-Libja.


Cameron sa wasal biex kixef li s-sehem ta’ Malta f’dawn l-operazzjonijiet militari kien “kruċjali” għas-suċċess tagħ­hom.

 

L-ittra tal-Prim Ministru Ingliż tixli b’mod inkontestabbli lill-Gvern Malti b’parteċipazzjoni militari f’din il-gwerra, minkejja l-obbligu kostituzzjonali li pajjiżna għandu biex jaħdem favur it-tisħiħ tal-paċi u għalhekk ma jiħux sehem fi gwerer.


L-għajnuna militari li ngħatat lill-ajruplani u lill-bastimenti Ingliżi ngħatat ukoll lil dawk Franċiżi u Amerikani li kienu qegħdin jieħdu sehem fl-istess aggressjoni.

 

Dizunur lil Malta

 

Il-Gvern Malti għamel diż­unur lill-poplu Malti meta abbanduna l-politika ta’ pajjiżna favur il-paċi u minflok stinkaw biex iwasslu liż-żewġ naħat tal-gwerra ċivili Libjana qrib ftehim, irrifjutaw it-talbiet li saru għall-medjazzjoni u ħeġġew li l-ġlied ikompli sejjer minkejja l-eluf ta’ vittmi kemm fost il-ġellieda kif ukoll fost il-popolazzjoni ċivili.


Gonzi u l-pappagalli tal-Gvern jiftaħru bis-sehem kbir li pajjiżna ta f’għajnuna umanitarja lil-Libjani u l-barranin li telqu mil-Libja minħabba l-ġlied, iżda konvenjentement jinsew li l-aktar għajnuna umanitarja li stajna nagħtu kienet dik li noffru s-servizz tagħna ħalli mill-aktar fis possibbli jintemmu l-kawżi li kienu qegħdin joħolqu kriżi umanitarja fil-Libja, li kienu l-gwerra u s-sanzjonijiet tal-Ġnus Magħquda u l-UE, u li l-Gvern Malti mill-ewwel appoġġja u daħħal fis-seħħ.


Ir-ringrazzjament u kliem ta’ tifħir tal-mexxejja tal-pajjiżi li ħadu sehem fil-gwerra ma jagħm­lux ġieħ lil Malta għax itemmulha l-vokazzjoni li kellha ta’ pajjiż li jaħdem attivament favur il-paċi.


Obama, Sarkozy u Cameron, flimkien ma’ mexxejja oħrajn bħalhom, iħaddnu politika barranija li tuża l-forza tal-armi kontra pajjiżi oħrajn li ma jaqblux magħhom. Il-poplu Malti ma jaqbilx magħhom.

 

Ma jiswa xejn li dawn il-mexxejja jostru l-għanijiet aggressivi tagħhom b’riżoluzzjonijiet li jgħaddu fil-Kunsill tas-Sigurtà, ħafna drabi b’qerq, bħalma ġara fil-każ tal-Libja.

 

Bl-iskuża li riedu jipproteġu lill-popolazzjoni ċivili mill-attakki tal-Gvern Libjan, Franza, l-Ingilterra u l-Istati Uniti pperswadew lill-maġġoranza tal-pajjiżi membri tal-Kunsill tas-Sigurtà biex jawtorizzaw li jittieħdu l-mezzi kollha meħtieġa, li kienu jfissru intervent militari.


L-intervent militari fil-Libja ma serviex biss biex ma tiġix attakkata l-belt ta’ Benghazi, iżda serva biex in-NATO wkoll tattakka bliet u rħula li kienu favur il-Gvern Libjan u biex jitwarrab dan il-Gvern.

 

Gonzi u l-Gvern Malti kienu kompliċi man-NATO kemm fil-qerda tal-Libja, kif ukoll fil-qtil ta’ eluf ta’ Libjani, li ma kinux jitilfu ħajjithom li kieku flok ħeġġet biex titkompla l-gwerra, Malta ħadmet biex jieqaf il-ġlied u jkun hemm ftehim politiku, bħalma l-Papa Benedittu XVI appella diversi drabi li jsir.

 

Il-Ħamis 13 ta’ Ottubru, 2011

 

 

Fittex li tiffirma l-petizzjoni popolari lill-Parlament Malti biex jgħaddi miżuri li jrażżnu l-immigrazzjoni illegali f’pajjiżna.

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

<< Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ