MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAHILFU LI NEHILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIZMU U L-HAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

minn Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €360,000,000

 

Mewġ kontra l-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni Ewropea

 

Fit-Trade Union Congress ta’ l-Ingilterra, li jirrappreżenta sitt miljun ħaddiem, ma aċċettawx li jivvotaw dwar il-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni Ewropea. 

 

Beżgħu li l-maġġoranza tkun kontriha, u għalhekk qalu li ma jkunx f’waqtu (“inappropriate”) li tittieħed deċiżjoni formali qabel ma jkun hemm aktar diskussjoni dwarha.

Il-Prim Ministru Ingliż ma rnexxilux li t-TUC joħorġu favur il-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni. 

 

Fil-Kungress, wieħed mill-ħafna kelliema kontra l-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-UE kien Bob Crow, is-Segretarju Ġenerali tar-Rail, Maritime and Transport Union, li qal li l-Kostituzzjoni tistituzzjonalizza l-privatizzazzjoni u l-politika ekonomika neo-liberali, li tant għenu biex inqerdu ħafna industriji fl-Ingilterra.

Anke fil-Partit Laburista Ingliż qam ferment kontra l-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-UE. 

 

Twaqqaf ‘think tank’ taħt iċ-Ċhairman Ian Davidson, membru parlamentari Laburista, u hemm ukoll ħames membri parlamentari Laburisti oħrajn fih u rappreżentant tal-Kumitat Ezekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista.

Dawn għadhom kif ippubblikaw dokument dwar “Why the Left should reject the constitution” (Għaliex ix-Xellug għandu jiċħad il-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni Ewropea).

 

Fi Franza, ex-Prim Ministru Soċjalista, Laurent Fabius, huwa kritiku ħafna tal-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni.

Fl-Irlanda, il-partit tas-Sinn Feinn qiegħed jopponi bl-aħrax din il-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni.

Anke fost is-Soċjal-Demokratiċi ta’ l-Isvezja hemm firda dwar il-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni Ewropea.

 

Oppożizzjoni kbira fl-Ingilterra

 

Għalkemm il-Gvern Ingliż huwa favur il-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-UE, il-maġġoranza tal-poplu tidher kontra, u ħafna membri tal-Parlament jitkellmu apertament kontriha. 

 

Il-Gvern jinħass mbarazzat bil-mistoqsijiet li jsirulu dwarha, u jaħrab milli jwieġeb għalihom.

Xahar ilu fil-House of Commons iddiskutew il-Kostituzzjoni l-ġdida ta’ l-Unjoni. 

 

Tkellmu kontriha ħafna membri parlamentari u x’uħud minnhom ilmentaw li l-Gvern jibża’ jgħid il-verità kif inhi dwar il-Kostituzzjoni.

Il-membru parlamentari Angela Browning żvelat li l-Prim Ministru ma kienx wieġeb il-mistoqsija li kienet għamlitlu fis-seduta tal-21 ta’ Ġunju ta’ din is-sena meta staqsietu jekk skond il-Kostituzzjoni ġdida kienx meħtieġ il-kunsens tal-pajjiżi membri kollha biex l-Unjoni tiddeċiedi kif tikkordina l-politika ekonomika tal-pajjiżi membri kollha.

Angela Browning staqsiet ukoll lil Blair jekk skond il-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-UE l-politika kkordinata ekonomika ta’ l-Unjoni tiġix deċiża b’maġġoranza kwalifikata. 

 

Hija rċeviet twegiba mingħand il-Ministru dwar l-Ewropa, Shane, li qalilha tara x’tgħid it-tielet parti tal-parti tal-Kostituzzjoni.

 

Meta Browning fliet it-tielet parti tal-Kostituzzjoni ta’ l-UE sabet li d-deċiżjoni dwar il-kordinament tal-politika ekonomika tal-pajjiżi membri kollha ta’ l-Unjoni tittieħed b’maġġoranza kwalifikata u għalhekk tista’ tittieħed mingħajr il-kunsens ta’ xi pajjiżi membri. 

 

Biex tkun żgura minn dan, Browning għamlet mistoqsija parlamentari supplimentarja u staqsiet jekk dan kienx korrett.

 

It-tweġiba li l-Ministru ta kienet li hija kienet diġà ingħatat tweġiba biżżejjed sħiħa (“substantial reply”).

Il-Ministu ma kellux il-kuraġġ jammetti ċar u tond xi tgħid il-Kostituzzjoni dwar in-nuqqas tal-kunsens ta’ xi pajjiż membru meta l-Unjoni tiddeċiedi dwar kif tikkordina l-politika ekonomika tal-pajjiżi membri kollha ta’ l-Unjoni.

 

Arranġament alternattiv għall-Kostituzzjoni

 

Il-possibbiltà teżisti li l-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-UE ma tkunx approvata minn xi pajjiż jew xi pajjiżi membri ta’ l-Unjoni. 

 

U għalhekk wieħed irid ikun imħejji għal din il-kontinġenza billi jfassal arranġamenti alternattivi għall-Unjoni.

M’humiex neqsin dawk li qegħdin jiddiskutu alternattivi għall-Kostituzzjoni ġdida li tfasslet. 

 

Huma jisħqu li l-Unjoni għandha treġġa’ lura lill-gvernijiet nazzjonali ħafna mis-setgħat li hija ħatfet għaliha.

 

Il-Kostituzzjoni ġdida tagħmel il-maqlub ta’ dan.

Fit-tieni lok, dawk li jsostnu li l-Kostituzzjoni ġdida hija ħażina, jisħqu li ftehim ieħor bejn il-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni m’għadux jorbothom ilkoll bl-istess regolamenti li ma jgħoddux għal x’uħud mill-pajjiżi li ċ-ċirkostanzi speċjali tagħhom jitolbu li jkollhom regolamenti differenti. 

 

Dan ikun jaqbel ħafna għal pajjiżna minħabba d-differenzi kbar li jifirduna mill-pajjiżi l-aktar industrijalizzati ta’ l-Unjoni Ewropea.

Ftehim alternattiv bejn il-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni għandu wkoll jaħseb kif titrażżan il-korruzzjoni u l-frodi enormi li bihom l-Unjoni Ewropea hija mġiddma llum u li l-Kostituzzjoni ġdida ma tagħmel xejn biex taħkem.

 

Poġġejna ħażin ħafna

 

Il-frodi u l-korruzzjoni huma istituzzjonalizzati fl-Unjoni Ewropea. 

 

Erbat ijiem ilu l-awdituri ta’ l-Unjoni żvelaw li 2.3 biljun Euro għandhom jitħallsu lura lill-Unjoni mill-pajjiżi membri li ngħataw dawn il-fondi bħala għajnuna għall-biedja, iżda dawn il-fondi jew insterqu jew intużaw għal ħwejjeġ oħra mhux għal dawk l-għanijiet li għalihom l-Unjoni tathom.

Fost il-pajjiżi membri fejn seħħew dawn il-frodi u korruzzjoni, l-Italja tinstab minn ta’ quddiem.

Mill-ammont ta’ għajnuna mogħtija mill-Unjoni lill-Italja għall-biedja matul l-aħħar 30 sena u li ma marritx għall-għanijiet li għaliha kienet ingħatat, l-Italja għad baqgħalha tħallas lura lill-Unjoni s-somma ta’ 1.6 biljun Euro, skond ma jgħidu l-awdituri ta’ l-Unjoni Ewropea.

Ta’ min ifakkar li fost l-awdituri ta’ l-Unjoni llum insibu lill-Professur Bonnici, ex-Ministru ta’ l-Affarijiet Ekonomiċi f’pajjiżna, li kien jikteb ħafna kemm tfuħ u hija effiċjenti l-Unjoni Ewropea.

Illum huwa qiegħed jara b’għajnejh u jmiss b’idejh kemm bil-maqlub, l-Unjoni tinten bil-korruzzjoni u l-frodi li hemm fiha u kemm hija mifnija b’burokrazija enormi u ineffiċjenti.

 

Tassew poġġejna mat-tajjeb meta sseħibna fl-Unjoni!

 

L-UE kontra li l-qligħ jieħdu l-poplu

 

L-Unjoni Ewropea ġġiegħel lill-pajjiżi membri jipprivatizzaw l-impriżi tal-Gvern. 

 

L-impriżi tal-Gvern huma tal-poplu kollu. 

 

L-impriżi privatizzati jittieħdu mingħand il-poplu kollu biex jingħataw lill-ftit individwi jew kumpaniji.

L-ordni ta’ l-UE biex jipprivatizzaw l-impriżi tal-Gvern mhix ibbażata li pajjiż ikollu aktar qligħ mill-impriżi privatizzati jew minħabba telf li jkollhom l-impriżi governattivi.

Kieku kien hekk, l-Unjoni ma tordnax li anki l-banek kummerċjali jkunu privatizzati. 

 

L-Unjoni trid li l-qligħ li jkun sejjer għand il-poplu kollu mill-banek li jkunu tal-Gvern, wara l-privatizzazzjoni tagħhom, imur għand il-ftit sidien li jieħdu l-banek f’idejhom.

Intqal minn Ministru Malti li jippretendiha ħafna, li mhux xogħol il-Gvern li jmexxi negozji. 

 

Dan l-għaref lanqas jiddistingwi bejn min imexxi impriża u min jiehu l-qligħ tagħha.

 

L-azzjonisti ta’ impriża privatizzata ma jmexxuhiex huma, iżda jdaħħlu l-qligħ tagħha. 

 

Mela Gvern li huwa azzjonist ta’ bank kummerċjali m’għandux għalfejn imexxi l-bank hu. 

 

It-tmexxija ta’ bank kummerċjali tal-Gvern (jiġifieri tal-poplu), tista’ tingħata f’idejn il-privat li jkollu l-ħila jmexxi l-bank u l-qligħ tal-bank jibqa’ jieħdu l-poplu kollu permezz tal-Gvern.

Wara kollox x’inhuma l-‘Public-Private Partnerships’ li tant ftaħarna bihom? 

 

Biex il-ġonna tal-Gvern tieħu ħsiebhom il-kumpanija privata, kapaċi naslu, u biex il-banek kummerċjali tal-Gvern, tieħu ħsiebhom kumpanija privata m’aħniex kapaċi naslu biex nifhmu?

 

M’għandhomx mandat jivvotaw favur il-kostituzzjoni ta’ l-UE

 

Il-Membri tal-Parlament tagħna ħadu l-ġurament li jkunu fidili u leali lejn il-Kostituzzjoni ta’ Malta.

 

Il-Kostituzzjoni ta’ Malta tgħid li hi l-ogħla liġi f’pajjiżna. 

 

Il-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea tgħid li fl-oqsma kollha li fihom hi għandha s-setgħat, kemm il-Kostituzzjoni, kif ukoll il-liġijiet ta’ l-Unjoni, huma ogħla mill-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ kull pajjiż membru (jiġifieri anke ta’ Malta).

Kull Malti li ma jridx jiċħad lil pajjiżna, għandu jibqa’ jgħożż il-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna, u mhux jaċċetta li hija ma tibqax l-ogħla liġi ta’ pajjiżna.

Min jivvota favur is-sħubija fl-Unjoni, qatt ma vvota favur il-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni li ġiet miftehma f’Ġunju li għadda, sena u tliet xhur wara li saret f’Malta l-votazzjoni favur is-sħubija. 

 

Għalhekk anke min is-sena l-oħra vvota favur is-sħubija fl-Unjoni, ma setax vvota favur il-Kostituzzjoni ġdida li ma kinitx għadha teżisti.

Jekk ma tistax tieħu li dawk li s-sena l-oħra vvotaw favur is-sħubija fl-Unjoni bħala li huma wkoll favur il-kostituzzjoni ġdida, u ma tista’ qatt tieħu li dawk li s-sena l-oħra ma vvotawx favur is-sħubija fl-Unjoni li huma favur il-kostituzzjoni l-ġdida, kif jista’ membru tal-Parlament Malti jippretendi li għandu mandat mingħand il-votanti tiegħu biex jivvota favur il-kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni Ewropea?

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

L-Erbgħa, 13 ta’ Ottubru, 2004

 

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat Lm2 flimkien ma' din il-formola liċ-

Chairman CNI,

Dr Karmenu Mifsud Bonnici B.A. LL.D.

81, Triq Ġuże Pace,

Ħamrun.

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ