MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

  

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

  

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha

€182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

L-UE tellfitna l-indipendenza 

 

Qed jidħaq bil-poplu min jiċċelebra l-indipendenza ta’ pajjiżna min flok ifakkarha la darba tlifniha bis-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea. 

 

La fil-qasam politiku u lanqas f’dak ekonomiku m’għadna rajna f’idejna sakemm nibqgħu marbutin li nħaddmu l-politika li l-Unjoni tiddeċiedi fiż-żewġ oqsma.


Fis-snin qabel ma ksibna l-indipendenza, għadd ta’ oqsma importanti, fosthom is-sigurtŕ nazzjonali u l-affarijiet barranin, ma kinux f’idejn il-Gvern Malti għax kienu "reserved matters" li jagħmel minnhom il-Gvern Ingliż. 

 

Għalhekk għalkemm kellna Gvern Malti maħtur demokratikament f’elezzjoni ġenerali, xorta waħda pajjiżna ma kienx indipendenti. 

 

Kien dipendenti tal-Gvern Ingliż.


Bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea, għalkemm għandna gvern maħtur b’elezzjoni ġenerali, pajjiżna ma baqax indipendenti għax ħafna oqsma huma “reserved” u tagħmel minnhom l-Unjoni. 

 

Għalhekk pajjiżna sar dipendenti ta’ l-Unjoni Ewropea.


Is-sħubija fl-Unjoni Ewropea illimitatilna bil-kbir l-awtonomija tagħna. 

 

Dan nistgħu narawh fir-rigward ta’ l-immigrazzjoni lejn pajjiżna.


Qabel ma sseħibna fl-Unjoni, il-politiċi kollha tagħna kienu tal-fehma li l-interessi ta’ pajjiżna kienu jitolbu li nikkontrollaw il-barranin li jitħallew jaħdmu f’pajjiżna.

 

Ma konniex nagħmlu dan għax konna razzisti jew kontra l-barranin, iżda għax pajjiżna huwa żgħir wisq għall-popolazzjoni tagħna, ir-riżorsi limitati tagħna ma jippermettulniex li parti minnhom ma jintużawx għall-Maltin u l-Għawdxin, u aħna neqsin mix-xogħol u l-impjiegi f’pajjiżna għaż-żgħażagħ u l-ħaddiema tagħna. 

 

Għalhekk il-politiċi kollha kienu jaqblu li barranin ma jitħallewx jaħdmu f'pajjiżna jekk għandna Maltin u Għawdxi li jistgħu jagħmlu x-xogħol huma tal-barranin.


Is-sħubija fl-Unjoni Ewropea ħarbtet dan kollu. 

 

Il-politiċi tagħna baxxew rashom għal dak li trid l-Unjoni li ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt legali jiġu jaħdmu f’Malta. 

 

Minħabba f'hekk, diġŕ għandna eluf ta’ immigranti mill-pajjiżi ta’ l-Unjoni li legalment qegħdin jieħdu l-ħobż tal-ħaddiema u żgħażagħ Maltin u Għawdxin.


Mhux għal dan biss li trid l-Unjoni Ewropea, il-politiċi tagħna baxxew rashom. 

 

Huma qegħdin jaċċettaw dak li l-Unjoni tridna nagħmlu fir-rigward ta’ l-immigranti illegali f’pajjiżna.


Qabel ma sseħibna fl-Unjoni, il-politiċi kollha tagħna kienu jaqblu mal-liġi tagħna li tipprovdi li barranin li jkunu f’pajjiżna illegalment, ikunu ħatja ta’ ksur tal-liġi Maltija u għandhom ikunu ordnati jitilqu minn pajjiżna minnufih. 

 

Il-liġi Maltija dwar l-immigranti illegali għadha l-istess li kienet qabel is-sħubija fl-Unjoni. 

 

Iżda mhux qed tiġi applikata minħabba l-UE.

 

Agħar minn hekk, il-Korp tal-Pulizija li dmiru hu li jieħu passi bil-Qorti kontra l-immigranti illegali f’pajjiżna, huwa minflok ordnat biex jieħu ħsiebhom. 

 

U l-Forzi Armati ta’ Malta li għandhom id-dmir li jgħassu kontra invażjonijiet tat-territorju Malti, huma minflok ordnati li jagħtu l-għajnuna tagħhom lill-immigranti illegali li qegħdin jinvadu pajjiżna.


Dan il-ksur kollu tal-liġi tagħna u tas-sigurtŕ territorjali tagħna qiegħed jiġri għax Malta tilfet is-sovranitŕ u l-indipendenza tagħha, bis-saħħa tas-sħubija fl-UE.


Il-poplu Malti qiegħed jiġi aljenat biċ-ċelebrazzjonijiet ta’ l-indipendenza li ntilfet, meta l-poplu qiegħed il-ħin kollu jkun ittradut għax l-interessi ewlenin tiegħu tax-xogħol u sikurezza qegħdin jiġu ssagrifikati għall-politika anti-nazzjonali ta’ l-Unjoni Ewropea.


Il-Maltin u l-Għawdxin jerġgħu jiċċelebraw l-indipendenza vera meta pajjiżna jiksibha lura mill-Unjoni Ewropea.

 

L-UE taħti għall-immigrazzjoni lejn pajjiżna

 

Ghalkemm il-politiċi jaħarbu milli jitkellmu dwar is-suġġett ta’ l-immigrazzjoni, din hija waħda mill-problemi kbar li pajjiżna għandu u li dwarha mhu qiegħed isir xejn biex tintgħeleb. 

 

Il-problema qed tinħoloq mhux biss mill-eluf ta’ immigranti illegali li hawn, iżda wkoll mill-eluf ta’ immigranti legali li ġew mill-Unjoni Ewropea wara s-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni.


Skond ċifri mogħtijin fi tweġiba parlamentari, ġew madwar 5,000 mill-pajjizi ta’ l-Unjoni biex jaħdmu f’pajjizna. 

 

Dawn kollha ħadu post ħaddiema Maltin.


Ħafna mill-immigranti mill-Unjoni qegħdin jaħdmu fl-istabbilimenti turistiċi ta’ pajjiżna. 

 

F’wieħed minnhom, tnejn minn kull tlieta mill-impjegati tiegħu, huma immigranti mill-Unjoni.


L-immigranti mill-Unjoni ġew f'pajjiżna bis-saħħa tar-regola ta’ l-Unjoni tal-moviment ħieles tal-ħaddiema.

 

Bis-saħħa ta’ l-istess regola, anki ħaddiema Maltin sabu xogħol fil-pajjiżi ta’ l-Unjoni. 

 

Iżda waqt li fil-każ tal-Maltin kienu mijiet li gawdew mid-dritt tal-moviment ħieles tal-ħaddiema, kienu eluf li bis-saħħa ta’ l-istess dritt ġew mill-Unjoni ħalli jaħdmu f’pajjiżna. 

 

Għalhekk ġejna minn taħt bit-tħaddim tad-dritt tal-moviment tal-ħaddiema.


Kellna dan ir-riżultat negattiv ta’ immigrazzjoni legali fit-tliet snin biss li ilna mseħbin fl-Unjoni. 

 

Jekk ma nagħmlu xejn biex inwaqqfu l-immigranti legali mill-Unjoni, fis-snin li ġejjin l-eluf tagħhom ikomplu jiżdiedu u l-problema li huma jieħdu xogħol il-ħaddiema Maltin, tkompli taggrava.

 

Mal-problema tal-barranin li ġejjin jaħdmu f'Malta legalment, għandna l-problema serja ta’ l-immigranti illegali, li skond tagħrif uffiċjali diġŕ jgħoddu eluf, u dejjem aktar jiżdiedu. 

 

Hawn ukoll it-tort jekk mhux kollu, il-parti kbira tiegħu hija tas-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea. 

 

Għax l-Unjoni tridna li l-immigranti illegali li jsibu ruħhom f’pajjiżna, ma nħalluhomx imorru fejn huma riedu jmorru fil-pajjiżi l-oħrajn ta’ l-Unjoni.
 

Issa jidher ċar li l-Unjoni Ewropea ma tafx kif issolvilna l-problema ta’ l-immigranti illegali, minkejja l-ħafna wegħdiet kemm tal-Kummissarju Ewropew Franco Frattini, kif ukoll tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Josč Manuel Barroso. 

 

Jirriżulta ċar ukoll li jekk dawn it-tnejn għandhom rieda tajba biex jgħinu lil pajjiżna f’din il-problema, il-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni m’għandhomx ir-rieda biex jgħinu lil pajjiżna jegħleb din il-problema.


Imissna issa fehemna wara tliet snin imseħbin fl-Unjoni, li fihom il-problema ta’ l-immigranti illegali baqgħet dejjem tikber, li l-politika ta’ l-Unjoni rigward l-immigrazzjoni llegali, qiegħda tgħarraqna, mhux tgħinna.

 

Mistoqsijiet mhux imweġbin dwar is-sħubija fl-UE

 

Kemm qiegħda tqum flus lill-poplu s-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea? 

Mistoqsija li ilna nagħmluha, iżda li qatt ma jagħtuna tweġiba għaliha. 

 

Mhux għax ma jafux kemm, iżda għax jistħu jgħidu kemm. 

 

Jistħu juru lill-poplu li s-sħubija fl-Unjoni qed tqumilna kull sena aktar milli nirċievu mill-Unjoni kull sena.


Kemm għandna impjegati tal-Gvern li l-ħin kollu tagħhom tax-xogħol huwa dedikat għall-Unjoni? 

 

Qatt ma jgħidulna dan, mhux għax ma jafux, iżda għax ma jridux juru kemm ħin qiegħda toħdilna s-sħubija fl-Unjoni, mingħajr ma jissarraf f’ġid għall-poplu tagħna.


X’persentaġġ mil-liġijiet mgħoddija mill-Parlament Malti u mir-regolamenti maħruġin mill-Gvern Malti, qegħdin isiru għax l-Unjoni ddeċidiet li l-pajjiżi membri għandhom jagħmluhom? 

 

Għalkemm ma jagħtuniex dan it-tagħrif, nafu li l-biċċa kbira tal-liġijiet li qegħdin isiru u r-regolamenti li qegħdin joħorġu, huma ġejjin mill-Unjoni Ewropea u mhux mill-Gvern Malti.


Kemm iż-żieda fl-għoli tal-ħajja u l-prezzijiet m’ogħla s-smewwiet tad-djar huma effett tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea? 

 

M’hemmx dubju li s-sħubija qed tikkaġuna parti kbira miż-żieda fiż-żewġ oqsma, għalkemm dan mhux ammess pubblikament.

 

Kemm mill-fabbriki li għalqu f’pajjiżna u mill-eluf ta’ ħaddiema Maltin u Għawdxin li ngħataw is-sensji, kienu konsegwenza tas-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea? 

 

Il-parti kbira ta’ l-għeluq tal-fabbriki u tas-sensji tal-ħaddiema seħħew minħabba l-politika ta’ l-Unjoni li pajjiżna kellu jħaddem, allavolja ħafna jġibu l-iskuża tal-globalizzazzjoni.


Kemm mit-taxxi li l-poplu qed ibati, saru minħabba l-Unjoni? 

 

Saru ħafna, bħal ma hi l-VAT, l-Eco Tax, il-levies fuq il-prodotti taż-żejt u oħrajn.


Kemm baqa' sovran il-Parlament Malti? 

 

Ftit, għax barra li jkollu japprova dak li trid l-Unjoni Ewropea, ma jista’ jgħaddi xejn li ma jkunx skond ma tgħid l-Unjoni.


Kemm għadu indipendenti pajjiżna? 

 

M’għadux, għax is-sħubija fl-Unjoni Ewropea ġabet l-‘integration’ ta’ Malta fl-Unjoni.


Jerġa’ jkun pajjiż indipendenti meta l-Unjoni ma tkunx tista’ tiddettalna x’nagħmlu għax inkunu ħriġna minnha.

 

X’valuri kiseb il-poplu Malti mill-Unjoni? 

 

Xejn, għax l-Unjoni hija nieqsa mill-valuri morali u hija mifnija bil-korruzzjoni, burokrazija u ineffiċjenza.

 

Jista’ pajjiżna joħroġ mill-Unjoni? 

 

Iva, jista’ jagħmel dan faċilment meta jrid, u jaqbillu jagħmel dan il-pass illum qabel għada ħalli ma nħallxu ssir ħsara akbar lil pajjiżna, u l-aktar lil ġejjieni taż-żgħażagħ tagħna.

 

L-avukati mheddin mill-UE

 

L-Avukati Maltin stenbħu li huma mheddin mill-Unjoni Ewropea. 

 

Il-President tal-Kamra ta' l-Avukati, f’ittra li bagħat lill-avukati, qalilhom li l-Kamra ta’ l-Avukati tixtieq li tirrappreżenta l-avukaterija Maltija kollha “speċjalment tenut kont ta’ l-isfidi li ġejjin fuq il-professjoni bid-dħul fis-seħħ ta’ diversi direttivi Ewropej li se jkollhom impatt serju u immedjat” fuq l-avukati kollha.


Mela mhux il-ħaddiema biss intlaqtu ħażin bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea. 

 

Intlaqtu ħażin ukoll l-imprendituri li kienu jaħdmu għas-suq lokali u dawk l-imprendituri li kienu jesportaw u li kellhom jagħlqu l-fabbriki tagħhom f’Malta.


Issa għandna l-avukati li qegħdin jammettu li se jintlaqtu ħażin bis-sħubija fl-Unjoni u jridu jieqfu għal dan.

 

Imma l-avukati jmisshom jafu li Malta, bħal kull pajjiż membru ta’ l-Unjoni, hija marbuta li jekk xi ħadd kwalifikat fil-liġi, minn pajjiż membru ieħor jitlob “warrant” biex jipprattika l-professjoni tiegħu f'Malta, Malta bil-fors ikollha tagħti l-“warrant.” 

 

L-avukati jmisshom ilhom jafu li minħabba s-sħubija fl-Unjoni, avukati barranin mill-pajjiżi ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt jiġu Malta, iwaqqfu uffiċċju tagħhom, jingħataw il-“warrant” u jipprattikaw ta’ avukati.

 

Jekk ifittxu d-deċiżjonijiet tal-Qorti ta’ l-Unjoni Ewropea, isibu numru ta’ każi maqtugħin, li kollha ddeċidew li kull avukat minn kull pajjiż membru ta' l-Unjoni, li jmur jaħdem f'pajjiż membru ieħor, irid jingħata l-istess faċilitajiet li jkollhom l-avukati tal-pajjiż fejn imur, mingħajr ebda xkiel.


Ix-xorti li messet lill-avukati bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea, tmiss bl-istess mod lil dawk kollha li jeħtieġu “warrant” biex iħaddmu l-professjoni tagħhom f'Malta. 

 

Il-barranin kwalifikati tal-pajjiżi l-oħrajn ta’ l-Unjoni, meta jridu, jistgħu jiġu Malta jitolbu li jingħataw il-“warrant” ħalli jaħdmu f'pajjżna, bħall-Maltin tal-professjoni tagħhom.

Biex iħarsu l-interessi tagħhom, triq waħda għandhom l-avukati u l-professjonisti l-oħrajn Maltin, bħal ma għandhom l-imprendituri u s-setturi kollha tal-ħaddiema f'pajjiżna – jaqbdu t-triq li toħroġna mill-Unjoni, u minflok nibqgħu mseħbin fl-Unjoni, inkunu sieħba tagħha, bil-kundizzjonijiet li jixiriqulna.

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Ħamis, 13 ta' Settembru, 2007.

<< Lura << 

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ