MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI
Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
Mill-Kampanja Ħelsien
Nazzjonali CNI
Wara r-ratifika tal-Kostituzzjoni l-ġdida ta’
l-Unjoni Ewropea mill-Parlament Malti, is-CNI ddikjarat li trid tintensifika l-ħidma
tagħha ħalli jinbidel il-ftehim li Malta għamlet ma’ l-Unjoni
fil-2003.
Dan intqal mis-CNI nhar it-Tnejn, 11 ta’ Lulju, f’konferenza ta’ l-aħbarijiet
li fiha tqassmet lill-media din l-istqarrija:
Is-CNI tikkundanna d-deċiżjoni li l-Parlament Malti ħa fis-6
ta’ Lulju 2005 li jirratifika t-Trattat tal-Kostituzzjoni ġdida ta’
l-Unjoni Ewropea.
Fil-fehma tas-CNI, dik id-deċiżjoni parlamentari hija
anti-kostituzzjonali u kontra l-interessi nazzjonali għal diversi raġunijiet,
fosthom, għax il-Parlament Malti approva:
– id-dikjarazzjoni li l-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ l-Unjoni
jipprevalu fuq il-Kostituzzjoni ta’ Malta (art.I.6).
Il-Parlament m’għandux setgħa jgħaddi liġi li tipprevali
fuq il-Kostituzzjoni ta’ Malta, jekk qabel ma jemendax il-Kostituzzjoni.
Għalhekk, il-Parlament aġixxa kontra l-Kostituzzjoni meta approva dik
id-dikjarazzjoni dwar is-supremazija tal-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’
l-Unjoni fuq il-Kostituzzjoni ta’ Malta.
Il-Parlament mar ukoll kontra l-ġurament ta’ lealtà lejn
il-Kostituzzjoni ta’ Malta li jittieħed mal-ħatra tal-membri
parlamentari.
– li l-Prim Ministru ta’ Malta jkollu s-setgħa li jiftiehem
mal-kapijiet ta’ l-istati membri l-oħra ta’ l-Unjoni ħalli
taddotta miżuri li l-Unjoni m’għandhiex dritt tieħu skond
il-Kostituzzjoni tagħha, biex jintlaħqu l-għanijiet ta’
l-Unjoni (art. I.18).
–
li l-Prim Ministru ta’ Malta jkollu s-setgħa li jiftiehem mal-kapijiet
ta’ l-istati membri l-oħra ta’ l-Unjoni biex kwistjonijiet li m’għandhomx
implikazzjonijiet militari jew ta’ difiża, minflok l-Unjoni tiddeċedihom
skond il-Kostituzzjoni b’mod unanimu, tiddeċedihom b’maġġoranza
kwalifikata (art. IV.444).
– li Malta għandha attivament u mingħajr riżervi tagħti
sostenn lill-politika estera u ta’ sigurtà komuni ta’ l-Unjoni fi
spirtu ta’ lealtà u solidarjetà reċiproka, għandha tirrispetta
l-azzjonijiet ta’ l-Unjoni f’dan il-qasam u għandha tastjeni minn
azzjonijiet li x’aktarx ifixklu l-effikaċja tagħha (art. I.16).
– li Malta għandha, jekk stat membru iehor ta’ l-Unjoni jġarrab
aggressjoni armata, tagħtih għajnuna u assistenza permezz tal-mezzi
kollha li għandha (art. I.41 (7)).
– li Malta għandha taġixxi fi spirtu ta’ solidarjetà ma’ stat
membru ieħor ta’ l-Unjoni jekk iġarrab attakk terroristiku (art.I.43
(1)).
– li Malta għandha ssegwi politika ekonomika u monetarja mmexxija skond
il-prinċipju ta’ ekonomija ta’ suq miftuħ b’kompetizzjoni libera
li ma tagħti ebda ħarsien mill-effetti negattivi tal-globalizzazzjoni
u politika komuni għall-agrikoltura u sajd li tagħmel ħerba
mis-setturi tal-biedja u tas-sajd f’pajjiżna u politika dwar l-industrija
li ma tippermettix għajnuniet li jitqiesu li jistgħu jwasslu għal
distorsjoni tal-kompetizzjoni (it-Tielet Taqsima tal-Kostituzzjoni Ewropea).
– mill-ġdid u mingħajr riżervi, it-Trattat ta’ l-Adezjoni
ta’ Malta fl-UE ta’ l-2003, fit-totalità tiegħu, bl-aspetti
negattivi kollha li qegħdin ikunu u aktar ikunu ’l quddiem, ta’ ħsara
għall-poplu Malti (art. IV. 437 (2)).
Is-CNI toġġezzjona li l-kunsens milħuq fil-Parlament Malti jiġi
interpretat li jirrifletti xi kunsens popolari dwar il-Kostituzzjoni ġdida
ta’ l-Unjoni Ewropea.
Kull
stħarriġ ta’ l-opinjoni pubblika Maltija wera li persentaġġ
sostenzjali tal-Maltin u l-Għawdxin ma jaqblux magħha.
Is-CNI hija tal-fehma li din id-deċiżjoni tal-Parlament Malti tkabbar
il-firda bejn il-poplu u l-politiċi, kif seħħ dwar
il-Kostituzzjoni Ewropea f’pajjiżi oħra ta’ l-Unjoni.
Is-CNI tiddeplora li fil-Parlament Malti ma sar ebda dibattitu serju u
approfondit tal-provvedimenti tal-Kostituzzjoni Ewropea u kif dawn jolqtu
lill-poplu Malti. Lanqas ma ġew indirizzati l-ilmenti u l-oġġezzjonijiet
li tqajmu dwar il-Kostituzzjoni Ewropea mill-popli ta’ l-Ewropa.
Is-CNI jisgħobbiha partikolarment li l-Parlament Malti meta approva
l-Kostituzzjoni Ewropea, naqas li jikkunsidra l-miżuri meħtieġa
biex l-industrija u l-kummerċ f’pajjiżna jilqgħu għall-impatt
negattiv tal-globalizzazzjoni sostnuta mill-politika ta’ l-Unjoni Ewropea u
lanqas għat-telf tal-kompetittività ta’ pajjiżna li l-politika
ta’ l-Unjoni qiegħda tkabbar u għan-nixfa fl-investiment produttiv
li l-politika ta’ l-Unjoni qiegħda tikkaġuna f’pajjiżna.
Is-CNI fi ħsiebha tintensifika l-kampanja favur it-tibdil meħtieġ
fil-ftehim li sar ma’ l-Unjoni Ewropea li ma jħallix li jitkattar
ix-xogħol u jiżdiedu l-impjiegi f’pajjiżna.
Tagħmel dan sakemm il-maġġoranza tal-poplu tifhem is-siwi
tat-tibdil li jrid isir u ġġiegħel lill-partiti politiċi jaħdmu
għal dan il-għan.
Ir-ratifika tal-Kostituzzjoni Ewropea mhix se twaqqafna minn din il-ħidma
ta’ fejda għall-poplu Malti kollu.
Għandna
biex niftaħru jew nistħu?
Il-barranin għandhom għax jistgħaġbu bil-Maltin li skond il-Parlament Malti jaqblu mija fil-mija ma’ l-Unjoni Ewropea.
Mhux hekk insibu fil-pajjiżi l-oħrajn ta’
l-Unjoni, wara li l-Franċiżi u l-Olandiżi vvotaw kontra
l-Kostituzzjoni ta’ l-UE.
F’Ċipru fil-Parlament, 19 ivvotaw kontra u 30 ivvotaw favur
il-Kostituzzjoni.
Fil-Lussemburgu, 43 fil-mija tal-votanti vvotaw kontra u 57 fil-mija vvotaw
favur il-Kostituzzjoni ta’ l-UE.
Fid-Danimarka l-Prim Ministru Rasmussen ħassar ir-referendum li
kellu jsir fis-27 ta’ Settembru li ġej.
Fil-Polonja l-President Kwasniewski ħassar ukoll ir-referendum li kellu
jsir f’Otubru li ġej.
Fil-Portugall il-Prim Ministru Socrates ħassar ir-referendum li
kellu jsir lejn l-aħħar ta’ din is-sena.
Fl-Isvezja l-votazzjoni fil-Parlament li kellha ssir f’Diċembru li ġej,
mhux se ssir.
Fil-Finlandja l-Gvern ippospona l-votazzjoni fil-Parlament dwar il-Kostituzzjoni ta’ l-UE.
Fl-Ingilterra r-referendum li kellu jsir fir-Rebbiegħa tas-sena
d-dieħla, mhux se ssir.
X’kuntrast dan kollu jagħmel ma’ Malta!
Iżda l-akbar kuntrast huwa forsi dak tar-Repubblika Ċeka fejn
il-President Vaclav Klaus tant ma jaqbilx mal-Kostituzzjoni ta’ l-UE, li saħansitra
rrifjuta li jmur jiffirma f’Ruma f’Ottubru tas-sena l-oħra.
Il-Parlament Malti bagħat messaġġ falz lill-Unjoni Ewropea.
Billi ħadd ma vvota kontra r-ratifika tal-Kostituzzjoni Ewropea, l-Unjoni ngħatat x’tifhem li l-Maltin kollha huma favur il-Kostituzzjoni.
Din hija impressjoni żbaljata, għax ħafna
Maltin huma kontra l-Kostituzzjoni Ewropea u jikkritikaw lill-Membri
Parlamentari li qalu IVA għar-ratifika tagħha.
B‘dak li għamel il-Parlament Malti meta approva r-ratifika
tal-Kostituzzjoni Ewropea, mingħajr ħadd ma kien kontra, tilef
id-dritt li jgħid li jirrapreżenta lill-poplu Malti kollu.
Il-politiċi Maltin issa jinsabu fl-istess qagħda mwegħra tal-politiċi ta’ Franza u l-Olanda li ċahduhom il-votanti tagħhom stess u saħansitra sfidawhom u vvotaw kontra dak li l-politiċi ħeġġuhom jagħmlu.
F’pajjiżna, ħafna votanti apertament jilmentaw li jħossuhom ingannati jew ittraduti.
Ħafna Maltin u Għawdxin iħossuhom ingannati għax sabu li kienu mqarrqa bil-wegħdiet foloz fl-2003 qabel ivvotaw għall-ftehim tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
Illum li ġarrbu l-konsegwenzi ħżiena ta’ dak il-ftehim, fosthom is-sensji, anqas bejgħ u kummerċ, tnaqqis fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-ħajja togħla infern, u ħlas għal servizzi soċjali li ma baqgħux jingħataw b‘xejn.
Ħafna Maltin u Għawdxin iħossuhom
ittraduti għax minflok tkompliet il-ġlieda ħalli l-ftehim diżastru
ta’ l-2003 jinbidel f‘wieħed ta’ ġid għall-poplu, issa dak
il-ftehim ġie maqbul mill-Parlament sħiħ.
Meta diġà ġarrabna x’uħud mill-konsegwenzi ħżiena
tal-ftehim tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea ta’ l-2003, bagħatna messaġġ
lill-Unjoni Ewropea li aħna kuntenti bis-swat u l-piżijiet li diġà
laqqatna.
Għalhekk l-Unjoni Ewropea tista’ sserraħ rasha li l-Parlament Malti m’għandux il-kuraġġ u l-ħila jieqfilha meta hija ġġiegħel lil pajjiżna jwettaq aktar miżuri ħorox tal-politika anti-soċjali tagħha.
Il-messaġġ kiefer huwa li Malta hija l-aktar
pajjiż membru servili u lagħqi ta’ l-Unjoni.
Iżda mhux kulħadd f’pajjiżna lest li joqgħod għal
dan.
Il-Kampanja Ħelsien Nazzjonali, is-CNI, mhix fi ħsiebha ċċedi.
Fi ħsiebha tkompli taħdem ħalli aktar Maltin u Għawdxin jifhmu kemm huwa meħtieġ għal pajjiżna li nbiddlu l-ftehim ta’ l-2003 ma’ l-Unjoni, illum qabel għada, kull min diġà ngidem b’dak il-ftehim, u kull min għadu kontrih, għandu jikkritika d-deċiżjoni tal-Parlament Malti tas-6 ta’ Lulju 2005, li kkonfermat dak il-ftehim tas-16 ta’ April 2003 ta’ Ateni.
Ġurament ta' lealta` li jieħdu l-Membri Parlamentari kollha
Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li nkun tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r- Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. (Hekk Alla jgħini).
Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.
Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment u skond il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skond il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta, mingħajr biża’ jew favur. ( Hekk Alla jgħini).
Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ President.
Jiena ..............................................., solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta’ President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta’ Malta, u li, skond l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. (Hekk Alla jgħini).
Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta
6. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) ta’ l-artikolu 47 u ta’ l-artikolu 66 ta’ din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.
Artiklu I-6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea
Dritt ta' l-Unjoni
Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri.
Tista' tafda lil min KISER il-ĠURAMENT tiegħu/tagħha?
L-Erbgħa, 13 ta’ Lulju, 2005.
<< Lura http://www.cnimalta.org/2005.html
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat Lm2 flimkien ma' din il-formola liċ-
Chairman
CNI,
Dr
Karmenu Mifsud Bonnici LL.D.
81,
Triq Ġuże Pace,
Ħamrun.
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ