MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA

L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha

€182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

minn Karmenu Mifsud Bonnici KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

Malta tgħin biex issalva l-ewro

 

Mhux minnu li ma nistgħux noħorġu mill-Unjoni Ewropea.

Araw dan il-video tal-Parlament Ewropew kif nistgħu noħorġu

 Video Parlament Ewropew

 

F’dawn l-aħħar ġranet il-mexxejja tal-pajjiżi taż-Żona Ewro tal-UE ltaqgħu b’urġenza biex jid­diskutu x’għandu jsir ħalli l-ewro ma tibqax tiddgħajjef u tisfaxxa.


L-aħbar tal-ħtieġa tal-laqgħa biex isalvaw l-ewro ħasdet lil ħafna li kienu dejjem jiftaħru kemm l-ewro kienet munita b’saħħitha.

 

Issa nstab li hi l-istess bħall-muniti li ħadet posthom, suġġetta għall-pressjoni tal-ispekulaturi finanzjarji li jikkontrollaw fondi kbar fis-swieq finanzjarji internazzjonali.


Fil-kriżi tal-lum tal-ewro, qegħdin nintebħu li bit-twaqqif taż-Żona Ewro ħloqna problema ħafna akbar mill-problemi li kienu jħabbtu wiċċhom magħhom il-muniti li s-16-il pajjiż li daħħlu l-ewro, kellhom qabel.

 

Qabel meta pajjiż kien jintlaqat bi kriżi u l-munita tiegħu tiddgħajjef, il-problema kienet tkun għal dak il-pajjiż biss u l-15-il pajjiżi l-oħrajn ma kinux jintlaqtu mill-kriżi.

 

Illum instab iżda li kriżi f’wieħed mis-16-il pajjiż tal-ewro, hi problema għall-15 l-oħrajn taż-Żona Ewro u biex l-ewro ma tiddgħajjifx, il-15-il pajjiżi l-oħrajn ikollhom jgħinu lil dak il-pajjiż li jkun maħkum mill-kriżi.

 

Jiġifieri kriżi ta’ pajjiż wieħed tal-ewro, hija kriżi għall-pajjiżi kollha taż-Żona Ewro, inkluż Malta.

 

L-iżvantaġġi tal-ewro

 

Illum nistgħu naraw l-iżvantaġġi li pajjiżna ġarrab meta rabat id-destin tal-munita tiegħu ma’ x’jiġri mill-finanzi ta’ pajjiżi oħrajn li għandhom l-istess munita ewro.

 

Il-qagħda finanzjarja ħażina tal-erba’ pajjiżi,

* il-Greċja,

* Spanja,

* il-Portugall

* u l-Italja,

hi l-kaġun tal-waqgħa fil-valur tal-munita ewro.

 

Is-saħħa ta’ flusna ma tiddependix mill-qagħda ekonomika u finanzjarja ta’ pajjiżna, iżda tiddependi mill-qagħda ta’ pajjiż jew għadd ta’ pajjiżi barranin.

 

U aħna ma nistgħu nagħmlu xejn la biex insaħħu l-munita tagħna u lanqas biex ma nħalluhiex tiddgħajjef.

 

Xortina fdajnieh f’idejn ħaddieħor.

 

Dan huwa l-iżvantaġġ kbir li ġarrabna               

* bid-dħul tal-ewro                                              

* flok il-lira Maltija                                            

* għax meta kriżi f’pajjiż ieħor li għandu l-ewro

* ddgħajfet il-valur tagħha,                                

* iddgħajfilna l-valur ta’ flusna.                         

 

Ma kienx jiġrilna hekk kieku żammejna l-lira Maltija,

* għax meta munita ta’ pajjiż ieħor kienet tiddgħajjef,

* aktarx li l-lira Maltija kienet tikseb aktar valur

* meta mqabbla ma’ dik il-munita.

 

F’dan ir-rigward tajjeb li nfakkru x’ġara fis-snin meta l-munita tagħna kienet marbuta mal-isterlina Ingliża.

 

Meta kienet titbaxxa l-isterlina, kienet titbaxxa magħha l-lira Maltija.

 

Iżda meta qtajna l-lira Maltija mill-isterlina Ingliża,

* meta l-isterlina żvalutat,

* il-lira Maltija mhux talli ma żvalutatx

* iżda saħansitra saret tiswa aktar mil-lira sterlina,

* sakemm waslet biex il-lira Maltija tiswa aktar minn lira u nofs sterlina Ingliża.

 

Imxejna ’l quddiem bil-lira Maltija

 

Minbarra li l-lira Maltija kienet b’saħħitha,                  

* bit-tmexxija bil-qies u bil-għaqal ta’ Mintoff,          

* pajjiżna kien dejjem iżid l-esportazzjoni u t-turiżmu,

* filwaqt li f’dawn iż-żewġ oqsma,                                

* meta sseħibna fiż-Żona Ewro,                                   

* inqasna u morna lura.                                                


Meta kellna l-lira Maltija                                              

* ftaħna ħafna fabbriki,                                                 

* waqqafna l-istat soċjali,                                              

* tajna l-pensjonijiet,                                                     

* għamilna l-edukazzjoni u                                            

* s-servizzi tas-saħħa b’xejn,                                        

* bnejna ‘housing estates’ ma’ Malta u Għawdex      

* u b’danakollu ma kabbarniex id-dejn nazzjonali,      

* anzi faddalna u fawwarna r-riservi tal-flus barranin.

 

Minn mindu daħħalna l-ewro,                        

* l-għoli tal-ħajja                                            

* u ż-żieda fl-ispejjeż                                      

* u fit-tariffi                                                    

* u d-dejn nazzjonali kompla kiber kull sena

* u wasal biex ilaħħaq l-€4 biljun.                  


Gonzi u l-propogandisti tal-ewro kienu jgħidulna li mnalla li daħħalna l-ewro biex stajna nsalvaw.

 

Illum fil-kriżi li l-ewro tinsab fiha, kull min huwa tal-affari tiegħu jgħid li għamilna ħażin li daħħalna l-ewro u li kien jaqblilna li żammejna l-lira Maltija għax ma konniex inkunu milqutin mill-kriżi tal-ewro.

 

Illum l-ewro trid min isalvaha u l-mexxejja tal-pajjiżi taż-Żona Ewro qegħdin iħabblu rashom kif se jagħmlu biex isalvaw l-ewro.


Waslu biex iwaqqfu fond għall-istabbiltà tal-ewro.

 

Pajjżna ntlaqat ħażin bil-kriżi tal-ewro.

 

Fil-każ tal-Greċja, Malta se toħroġ €74 miljun fuq għadd ta’ snin.

 

Għall-fond tal-istabbiltà tal-ewro, Malta se toħroġ bejn €350 miljun u €400 miljun.

 

Dan ifisser li Malta se tgħin biex issalva l-ewro mhux l-ewro salvat lil Malta.


Pajjiżna se jkollu jiddejjen dawn l-ammonti biex l-ewro ssalva, għax m’għandniex flus imfaddlin minn fejn nistgħu nsellfu lil ħaddieħor.

 

Kieku ma daħħalniex l-ewro, ma kienx ikollna nidħlu għall-piż tas-self ta’ dawn l-ammonti li flimkien iġibu bejn €460 miljun u €510 miljun.

 

L-UE kontra l-politika li l-istat jiżgura xogħol għal kulħadd

 

minn Kampanja Helsien Nazzjonali

 

Il-qagħda ħażina tal-ekonomija u tal-finanzi ta’ ħafna pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea (UE), u l-miżuri li l-UE ħadet biex tipprova tilqa’ għall-kriżi ekonomika li l-UE tinsab fiha, kixfu kemm il-politika ekonomika tal-UE hija difettuża u mhux addattata għal ħafna mill-pajjiżi membri.

 

Wera wkoll kemm ħafna mil-problemi soċjali li l-UE għandha, huma frott tal-politika ekonomika żbaljata tagħha.


L-ikbar problema soċjali tal-UE hija l-qgħad ta’ aktar minn 23 miljun ħaddiem bla xogħol fil-pajjiżi kollha membri.

 

L-UE hija kontra l-politika li l-istat jiżgura xogħol għal kulħadd billi jipprovdi xogħol għal dawk kollha li s-settur privat fil-pajjiżi ma jħaddimx.

 

Għax l-UE ssostni li l-istat għandu jrażżan l-ispiża fuq l-impjiegi tiegħu u għandu jindaħal mill-inqas biex joħloq ix-xogħol li l-UE tisħaq għandu jkun regolat mis-suq ħieles mingħajr indħil mill-istat.


L-UE dejjem sostniet ukoll li l-istati tal-UE m’għandhomx il-mezzi finanzjarji kbar biżżejjed li jistgħu jlaħħqu mal-ispejjeż li jkunu meħtieġa biex l-istat jiżgura xogħol għal kulħadd.

Il-miżuri li l-gvernijiet tal-pajjiżi tal-UE ħadu biex jipprovaw jegħlbu l-kriżi ekonomika u biex isalvaw il-munita ewro mill-falliment, iġibu fix-xejn l-iskużi ta’ nuqqas tal-mezzi finanzjarji meħtieġa biex jiġi pprovdut xogħol għal kulħadd fl-UE.


Għax biex il-banek u l-kumpaniji kbar ma jfallux l-UE tat il-permess lill-gvernijiet tal-istati membri biex joħorġu mhux miljuni, iżda biljuni ta’ ewro.

 

Biex il-Greċja tiġi mgħejuna, il-pajjiżi membri tal-UE se joħorġu biljuni ta’ ewro biex flimkien mal-Fond Monetarju Internazzjonali l-Greċja tkun tista’ tingħata self ta’ €110 biljun.


Biex il-munita ewro ma tfallix u tisfaxxa, il-pajjiżi membri fiż-Żona Ewro se jkunu qegħdin jintalbu joħorġu €440 biljun u l-UE tagħti €60 biljun oħrajn mill-fondi tagħha.

Għalhekk l-istati membri tal-UE sabu l-mijiet tal-biljuni ta’ ewro li jeħtieġu biex fiż-żmien tal-kriżi finanzjarja jgħinu lill-banek u lill-kumpaniji l-kbar.

 

Se jgħinu wkoll lil Greċja u lill-pajjiżi oħrajn tal-UE li jistgħu jsibu ruħhom fi kriżi bħal Greċja.


Mela l-gvernijiet tal-pajjiżi membri tal-UE u l-Unjoni nnifisha kellhom il-mezzi finanzjarji, iżda ma riedux jużawhom, biex jipprovdu x-xogħol għal kulħadd.

 

Kellhom il-mezzi finanzjarji meħtieġa għal dan l-iskop ewlieni soċjali, iżda l-politika tal-UE ma taqbilx mal-prinċipju li għandu jinħoloq ix-xogħol għal kulħadd.

 

Minflok dan, l-UE kienet kuntenta tara qgħad ta’ ’l fuq minn 23 miljun ħaddiem u t-tbatijiet li dan iġib lill-familji tagħhom u inkwiet fis-soċjetà.


L-UE ma tridx tifhem                                                     

* li l-ispejjeż li l-istat jagħmel                                       

* biex jiżgura xogħol għal kulħadd                               

* mhumiex spejjeż żejda,                                               

* iżda investiment li jirrendi lill-istat                            

* għax joħloq aktar infieq li jkabbar il-kummerċ,        

* u għax jiffranka lill-istat minn nefqa akbar               

* fi ħlas ta’ benefiċċji soċjali lill-eluf li jkunu qiegħda,

* barra li jnaqqas id-diżgwid soċjali                              

* u ma jħallix li jinfirex il-faqar fil-pajjiż.                      


Fuq kollox,                                                                  

* il-prinċipji li kulħadd jaħdem,                                 

* huwa t-twettiq ta’ dritt fundamentali tal-bniedem,

* u huwa l-għarfien tad-dinjità ta’ bniedem              

* li huwa jista’ jiksibha biss bix-xogħol                    

* li bih huwa jkun jista’ jgħix deċentement               

* u jgħajjex lill-familja tiegħu,                                   

* mhux bil-karità tal-istat.                                         

Wara kollox, l-istorja ta’ kull pajjiż tgħallimna li l-pajjiżi li fallew ekonomikament u finanzjarjament ma kinux dawk li pprovdew xogħol għal kulħadd.

 

Kienu pajjiżi li nefqu flushom fi proġetti li ma rrendewlhomx ġid biżżejjed biex jiġġustifikaw l-infieq li għamlu fuq dawk il-proġetti.

 

B’xogħol għal kulħadd, pajjiż ikun qiegħed jisfrutta l-aqwa riżors li l-pajjiż għandu, li huwa r-riżors uman, il-ħila u l-ħidma tal-ħaddiema, li huma l-aħjar mezzi biex ikabbru l-ġid tal-pajjiżi.


Dan huwa t-twemmin soċjali tas-CNI,   

* li huwa kontra t-twemmin soċjali tal-UE

* li falliet soċjalment,                                 

* u li qiegħda tfalli wkoll ekonomikament.

 

Malta b’għotja ta’ €27 miljun lill-Greċja minkejja biljuni f’dejn

 

minn Charles Micallef, Kampanja Helsien Nazzjonali

 

(Qegħdin nippubblikaw x’kiteb Charles Micallef għax nifhmu li qed ifisser il-biża ta’ hafna, għal­kemm nafu wkoll li ħafna ma jaqblux miegħu)

 

Kulħadd jaf li l-Greċja m’għandhiex minn fejn tħallas lura b’imgħax kummerċjali s-self li l-pajjiżi taż-Żona Ewro se jagħtuha biex isalvawha mill-għarqa lilha u lill-UE nnifisha.

 

Il-Gvern Ingliż għamel sewwa li baqa’ ma daħalx fiż-Żona Ewro u b’hekk lill-Greċja mhu se jagħtiha xejn.


Ara Malta xi ġralha għax daħlet fiż-Żona Ewro,                       

* se jkollha tagħmel tajjeb lill-Greċja għal €27 miljun,            

* b’imgħax kummerċjali skont ma Gonzi qal,                           

* biex tagħmel tajjeb għall-iżbalji u l-qerq tal-gvern ta’ qabel,

* tal-Konservattivi Karamalis.                                                  


Kieku Fenech Adami ma ġenninx lill-Maltin         

* biex jagħmlu suwiċidju nazzjonali                        

* u jidħlu fl-UE u fiż-Żona Ewro,                            

* kieku dawn is-€27 miljun kienu jibqgħu f’Malta

* u jintefqu b’risq il-poplu Malti                            

* għas-servizzi soċjali,                                            

* is-servizzi tas-saħħa,                                           

* l-Isptar Mater Dei,                                              

* mediċini,                                                               

* edukazzjoni,                                                          

* fabbriki,                                                                

* żieda fil-paga minima nazzjonali                          

* u f’infieq ieħor għall-faqar Malti                         

* u għat-tfal taħt ‘care-order’.                                


Kieku bqajna barra l-Unjoni Ewropea u ż-Żona Ewro dawk il-flus konna nżommuhom għalina l-Maltin.

 

U mhux hekk biss.

 

X’aktarx li se jkollna nagħtu l-istess somma

* lil Spanja,                                                     

* lill-Portugall u                                              

* lill-Irlanda,                                                   

* u lil kull pajjiż ieħor fiż-Żona Ewro             

* li se jiġrilu bħalma ġralha l-Greċja.            

 

Sakemm imbagħad Malta tiġi fixxa.

 

Jekk Malta għandha diġà mal-€4 biljun dejn nazzjonali,

* kif tista’ tagħti €27 miljun lil kull pajjiż fiż-Żona Ewro

* li se jiġrilu bħall-Greċja li kienet tgħix ‘beyond her means’?

 

Tgħid aħna l-Maltin se niġu ntaxxati bla ħniena biex ngħinu lill-UE ma tisfaxxax u żżarma?


Prosit għalik Eddie Fenech Adami fejn daħħaltna!

 

Mela għalhekk kont tgħidilna ‘money no problem’ u għaxar miljun ’l hawn u għaxar miljuni ’l hemm, ma jagħmlux differenza.

 

Kien hemm ieħor miegħu li kien qal li d-dejn tal-lum iħallsuh uliedna għada.

 

U l-€20 miljun tal-kuntratt tal-bastiment Fairmount, ħadd ma jaf fejn marru?

 

Kif ħadd ma jaf fejn sejrin il-miljuni tal-power station il-ġdida.


Peress li l-Greċja ma tistax tħallas lura d-dejn li għandha bħalissa, kemm se tħallas lura dawk il-muljuni kollha li l-pajjiżi taż-Żona Ewro se “jsellfuha’ b’imgħax kummerċjali?

 

Minn fejn se tħallashom?

 

Malta meta se tieħu flusha lura?

 

Fl-“anno mai”?!


Mela nistgħu ngħidu bla biża’ u bla tlaqliq li Malta għamlet għotja lill-Greċja ta’ €27 milun.

 

Bħalma x’aktarx se jkollha tagħmel

* lil Spanja,

* lill-Portugall,

* l-Irlanda u

* oħrajn li kienu jgħixu ‘beyond their means’.

 

U sadanittant aħna nkomplu nitqaxxru ħajjin u nieħdu ħsieb eluf ta’ immigranti illegali.

 

Il-Ħamis, 13 ta’ Mejju, 2010

 

 

 

Fittex li tiffirma l-petizzjoni popolari lill-Parlament Malti biex jgħaddi miżuri li jrażżnu l-immigrazzjoni illegali f’pajjiżna.

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

<< Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ