MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

JEKK TIRRISPETTA L-KOSTITUZZJONI TA' PAJJIŻEK GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK JIRRISPETTA L-FEHMIET TIEGĦEK U MA JIVVOTAX FAVUR IL-KOSTITUZZJONI TA' L-UNJONI EWROPEA LI TKASBAR IL-KOSTITUZZJONI TA' MALTA.

 

L-Insara u l-Kostituzzjoni ta' l-UE

 

FILWAQT li aktar Insara Maltin qegħdin jintebħu u jiddispjaċihom li ngannawhom b'dak li qalulhom qabel ir-referendum tal-2003 dwar is-sħubija fl-Unjoni Ewropea, esponenti tal-Knisja f'Malta qegħdin juru li ma jimpurtahomx mit-tbatijiet li ħafna Maltin qegħdin iġarrbu b'konsegwenza tas-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, u qegħdin juru li huma insensittivi għall-effetti diżastrużi ekonomiċi, soċjali u morali li s-sħubija fl-Unjoni qiegħda tikkaġuna f'pajjiżna.

 

Wasalna għal din il-konklużjoni ta' dwejjaq meta rajna x'sar u qrajna x'intqal fis-seminar ta' propaganda li l-Knisja f'Malta organizzat is-Sibt li għadda dwar il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE.

 

Il-kritika tagħna hija kbira u wiesgħa ħafna.

 

M'hemmx dubju li l-kwistjoni tal-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE hija eminentament kwistjoni politika.

 

Fil-fehma tagħna, l-atteġament ta' l-isqfijiet Spanjoli kien għaqli u f'waqtu. 

 

Huma dawwlu l-imħuħ tal-fidili billi taw lista kemm ta' punti pożittivi, kif ukoll ta' punti negattivi li raw fiha, u ħallew lill-fidili biex jiddeċiedu dwarha skond il-kuxjenza tagħhom.

 

Mhux hekk qiegħed iseħħ f'Malta, fejn esponenti tal-Knisja qegħdin jagħmlu propaganda favur il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE.

 

Min jikkritika oġġettivament il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE, ma jkunx qed jeħodha kontra l-Unjoni, u lanqas kontra s-sħubija fl-Unjoni. 

 

Ikun qiegħed isostni li għandu jkun hemm għaqda fost il-pajjiżi Ewropej aħjar mill-Unjoni Ewropea skond kif il-Kostituzzjoni ġdida se tagħmilha.

 

Ikun ukoll qiegħed jifhem li bil-Kostituzzjoni ġdida, il-qagħda politika, ekonomika u soċjali ta' Malta fl-Unjoni se teħżien, mhux titjieb. 

 

Għalhekk ħafna Nsara Maltin joġġezzjonaw għall-propaganda barra minn lokha ta' l-esponenti tal-Knisja f'Malta favur il-Kostituzjoni ġdida ta' l-Unjoni Ewropea.

 

Ma nifhmux kif min tassew iħaddan it-twemmin soċjali Nisrani jista' japprova l-politika fit-Tielet Parti tal-Kostituzzjoni ġdida. 

 

Kif jista' jbierek ir-regoli tal-Kostituzzjoni li jkabbru d-differenzi soċjali, inaqqsu l-għajnuniet ta' l-istat lil min għandu bżonn, ifaqqru aktar lil min m'għandux u jgħinu biex min għandu ħafna jkompli jżid milli għandu?

 

Kif jistgħu l-Insara Maltin jappoġġjaw il-militarizzazzjoni ta' l-Unjoni, it-twaqqif ta' l-armata Ewropea, ħalli tkun tista' tmur tiġġieled barra mill-pajjiżi ta' l-Unjoni? 

 

Tagħlimiet lill-politiċi ta' l-UE

 

L-UNJONI Ewropea la hija fil-moħħ u lanqas fil-qalb tal-popli Ewropej.

 

Il-gimgħa l-oħra rajna fuq it-televiżjoni, fl-okkażjoni tal-mewt tal-Papa, xeni ta' miljuni ta' uċuh minn kull pajjiż ta' l-Unjoni Ewropea.

 

Dawk kollha wrew in-nazzjonalita` tagħhom, mil-liema pajjiż kienu ġejjin, bl-eluf ta' bnadar ta' kull pajjiż ta' l-Unjoni.

 

L-aktar xeni impressjonanti kienu dawk ta' Pjazza San Pietru, f'Ruma, u t-toroq li jagħtu għaliha, fil-funeral tal-Papa.

 

Flejna l-bnadar kollha li kien hemm, u nistgħu ngħidu li rajna bnadar ta' kull pajjiż ta' l-Ewropa.

 

Iżda fost il-miljuni ta' Ewropej, ħadd, lanqas persuna waħda, ma ġarret il-bandiera ta' l-UE.

 

Ebda persuna minn fost dawk il-miljuni, ma ħasset li l-bandiera blu bl-istilel, hija l-bandiera tagħha.

 

Kulħadd ħass li l-bandiera tiegħu hija dik ta' pajjiżu.

 

It-tagħlima hija li l-Unjoni Ewropea mhix fil-moħħ u lanqas fil-qalb tal-popli Ewropej izda hija biss fl-imħuh u fil-bwiet tal-politiċi.

 

Fost il-miljuni li fid-dinja kollha wrew sogħba għall-mewt tal-Papa, spikkaw iż-żgħażagħ.

 

Iż-żagħżagħ ħabbewh u ġrew warajh, minkejja li ma kienx bniedem li ċeda l-prinċipji fundamentali tat-twemmin tiegħu ħalli jogħġob ix-xejriet tal-maġġoranza kbira taż-żminijiet tal-lum.

 

Ħafna kienu jsibuh bħala "fundamentalista" għax żamm mal-prinċipji tiegħu, u ma warrabhomx biex ifittex l-appoġġ popolari.

 

Kien proprju minħabba f'hekk li ż-żgħażagħ raw fih bniedem ta' sinsla, u mhux opportunista, bniedem li ma ttradixxix il-prinċipji tiegħu biex jiggwadanja l-voti, li ż-żgħażagħ inġibdu warajh bħal qatt inġibdu wara ebda mexxej politiku li ntlewa ganċ biex jipprova jogħġobhom.

 

Il-mexxejja politiċi tal-pajjiżi kollha tad-dinja, anki dawk li marru kontra r-rieda tal-Papa, jekk għandhom sens u kuxjenza, setgħu ħadu t-tagħlima mid-dieqa li wrew iż-żgħażagħ.

 

It-tagħlima hija, li dak li wieħed jemmen fih għandu jkompli jistqarru anki jekk ma jkunx popolari.

 

Li l-verita` għandek tkompli tiddefendiha, anki jekk ma tingħoġobx.

 

Li l-ideoloġija timla l-qalb u l-moħħ taż-żgħażagħ, mhux il-kalkolu u l-opportuniżmu tal-politiċi.

 

Il-fatti veri dwar il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE

 

X'INHI l-verita` dwar il-kostituzzjoni ġdida ta' l-UE?

 

Żgur mhux dak li qegħdin jippreżentaw korrispondenti li jridu akkost ta' kollox li ż-żewġ naħat tal-Parlament Malti jivvotaw favur ir-ratifika tagħha.

 

Dawn huma taparsi imparzjali u taparsi qegħdin juru l-fatti veri dwarha b'mod oġġettiv, mentri qegħdin jaħbu fatti dwarha, u għalhekk m'humiex jgħidu l-verita`.

 

Aħna ma ngħidux li aħna mparzjali, u nistqarru li aħna kontriha.

 

Iżda l-fatti negattivi li nagħtu dwar il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE huma l-verita`.

 

Nieħdu l-ewwel eżempju li juri l-falzita ta' dawk li jridu jqajma l-appoġġ tal-pubbliku għall-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE.

 

Huma jfissru l-Artiklu 6 tagħha billi jgħidu li kull ma fih huwa li l-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta' l-UE huma superjuri għal-liġijiet tal-pajjiżi membri.

 

Jgħidu wkoll li dan mhux xi prinċipju ġdid għax dan il-prinċipju diġa` jezisti, billi stabbilitu fl-imgħoddi l-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-UE f'numru ta' sentenzi li tat.

   

Iżda dawk li jsostnu dan, jaħbu fatt importanti.

 

Dan huwa li l-Artiklu 6 tal-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE idaħħal prinċipju ġdid billi jgħid li l-liġijiet ta' l-UE se jkunu superjuri mhux għal-liġijiet biss tal-pajjiżi membri, izda anki għall-Kostituzzjoni tal-pajjiżi membri.

 

Min qed jaħbi dan il-prinċipju ġdid li l-Unjoni trid iddaħħal bil-Kostituzzjoni ġdida tagħha, ma jkunx qiegħed jagħti l-fatti veri dwarha, iżda jkun qed jaħbihom mill-pubbliku li mhux imħarreġ jagħraf kif l-avukati li kitbu l-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni Ewropea jafu jostru l-għanijiet tagħhom.

 

Min irid akkost ta' kollox iż-żewġ naħat tal-Parlament Malti jivvotaw favur Artiklu 6 tal-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE, jaf li dan imur kontra l-Kostituzzjoni ta' Malta.

 

Għax il-Kostituzzjoni Maltija tgħid li hija suprema, u kull liġi li ma taqbilx magħha, tkun nulla.

 

Għalhekk, liġi ta' l-UE li ma taqbilx mal-Kostituzzjoni ta' Malta, ma jkollhiex effett f'Malta.

 

Sabiex liġi ta' l-UE li ma taqbilx mal-Kostituzzjoni Maltija tegħleb il-Kostituzzjoni Maltija, irid ikun hemm maġġoranza ta' tnejn minn tlieta tal-membri kollha tal-Parlament Malti li jivvotaw favur Artiklu 6 tal-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE.

 

Tal-MIC idoqqu t-trombi bir-rapporti

 

L-AĠĠORNAT, il-bullettin maħruġ mill-MIC, fid-9 ta' April daqq it-trombi bir-rapporti ppreżentati mill-MLP dwar il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE. Tal-MIC ħadu gost bihom tant li ġabu rapport dwarhom.

 

Mir-rapport politiku, xandru din is-silta:

 

"Vot negativ iqiegħed dubji serji fuq il-kredibilita` tal-partit speċjalment meta jitqies li l-partit ikkommetta ruħu li jirrispetta r-rieda popolari wara l-aħħar elezzjoni ġenerali...Vot "le" jista' jintlaqa' minn uħud mill-akkaniti tal-partit imma ma jinżilx tajjeb mal-Laburisti li huma favur l-UE u mal-votanti indeċiżi."

 

Mela jekk inti wieħed jew waħda mill-akkaniti Laburisti, għid lid-deputat parlamentari tiegħek biex jivvota "LE".

 

Jekk inti vvotajt favur l-UE, jew inti votant indeċiż, għidlu jivvota favur.

 

L-Aġġornat irraporta wkoll li fir-rapport legali, iż-żewġ avukati, Dr Joe Brincat u Dr Pawlu Lia, stqarrew li "l-adozzjoni tat-Trattat tal-Kostituzzjoni ta' l-UE mhux se jikser il-Kostituzzjoni Maltija."

 

Mhux minnu li l-Avukat Lia kiteb hekk.

 

Huwa ma ħax sehem fil-kitba tar-rapport legali.

 

Min isemmih, ikun qed iqarraq.

 

Il-Kostituzzjoni Maltija tgħid li hija superjuri għal-liġijiet f'Malta.

 

Il-Kostituzzjoni ta' l-UE tgħid li l-liġijiet ta' l-UE huma superjuri għall-Kostituzzjoni Maltija.

 

Ma tridx tkun avukat biex tara li l-Kostituzzjoni ta' l-UE tikser il-Kostituzzjoni ta' Malta.

 

X'ma jifirħux u jdoqqu t-trombi tal-MIC!

 

Ġurament ta' lealta` li jieħdu l-Membri Parlamentari kollha

 

Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li nkun tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r- Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. (Hekk Alla jgħini).

 

Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.

 

Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment u skond il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skond il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta, mingħajr biża’ jew favur. ( Hekk Alla jgħini).

 

Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ President.

 

Jiena ..............................................., solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta’ President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta’ Malta, u li, skond l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. (Hekk Alla jgħini).

 

Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta

 

6. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) ta’ l-artikolu 47 u ta’ l-artikolu 66 ta’ din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.

 

Artiklu I-6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea

 

Dritt ta' l-Unjoni

Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri.

 

Tista' tafda lil min jikser il-ĠURAMENT tiegħu/tagħha?

 

L-Erbgħa, 13 ta' April, 2005.

<< Lura <<

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ