MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI


Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000 minn ħalq uliedek
Moviment
għall-Indipendenza ta’ Malta
Lill-Maltin u l-Għawdxin li jgħożżu l-Indipendenza
u l-Ħelsien, lil dawk li m’humiex kuntenti li l-poplu tagħna m’għadx
għandu rajh f’idejh u lil dawk li ma jaqblux mal-politika jew mat-tmexxija
ta’ l-Unjoni Ewropea, il-Kampanja Ħelsien Nazzjonali (CNI), issa li l-Elezzjoni għaddiet, tħeġġiġhom
jappoġġjaw it-twaqqif ta’ Moviment għall-Indipendenza ta’
Malta (Malta Independence Movement).
Hu x’inhu t-twemmin politiku tiegħek –
* Nazzjonalist,
* Laburist, ta’
* l-Alternattiva jew ta’
* l-Azzjoni Nazzjonali -
jekk tifhem li s-sħubija fl-Unjoni Ewropea hija aktar
ta’ ħsara milli ta’ ġid għall-kotra tal-poplu u għal
pajjiżna, għandek taħdem biex mill-aktar fis possibbli pajjiżna
joħroġ mill-Unjoni.
Dan iseħħ meta jkun hawn maġġoranza ta’ Maltin u Għawdxin
li jridu li l-Gvern elett demokratikament ma jkunx aktar mġiegħel li
jagħmel dak li tiddeċiedi l-maġġoranza tal-gvernijiet
tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni, minkejja l-vot kuntrarju tal-Gvern ta’ Malta.
Bħal ma l-istorja politika ta’ ħafna pajjiżi tgħallimna, iż-żgħażagħ,
speċjalment l-istudenti, dejjem ikunu minn ta’ quddiem fil-ġlieda għall-indipedenza
u l-ħelsien.
Nittamaw li anki f’Malta, ħafna żgħażagħ
għandhom il-fibra morali li jwarrbu l-interessi egoistiċi tagħhom
u jiddedikaw l-isforzi u t-talenti tagħhom biex jifdu lill-art twelidhom u
jeħilsu lilhom nfushom u lill-poplu Malti mill-madmad tal-gvernijiet
barranin ta’ l-Unjoni Ewropea.
Iż-żgħażagħ, imħeġġin minn spirtu
patrijotiku u mill-imħabba għal ġensna, m’għandhomx iħallu
li jiddemoralizzawhom dawk sħabhom li jfittxu l-interessi personali u
finanzjarji tagħhom qabel il-ġid tal-poplu u jinbarmu bil-propaganda
tal-barranin ta’ l-Unjoni.
L-istorja politika ta’ ħafna pajjiżi, inkluża Malta, turina li
l-klassi tal-ħaddiema kienet protagonista fil-ġlieda għall-Indipendenza
u l-Ħelsien minn ħakma barranija.
Hekk seħħ f’pajjiżna fil-ġlieda biex sirna għall-ewwel
darba stat sovran u repubblika demokratika.
Din id-darba, il-ġlieda kienet kontra l-barrani u
ħafna ħaddiema kienu lesti jissagrifikaw anki l-impjieg tagħhom
biex pajjiżna jsir indipendenti u ħieles.
Il-barrani ma kienx avversarju żgħir u l-ġlieda kienet iebsa
fis-snin imgħoddija.
Illum, il-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien mhux se tkun
inqas iebsa għax din id-darba l-ġlieda hija kontra ħutna stess
Maltin u Għawdxin li biegħu l-lealtà tagħhom lill-barranin ta’
l-Unjoni u li minnhom huma mwiżnin tajjeb.
Irridu noħduha kontra l-interessi egoistiċi tagħhom li jwassluhom biex jinjoraw u jissagrifikaw l-interessi tal-kotra tal-poplu
Malti.
* Tkun kemm tkun iebsa l-ġlieda u
* tkun kemm tkun twila t-triq,
* dawk kollha li jgħożżu l-libertà għall-poplu tagħna,
* iħobbu lil art twelidna u
* jridu l-iżvilupp soċjali u
* l-ġid tal-poplu,
għandna niġu flimkien biex naħdmu ħalli Malta terġa’ tkun
* sovrana,
* indipendenti u
* ħielsa mill-Unjoni Ewropea,
għalkemm sħab magħha fil-ħidma għall-paċi
u għat-tkattir tal-koperazzjoni bejnietna u bejn il-ġnus kollha ta’
rieda tajba.
Għandna lkoll naħdmu fix-xhur li ġejjin,
* fil-partiti politiċi rispettivi tagħna,
* fit-trejd unjins u
* l-organizzazzjonijiet soċjali li nappartjenu,
* fl-istituzzjonijiet edukattivi għoljin fejn ninsabu,
* ħalli l-ideali tagħna jitħaddnu mill-maġġoranza tal-Maltin u l-Għawdxin u
* l-poplu tagħna jerġa’ jikseb rajh f’idejh u
*
ġensna jerġa’ jkun indipendenti u ħieles.
Il-poplu
Malti qiegħed jgħix gidba
Il-poplu Malti qiegħed jgħix gidba.

Il-ħin kollu jtennulu l-gidba li se jirċievi mill-Unjoni Ewropea 855 miljun Ewro f’7 snin, bla ma jgħidulu li minnhom irridu nnaqqsu 360 miljun Ewro li nagħtu lill-Unjoni fl-istess snin.
* Aktar tard wara sirna nafu li issa s-somma hija ta' 420,000,000 ewro.
Għalhekk l-ammont nett li jibqgħalna huwa ta’
495 miljun Ewro fis-7 snin, li jfisser li se jkollna 70.7 miljun Ewro fis-sena,
li jġibu 30.5 miljun liri Maltin fis-sena.
Dan l-ammont ta’ 30.5 miljun liri Maltin fis-sena ma jirkuprax l-ispejjeż
kbar li pajjiżna jagħmel fis-sena, kaġun tas-sħubija fl-Unjoni.
Dawn l-ispejjeż jikkonsistu fil-ħlasijiet lil għadd
kbir ta’ impjegati fis-settur pubbliku f’Malta u barra minn pajjiżna,
konnessi ma’ l-Unjoni Ewropea u l-ispejjeż kollha tas-safar kontinwu għal-laqgħat
ta’ l-Unjoni kull ġimgħa.
Tant huwa kbir l-infieq fis-salarji u l-ispejjeż l-oħrajn kollha, li
l-Gvern qiegħed jirrifjuta li jagħti tagħrif dwarhom, minkejja t-talbiet
insistenti li jsirulu.
Ma jagħtix tagħrif għax jibża’ juri
kemm pajjiżna sejjer minn taħt.
Ta’ min jgħid li dawn l-ispejjeż qegħdin isiru mingħajr
il-pajjiż ma jikseb xejn minnhom, għax l-għoti tal-30.5 miljun
liri Maltin fis-sena mill-Unjoni huma mwegħdin diġà, u nagħmlu
kemm nagħmlu spejjeż, la nistgħu nżiduhom u lanqas
innaqqsuhom.
Għalhekk nistgħu ngħidu li l-parti kbira ta’ dawn l-ispejjeż
qegħdin jintefqu għalxejn, ħlief biex nidhru ma’ ta’ l-Unjoni
li aħna qegħdin inlaħħqu magħha u mad-direttivi u
regolamenti li toħroġ.
Anki dwar id-direttivi u r-regolamenti ta’ l-Unjoni l-poplu tagħna qiegħed jgħix gidba.
Għax madwar 75 fil-mija tad-direttivi u r-regolamenti ta’ l-Unjoni Ewropea
* li nqallbu kollha għall-Malti għall-benefiċċju tagħna,
* huma għal kollox irrelevanti għalina u
* ma jgħoddux għalina u
* ma jiswelna xejn,
ħlief ħafna dokumenti li swew
* ħafna xogħol u
* spejjeż
* biex inqalbu għall-Malti.
Issa li wasalna biex nagħlqu erba’ snin li ilna mseħbin
fl-Unjoni Ewropea, imissna nagħmlu “cost-benefit analysis” tas-sħubija
ta’ pajjiżna fl-Unjoni, ħalli l-poplu jkollu stampa ċara
tal-qagħda u jkun jista’ jifhem kemm mhux minnu li qablilna
finanzjarjament li nidħlu fl-Unjoni.
Ma qablilniex mhux biss minħabba dan
* id-’deficit’ finanzjarju,
* iżda wkoll minħabba l-konsegwenzi ħżiena fuq ix-xogħol u l-impjiegi,
* fuq l-għoli tal-ħajja,
* fuq iż-żieda esaġerata tal-proprjetà immobbli u
* fuq it-taxxi
li ħafna minnhom l-Unjoni Ewropea ġagħlet lill-Gvern biex jagħmilhom, bħal ma hija
* t-taxxa tal-VAT,
* l-Eco Tax, u
* l-’levies’ fuq il-prodotti taż-żejt.
Barra dawn l-iżvantaġġi finanzjarji u ekonomiċi tas-sħubija
fl-Unjoni, ġarrabna wkoll konsegwenzi ħżiena soċjali.
Forsi l-akbar waħda hija
* l-ħerba soċjali li qiegħed ikollna
* bl-eluf ta’ immigranti illegali
* li l-politika u
* r-regolamenti ta’ l-Unjoni
* jobbligawna li nżommuhom f’pajjiżna,
*
anki kontra r-rieda tagħhom.
Anki f’din il-kwistjoni l-poplu
* mhux qegħdin jgħidulu l-verità,
* biex ma jintebaħx li l-ħsara li qiegħda ssir,
* hija tort ta’ l-Unjoni Ewropea
* li ma tħalliniex ngħinu lill-immigranti jkomplu sejrin
* lejn il-pajjiżi li jridu jmorru fihom fl-Ewropa.
Huwa għajb għall-mexxejja Maltin li qegħdin jaħbu l-fatti
veri lill-poplu, ħalli dan ma jindunax kemm jaqbillu li noħorġu
mill-Unjoni.
Għalhekk aħna nħossu d-dmir li ma nieqfux milli nitkellmu u
niktbu l-verità dwar is-sħubija fl-Unjoni Ewropea, minkejja li jsir minn
kollox ħalli ma ninstemgħux u l-kitba tagħna ma tinqarax.
Il-qerq
ta’ l-Unjoni Ewropea
L-għadd qiegħed dejjem jikber ta’ dawk li
jikkritikaw l-Unjoni Ewropea għat-tmexxija korrotta tagħha, għall-politika
żbaljata tagħha u għall-mezzi qarrieqa tagħha.
F’dawn l-aħħar ġimgħat, wieħed mill-iprem kittieba,
Frans Sammut, kiteb hekk:
“Il-poplu issa sar jaf mill-qrib, għax qiegħed jara b’għajnejh u jmiss b’idejh, xi tfisser l-Unjoni Ewropea u l-liġijiet tagħha li tfasslu biex jintlaħqu l-ħtiġijiet ta’ pajjiżi li ftit li xejn għandhom il-ħtiġijiet, l-għanijiet u l-aspirazzjonijiet tagħna”.
F’dawn l-aħħar ħmistax, Dun Anġ Seychell kiteb hekk:
“…irridu nkunu nafu fiex qegħdin jintefqu l-miljuni
li kull sena aħna l-Maltin qegħdin inkunu obbligati nagħtu lil
Brussels.
Jekk aħna nistgħu nonfquhom ħażin u jmorru fi bwiet l-esplojtaturi,
hekk ukoll huma fi Brussels. Nafu biżżejjed kemm korruzzjoni seħħet
fi Brussels matul is-snin. Niftakru tajjeb dik id-darba meta kellhom jirriżenjaw
l-irjus kbar kollha li mexxu l-Unjoni Ewropea. Nafu biżżejjed bl-istil
ta’ ħajja fi Brussels li xi wħud qegħdin jgħixu minn fuq
dahar iċ-ċittadini!”
Il-ġimgħa l-oħra dehret f’ġurnal bl-Ingliż lokali,
kitba ta’ Joseph Lia dwar l-Unjoni Ewropea u l-Finlandja.
Huwa qal li l-Unjoni l-ewwel taċċetta t-talbiet
li jsiru minn pajjiż qabel ma jissieħeb fl-Unjoni, minkejja li hija
tkun taf li dawk it-talbiet ma jkunux jaqblu mar-regoli stabiliti tagħha.
Imbagħad, wara s-sħubija, meta l-pajjiż jimxi skond dak li huwa
magħruf bħala l-‘common position’ tal-pajjiż u l-Unjoni, din
la darba l-pajjiż ikun marbut bis-sħubija, tgħid li l-‘common
postion’ mhix miftehma kif il-pajjiż jippretendi li hija. U l-Unjoni
tibda tinsisti li pajjiż jagħmel dak li trid l-Unjoni.
Meta l-pajjiż ma jagħmilx dan, l-Unjoni tgħaddi biex tuża l-aħħar
arma tagħha, billi tieħu l-każ quddiem il-Qorti tagħha tal-Ġustizzja.
B’hekk tgħaddi ta’ l-Unjoni u din għandha il-wiċċ
ssostni dan il-qerq Macchiavellian bħal ‘ġustizzja’”.
Il-kittieb ikompli juri kif il-magażin Time stqarr li l-Unjoni Ewropea teċċella
bl-għadd kbir ta’ regolamenti li tagħmel, li bihom tmexxi hija l-istati
membri tagħha u qalbet it-tifsira ta’ stati sovrani.
Għax fil-waqt li stat sovran ikollu s-setgħat kollha f’idejh u mhux
taħt ħakma barranija, l-Unjoni la tmexxi hija l-istati membri, neżżgħethom
mis-sovranità tagħhom.
Dan seħħ lil Malta, li m’għadhiex sovrana u min jaħseb
il-kuntrarju, qiegħed joħlom, jinsisti Joseph Lia.
Dan il-kittieb imbagħad jitkellem dwar x’ġara fil-kwistjoni tal-kaċċa
fil-gżejjer Aaland tal-Finlandja.
Il-poplu tagħhom ivvota “Iva” fir-referendum dwar
is-sħubija fl-Unjoni, wara li żgurawh li se jkompli jgawdi d-dritt li
kellu dwar il-kaċċa.
Wara s-sħubija, il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni qatgħet li
l-kaċċa fir-rebbiegħa illegali skond ir-regoli ta’ l-Unjoni,
ħlief għal eċċezzjoni żgħira.
Il-Qorti qatgħet li l-kaċċaturi fil-gżejjer Aaland jistgħu
jisparaw fuq speċi waħda tat-tjur fir-rebbiegħa.
Bl-istess mod il-Qorti tista’ taqta’ fil-każ ta’ Malta, li l-kaċċaturi
għandhom dritt jisparaw fuq ċerti tjur fl-istaġun tar-rebbiegħa.
Jekk tingħata sentenza bħal din, tinkixef aktar kemm l-Unjoni timxi b’qerq mal-popli li jissieħbu fiha.
Jekk is-sentenza tkun kontra, il-kaċċaturi jikkonfermaw kemm l-Unjoni Ewropea u l-propagandisti f’Malta tagħha, daħqu
bihom qabel ir-referendum.
IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA
Il-Ħamis,13 ta’ Marzu, 2008
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju Finanzjarju
CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ