MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
Mill-Avukat Karmenu Mifsud Bonnici
Chairman Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI
IL-KOSTITUZZJONI TA' L-UNJONI EWROPEA TKASBAR IL-KOSTITUZZJONI TA' MALTA
Il-Partit Laburista u l-Kostituzzjoni ta' l-UE
ĦAFNA delegati Laburisti kienu qegħdin jistennew, bħalma kont qiegħed nistenna jien, li l-Konferenza Ġenerali Annwali tiddiskuti dwar l-imġieba tad-Deputati Parlamentari Laburisti, kemm fil-Parlament Ewropew, kif ukoll fil-Parlament Malti, għall-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni Ewropea.
Fis-27 ta' Diċembru, 2004, issekondat mid-delegat, il-veteran Karmenu Sciberras, ippreżentajt mozzjoni għall-Konferenza Ġenerali dwar ir-ratifika tal-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni Ewropea.
Din il-mozzjoni kienet tgħid li l-Konferenza Ġenerali, filwaqt li ġġedded il-mozzjoni mgħoddija fid-9 ta' Novembru, 2003, dwar ir-relazzjonijiet ta' Malta ma' l-Unjoni Ewropea, taqta' li l-Partit Laburista ma jivvotax favur ir-ratifika tal-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni Ewropea, li tgħid li l-liġijiet ta' l-Unjoni jkunu aqwa u fuq il-Kostituzzjoni ta' Malta.
Ġejt mgħarraf li l-Eżekuttiv Nazzjonali Laburista kien fassal strateġija li taħseb biex id-deċiżjoni dwar il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni Ewropea se tittieħed f'Konferenza Ġenerali Straordinarja f'Ġunju li ġej u l-Konferenza Ġenerali Annwali kellha tikkonċentra dwar il-kriżi ekonomika u n-nuqqas ta' mpjiegi, kif ukoll dwar in-nuqqas ta' ħila u ta' miżuri ġusti u effikaċi min-naħa tal-Gvern Nazzjonalista biex jilqa' għall-qagħda mwegħra ta' pajjiżna.
Wara l-kampanja għall-elezzjonijiet f'Marzu tal-Kunsilli Lokali, il-partit bi ħsiebu jagħmel dibattitu wiesgħa, intensiv u miftuh dwar il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni Ewropea, għat-tħejjija tad-deċiżjoni li tittieħed mill-Konferenza Ġenerali Straordinarja f'Ġunju.
Ġejt ukoll żgurat li jekk il-Gvern jgħaġġel biex iressaq għar-ratifika fil-Parlament il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni Ewropea, qabel ma l-Partit Laburista jkun iddiskutiha u ddedċieda fuqha, id-deputati Laburisti ma jkollhomx triq oħra ħlief dik li ma jiħdux sehem fid-diskussjoni u l-votazzjoni fil-Parlament.
Minħabba dan il-pjan ta' l-Ezekuttiv Nazzjonali l-mozzjoni dwar il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni Ewropea ma tressqitx quddiem il-Konferenza Ġenerali Laburista li għandha tibda llum.
B'danakollu, ta' min ifakkar li l-Partit Laburista għadu marbut bil-mozzjoni li l-Konferenza Ġenerali approvat fid-19 ta' Novembru, 2003.
Skond dik il-mozzjoni, filwaqt li l-Partit Laburista għandu jieħu sehem fl-istituzzjonijiet kollha ta' l-Unjoni Ewropea, għandu jaħdem bla heda, anki waqt li huwa fl-Oppożizzjoni, biex ixejjen l-aspetti negattivi kollha tal-ftehim ta' sħubija magħmul mill-Gvern Nazzjonalista, u għandu jara li l-ftehim ma' l-Unjoni Ewropea ma jkunx żvantaġġjuż u ta' ħsara għall-poplu Malti, speċjalment għall-ħaddiema.
Id-delegati Laburisti għandhom dritt jingħataw tagħrif dwar x'ħidma saret biex titwettaq ir-rieda mfissra mill-Konferenza Ġenerali fil-mozzjoni tad-9 ta' Novembru, 2003, u jekk ma sar xejn, għaliex.
Dwar id-diskussjoni fi ħdan il-Partit fuq il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE, nittama li tkun waħda wiesgħa u intensa, u li fiha niflu sewwa t-tifsira tagħha u l-konsegwenzi tagħha fuq il-poplu Malti u l-Kostituzzjoni tagħna.
Hemm bżonn li ma jerġgħux jiġu mbarrati lil ħadd il-mezzi ta' l-informazzjoni tal-Partit u ċ-ċentri Laburisti.
Ikun f'waqtu li sakemm isiru l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali f'Marzu, isiru laqgħat ta' diskussjoni dwar il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE fiċ-ċentri Laburisti tal-lokalitajiet fejn ma jmisshomx isiru l-elezzjonijiet.
Wara Marzu, isiru l-laqgħat fuq il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE fiċ-ċentri Laburisti tal-lokalitajiet li għandhom l-elezzjoni f'Marzu, ħalli sa Marzu dawk iċ-ċentri jikkonċentraw fuq il-kampanja elettorali li għandha x'taqsam mal-lokal tagħhom.
Minnufih wara l-Konferenza Ġenerali fi ħsiebni navviċina liċ-ċentri Laburisti fejn m'hemmx elezzjoni, biex jiġu organizzati laqgħat dwar il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE.
Din hija kwistjoni importanti kemm għall-poplu tagħna, kif ukoll għall-Partit Laburista.
Ġurament ta' lealta` li jieħdu l-Membri Parlamentari kollha
Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li nkun tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r- Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. (Hekk Alla jgħini).
Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.
Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment u skond il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skond il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta, mingħajr biża’ jew favur. ( Hekk Alla jgħini).
Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ President.
Jiena ..............................................., solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta’ President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta’ Malta, u li, skond l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. (Hekk Alla jgħini).
Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta
6. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) ta’ l-artikolu 47 u ta’ l-artikolu 66 ta’ din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.
Artiklu I-6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea
Dritt ta' l-Unjoni
Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri.
Tista' tafda lil min jikser il-ĠURAMENT tiegħu/tagħha?
Il-Ħamis, 13 ta' Jannar, 2005.
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat Lm2 flimkien ma' din il-formola liċ-
Chairman
CNI,
Dr
Karmenu Mifsud Bonnici B.A. LL.D.
81,
Triq Ġuże Pace,
Ħamrun.
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ