MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI
Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000
Il-falliment ta’ l-UE dwar l-immigranti illegali
Fil-kwistjoni ta’ l-immigranti illegali l-Unjoni Ewropea għamlet
fjask kbir li wera kemm l-Unjoni hija nieqsa mill-ispirtu ta’ solidarjetà li
tant tiftaħar bih u kif il-pajjiżi membri li m’humiex milqutin
direttament, ma jimpurtahomx minn dawk li qegħdin iħabbtu wiċċhom
ma’ mewġa wara mewġa ta’ immigranti illegali.
Fl-20 ta’ dan ix-xahar għandhom jiltaqgħu informalment
il-kapijiet ta’ l-Istat u tal-Gvern tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni,
f’Lahti, fil-Fillandja, fil-Kunsill Ewropew.
Huma mistennijin jiddiskutu l-ittra li tmienja minnhom bagħtu fil-25 ta’ Settembru lill-Prim Ministru tal-Fillandja, Matti Vanhanen, li f’dawn is-sitt xhur għandu r-residenza ta’ l-Unjoni, u lil Josè Manuel Barroso, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, dwar il-kwistjoni ta’ l-immigranti illegali.
L-ittra tat-tmienja
Fl-ittra tal-kapijiet ta’ l-Istat u tal-gvern tat-tmien pajjiżi
minn 25 sejħu għal soluzzjoni komuni mill-Unjoni kollha tal-problema
ta’ l-immigrazzjoni illegali, la darba din tolqot lill-Unjoni sħiħa
u mhix biss problema tal-pajjiżi membri fit-truf ta’ l-Unjoni, bħalma
huma l-Portugall, Spanja, Franza, l-Italja, is-Slovenja, il-Greċja, Ċipru
u Malta, li ffirmaw l-ittra.
Huma saħqu li l-Unjoni għandha tara li jkun hemm pattulji u għassa
ta’ l-ibħra għall-immigranti, li jkun hemm operazzjonijiet ta’
salvataġġ mill-għarqa, li jkun organizzat il-mod kif jintlaqgħu,
x’għandu jsir biex ikun magħruf minn liema pajjiżi ġejjin,
u kif għandhom jinżammu mgħassin, u kull pajjiż membru ta’
l-Unjoni għandu jagħti sehmu.
Il-kapijiet ta’ l-Istat u tal-gvern ipproponew li l-Unjoni titħaddet
mal-pajjiżi Afrikani minn fejn jiġu l-immigranti, u li għandha
tingħata għajnuna teknika u finanzjarja lill-pajjiżi fejn
l-immigranti jmorru biex isalpaw lejn l-Ewropa (bħal-Libja).
Fuq kollox, l-Unjoni għandha tifhem iktar ir-raġunijiet tal-kriżi ta’ l-immigrazzjoni illegali biex tkun tista’ tfassal passi xierqa biex twaqqaf l-immigrazzjoni illegali.
Għaldaqstant it-tmien kapijiet tal-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni, fosthom Malta, sostnew li għandhom jitħaffu kemm jista’ jkun l-arranġamenti biex issir laqgħa fi Tripli bejn l-UE u l-Unjoni tal-pajjiżi Afrikani biex jipprovaw jilħqu ftehim wiesgħa tal-problema ta’ l-immigrazzjoni illegali.
Fil-Parlament Ewropew
Fit-tweġiba tiegħu tad-29 ta’ Settembru, il-Prim Ministru Finlandiż
Matti Vanhanen wiegħed li jqiegħed il-kwistjoni ta’ l-immigrazzjoni
illegali fil-bidu ta’ l-aġenda tal-laqgħa informali tal-kapijiet
ta’ l-Istat u tal-gvern tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni li għandha ssir
fl-20 ta’ Ottubru, u li fiha l-Prim Ministru Spanjol, Josè Luis Zapatero għandu
jippreżenta rapport dwar il-kwistjoni u jagħmel proposti konkreti
importanti, ħalli mbagħad fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru
li ġej, il-kapijiet tal-25 pajjiż ta’ l-Unjoni jkunu f’qagħda
li jiddeċiedu x’azzjonijiet jittieħdu mill-Unjoni.
Sadanittant fis-27 ta’ Settembru l-Parlament Ewropew iddedika sagħtejn u
nofs mill-ħin tieghu biex jiddiskuti l-problema ta’ l-immigrazzjoni
illegali.
Tkellmu madwar 60 membru tal-Parlament fuq il-problema, fosthom tliet Maltin, u kull kelliem ma setax ħa iktar minn żewġ minuti u nofs biex jaqra d-diskors tiegħu.
Il-membri Parlamentari Maltin ikkritikaw bl-aħrax in-nuqqas ta’ azzjoni f’din il-kwistjoni min-naħa ta’ l-Unjoni Ewropea, u wieħed minnhom sa wasal biex jixli lill-Unjoni li, fin-nuqqas ta’ azzjonijiet konkreti, l-għaqda ta’ l-Ewropa se tispiċċa f’ħafna karti, ħafna riżoluzzjonijiet, ħafna wegħdiet u f’ħafna ħolm, mingħajr riżultati konkreti.
Fid-diskussjoni tal-Parlament Ewropew tkellem ukoll il-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja u l-Intern, Franco Frattini, li ċanfar lill-Unjoni għan-nuqqas ta’ solidarjetà fil-kwistjoni ta’ l-immigrazzjoni illegali.
B’danakollu, il-qasma kbira li hemm fl-Unjoni fuq din il-kwistjoni wriet ruħha fil-votazzjoni tar-riżoluzzjoni li tressqet fit-28 ta’ Settembru, u li talbet li jitwaqqaf fond ta’ emerġenza dwar l-immigrazzjoni illegali, li għalih il-pajjiżi kollha ta’ l-Unjoni jagħtu sehemhom.
Filwaqt li 295 ivvotaw favur din ir-riżoluzzjoni, 271 ivvotaw kontra, u 14 astjenew.
Nuqqas ta’ rieda
Għalkemm il-ġimgħa l-oħra ntqal li bdew il-pattulji fin-nofs tal-Mediterran biex iwaqqfu l-immigranti illegali milli jersqu lejn l-Ewropa, sa nhar it-Tlieta stess tħabbar li grupp ta’ immigranti marru f’Lampedusa u li numru minnhom għerqu.
Ma nifhmux kemm il-gvernijiet
ta’ l-Italja, Franza, Spanja, il-Portugall u l-Greċja qegħdin jieħduha
bis-serjetà din il-kwistjoni, għax bil-bastimenti navali li lkoll għandhom
li jippretendu li jilqgħu invażjonijiet militari, ma jmisshomx isibuha
diffiċli biex bihom jilħqu l-invażjoni ta’ l-immigranti
illegali.
Fil-każ tagħna għandu raġun il-poplu jgħid li
jekk il-pajjiżi ta’ l-Unjoni sabuha bi tqila biex jaqbżu għalina
kontra l-immigranti illegali, żgur mhux se jkunu ta’ wens għalina
f’każ li minflok jaħbat għalina xi ħadd militarment.
Minkejja l-ghadd kbir ta’ laqghat, diskussjonijiet u rapporti, l-UE ma waslitx
biex tfassal politika ta’ azzjoni konkreta dwar l-immigranti illegali.
La hija
ma waslitx biex taghmel dan, inkunu boloh u naghmlu hsara lil pajjizna, jekk
ahna ma nimxux f’din il-kwistjoni skond kif jaqbel l-interess nazzjonali
taghna u mhux nibqghu mxekklin mill-Unjoni fil-mizuri li niehdu.
Ahna ċerti li jekk il-Gvern Malti jitħaddet mal-gvernijiet tal-pajjiżi
minn fejn ġejjin l-immigranti, dawn jaslu biex jieħduhom lura, sakemm
ma tindaħalx l-UE fin-nofs.
Fatti dwar l-UE li l-Gvern qed jaħbi:L-UE se toħroġ diska u żifna
Jekk ġieli tistaqsi lilek innifsek kif l-Unjoni Ewropea qiegħda tonfoq
flusek li inti tħallas f’taxxi jew dazji li jispiċċaw għand
l-Unjoni Ewropea, żgur inti interessat li tkun taf x’fi ħsiebha tagħmel
l-Unjoni Ewropea fil-kampanja tagħha biex iġġiegħel lin-nies
jinteressaw ruħhom dwar x’qiegħda taghmel l-Unjoni Ewropea.
Dak li se tagħmel huwa reazzjoni għall-vot kontra l-Kostituzzjoni
ta’ l-Unjoni Ewropea tal-poplu Franċiż u dak Olandiż.
Ukoll minħabba
l-fatt li huma biss 30 fil-mija taċ-ċittadini tal-pajjiżi membri
li jemmnu li l-Unjoni Ewropea miexja fid-direzzjoni tajba.
Din il-kampanja ta’ propaganda se tinkludi wkoll il-ħruġ ta’ diska
u żifna li tmur magħha.
Uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea qal:
Irridu nuru li l-Unjoni Ewropea taf tiżfen.
Numru ta’ esperti se jagħżlu għaxar “logos” għal din
il-kampanja u minnhom fl-aħħar jagħżlu l-aħjar
“logo”.
Dan se jsir billi ċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea jivvotaw huma l-aħjar “logo”.
Dan il-“logo” jkun jirrappreżenta d-diska u ż-żifna li se jkunu flimkien.
Biex jigu ppreżentati d-diska u ż-żifna se jiġi organizzat party biż-żfin “live” fuq it-televiżjoni.
U f’każ li inti ma tafx tiżfen, se jkun hemm min jgħinek tiżfen din iż-żifna ta’ l-Unjoni Ewropea.
L-unika problema li l-Kummissjoni qiegħda tqis li tista’ tinqala’
li tħassar xi ftit din l-attività ta’ propaganda hija li dawk il-pajjiżi
membri eks-komunisti jistgħu ma jieħdux pjaċir għax, kif qal
diplomatiku “nħoss li l-popli qegħdin jiġu sforżati jiżfnu
u jkantaw kif kienu jgħamlulhom il-Komunisti”.
Bħalissa qiegħda tiġi diskussa fil-Parlament Ewropew fi Brussels
direttiva ta’ l-Unjoni Ewropea li, jekk tiġi approvata, l-Unjoni Ewropea
jkollha biha l-poter li tbiddel il-fruntieri tal-pajjiżi membri.
Ġie żvelat li dan jista’ jkun l-ewwel pass ta’ pjan maħsub sabiex tiġi mibnija Ewropa ta’ reġjuni “transnazzjonali” (jiġifieri, li jkunu jinsabu f’aktar minn pajjiż wieħed).
Jekk dan il-pjan
jirnexxi, jista’ jigri li partijiet minn pajjiż jinqatgħu minn dak
il-pajjiż u jibdew jifformaw parti minn reġjun f’pajjiż ieħor.
Per eżempju, ir-reġjun ta’ l-Atlantiku ta’ Fuq ikun jikkonsisti
f’parti mil-Lvant ta’ l-Iskozja, il-Lvant ta’ l-Ingilterra u partijiet
mill-Iskandinavja u l-Ġermanja.
Il-Punent tal-Gran Brittanja, li tinkludi Wales, Cornwall, parti
mill-Iskozja t’Isfel u l-Irlanda kollha, isibu ruħhom jifformaw parti
mir-reġjun ta’ l-Atlantiku (differenti mir-reġjun ta’ l-Atlantiku
ta‘ Fuq), flimkien ma’ partijiet minn Franza, il-parti ta’ fuq ta’
Spanja u l-Portugall. U tibqa’ sejra hekk tgħaqqad partijiet ta’ pajjiżi
differenti f’reġjun reġjun.
Għalkemm l-għan ta’ dan il-proġett huwa sabiex tinħoloq
koperazzjoni bejn il-pajjiżi, aktar se tinħoloq konfuzjoni.
Il-pajjiżi
kollha msieħba fl-Unjoni Ewropea jkollhom bżonn jirranġaw
il-mapep tagħhom sabiex jiġu jaqblu mal-linji li l-Unjoni Ewropea
tiddeċiedi.
Dawn il-linji huma ddisinjati bl-intenzjoni li jkissru l-fruntieri tal-pajjiżi
membri. U b’dan il-mod ikunu qegħdin jitkissru l-istati nfushom.
Hekk qal il-Euro Realist, ta’ Ottubru 2006.
Il-Ħamis, 12 ta' Ottubru, 2006.
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju Finanzjarju CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ