MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

        

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,

 

Tonqos l-Income Tax qabel u togħla l-VAT wara l-elezzjoni: Logħob bit-taxxi

 

Dan l-aħħar l-istazzjon Super One żvela l-proposti li għandu l-Gvern Nazzjonalista biex fil-baġit li ġej isir tibdil fir-rati tat-taxxa tad-dħul (l-income tax) li jkun ifisser xi ftit ta' gwadann għal eluf ta' taxpayers.

 

B'din il-mossa l-gvern qiegħed jittama li jirbaħ lura xi ftit mill-ħafna voti li tilef mill-aħħar elezzjoni ġenerali sal-lum.


Li ma ġiex żvelat minn Super One hu li l-gvern għandu proposta oħra dwar x'għandu jagħmel biex iġib dawk it-tmien miljun lira fis-sena li se jitlef bit-tibdil fl-income tax.

 

Naturalment din il-proposta sseħħ jekk il-Gvern Nazzjonalista jerġa' jirnexxielu jinganna lill-poplu Malti għal darb'oħra!


Skond sorsi viċin ħafna tal-gvern u li huma nformati tajjeb haħna, il-proposta hi li jekk il-gvern jirbaħ l-elezzjoni, ir-rata tat-taxxa tal-VAT togħla għal 20 fil-mija!

 

U b'hekk mhux biss jiġu rkuprati t-tmien miljun lira li se jitlef mill-income-tax, iżda jiġbor ferm aktar miljuni ta' liri milli qiegħed jiġbor illum!


L-aħħar darba fakkarnikom kif l-istess Onor. Tonio Fenech, is-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi – forsi f'mument meta nesa l-propaganda u tkellem b'mod miftuħ – kien ammetta li jekk il-gvern ikollu jnaqqas jew ineħħi xi taxxa – bħal ma ġiegħlitu jagħmel l-Unjoni Ewropea dwar it-taxxa fuq id-dixxijiet tas-satellita – kull ma jagħmel il-gvern hu li jżid xi taxxa ġdida jew iżid ir-rata tat-taxxa fuq xi prodotti jew servizzi li diġà jeżistu!


B'dan il-ħsieb ukoll, li togħla r-rata tal-VAT, mhux biss il-gvern iġib it-tmien miljun lira li jitlef mill-income-tax, iżda jpatti wkoll għat-telf li jista' jkollu jekk fl-aħħar l-UE iġġiegħlu jnaqqas jew ineħħi t-taxxa tat-tluq (departure tax), kif qiegħda tippressa l-UE.

Konna diġà ktibna l-parti ta' hawn fuq meta qrajna x'qal l-Onor. Tonio Fenech rigward it-tibdil li bi ħsiebu jagħmel il-gvern dwar l-income tax.

 

Araw x'qal Tonio Fenech, kif irrapportatu The Times:

"Mr Fenech however made it clear that in the medium term, the government will continue shifting the burden of taxation from income to consumption".

 

Ħalli naqilbu dak li qal Tonio Fenech bil-Malti:

"Is-Sur Fenech madankollu għamilha ċar li sa żmien mhux ’il bogħod, se jkompli jitfa' l-piż tat-taxxi mid-dħul (l-income tax) għal fuq il-konsum (it-taxxa tal-VAT)".

 

Araw dan jaqbilx eżatt ma' dak li diġà konna ktibna aħna aktar ’il fuq f'dan l-artiklu.


Issa billi f'ċerti stati membri ta' l-UE ir-rata tal-VAT hija ogħla minn dik f'Malta (fl-Isvezja titla sa 25 fil-mija), meta l-Gvern Nazzjonalista jgħolli r-rata tal-VAT għal 20 fil-mija, mhux talli l-UE ma tgħidlu xejn, anzi tifraħlu għax b'hekk l-Unjoni Ewropea tkun se ddaħħal aktar miljuni milli qiegħda tieħu llum mill-miljuni li jiġbor il-gvern mill-VAT.

 

Minbarra dan il-gvern ikun qiegħed jobdi dak li tixtieq li jsir l-UE rigward it-taxxa tal-VAT, jiġifieri, li r-rata tkun l-istess fil-pajjiżi membri kollha.

 

Dik li tissejjaħ armonizzazzjoni tat-taxxi li l-UE ilha s-snin toħlom biha!


Insomma stennew logħba ta' ingann oħra li se tintlagħab u li fiha kemm il-gvern kif ukoll l-UE jidhru sbieħ ma' min lest jibla' kollox – il-gvern bil-bdil fl-income tax.

 

U l-UE billi tkun qiegħda ġġiegħel lill-gvern biex inaqqas jew ineħħi t-taxxa tat-tluq (departure tax) meta wieħed isiefer mill-ajruport.

 

Waqt li kemm il-gvern (jekk jirbaħ l-elezzjoni, tinsewx!) u kemm l-UE wara l-elezzjoni ikunu se jdaħħlu aktar miljuni biż-żieda fir-rata tal-VAT għal 20 fil-mija!!!

 

Min qed jghix “b’inqas kumdità”


L-Onor. John Dalli darba waħda kien qalilna li issa li se nidħlu fl-Unjoni Ewropea "kulħadd irid jidra jghix b'inqas kumdità milli għandna llum".

 

Aħna konna minn ta' l-ewwel li għidnielkom li veru l-maġġoranza assoluta tal-poplu se jkollha tgħix b'inqas kumdità, iżda ibqgħu erti li huma mhux talli mhux se jgħixu b'inqas kumdità, iżda se jkomplu jgħixu b'aktar kumdità!


Dan l-aħħar assistejna għad-dibattitu fil-Parlament dwar il-mod kif kien qed jitmexxa l-istazzjon Voice of the Mediterranean (VOM) mis-Sur Richard Muscat.

 

L-iskandli li ħargu kemm fil-Parlament kif ukoll waqt is-smigħ li sar fil-kumitat parlamentari (PAC), kienu stejjer tal-waħx aktar minn dawk li kien jikteb Anton Grasso!


Is-Sur Richard Muscat – li huwa wkoll l-Ambaxxatur ta' Malta għall-Irlanda – żgur li għex f'dawn l-aħħar snin b'kumdità ferm akbar milli kien imdorri biha qabel.

 

B'karozza lussuza li nxtrat fuq ismu u mhux fuq isem l-istazzjon, bi vjaġġ lussuż madwar il-Mediterran imħallas mill-istazzjoni u ħafna perkaċċi oħrajn, żgur li ħadd ma jista' jlumna meta ngħidu li n-nuqqas ta' kumdità qiegħed isofriha l-maġġoranza kbira tal-poplu tagħna u mhux huma.


Bħalma żgur mhux qegħdin jgħixu b'inqas kumdità l-Prim Ministru u sħabu l-ministri u s-segretarji parlamentari. Tiftakruhom jgħidulna li riedu jidħlu fl-Unjoni Ewropea "għalina u għal uliedna"?

 

Kemm kellhom raġun.

 

Iżda l-poplu, miskin ma kienx induna li kienu qegħdin jgħidu għalihom u għal uliedhom!

 

Il-wegħda falza ta’ Fenech Adami u Gonzi


Jekk nidħlu fl-Unjoni Ewropea ma jagħlqux il-fabbriki, kien stqarr solennement l-eks Prim Ministru Fenech Adami.

 

Dan l-aħħar kulħadd sema' bl-aħbar li l-kumpanija Menrad se tagħlaq il-bibien tagħha għal dejjem f'Novembru li ġej.

 

U b'riżultat ta' hekk se jitilfu l-impjieg tagħhom ferm aktar minn 100 ħaddiem ieħor.


Min jaf kemm kien hemm minn dawn il-ħaddiema u l-familji tagħhom li kienu belgħu l-lixka li tefgħalhom Dr Fenech Adami u d-deputat tiegħu Dr Lawrence Gonzi – illum Prim Ministru.

 

U biex mingħalihom isalvaw l-għixien tagħhom u tal-familja tagħhom marru jivvotaw 'iva' iva fir-referendum u għall-PN fl-elezzjoni ġenerali erba' ġimgħat wara!

Lil dawn il-ħaddiema kollha li se jitilfu l-impjieg tagħhom fix-xhur li ġejjin u l-eluf ta' ħaddiema oħrajn li diġà tilfu l-impjieg tagħhom fix-xhur u s-snin li għaddew u lill-familji tagħhom, wara li nesprimu s-sogħba tagħna magħhom għat-telfien ta' ħobżhom, nixtiequ nwissuhom li issa l-istess gvern li kien ingannahom b'dik il-wegħda falza li l-fabbriki fejn jaħdmu ma jagħlqux jekk nidħlu fl-UE, se jerġa' jipprova jingannahom għal darb' oħra bil-logħba li se jilgħab bit-taxxa fuq id-dħul (l-income tax) u t-taxxa fuq it-tluq (departure tax) kif spjegajna f'kitba oħra f'din il-paġna.

Issa sta għalihom biex min daħak bihom, issa jidħku bih huma!

 

Iqerru ghand “Santa” Giovanna!


Waqt li konna qegħdin nistennew biex ninżlu bil-karozza minn fuq il-vapur ta' Għawdex wara jumejn ta' mistrieħ, inzertajna pparkjati ħdejn il-karozza tal-Ministru Giovanna Debono.

 

Innutajna kju ta' rġiel, wieħed wara l-ieħor, idaħħlu rashom mit-tieqa tal-karozza fejn kienet riekba Giovanna Debono u jagħmlu xi minuta jfesfsu f'widnejn il-ministru patruna ta' Għawdex!

 

Imbagħad dak li jkun iwarrab u jdeffes rasu min imissu.


Insomma konna qisna qegħdin nassistu għall-qrar li jsir fil-knejjes Għawdxin lejlet il-festa tar-raħal!

 

Giovanna Debono kienet qisha l-konfessur tagħti l-barka lil dawk kollha li marru jqerru għandha.

 

Id-differenza hija waħda: waqt li l-konfessur jagħti wkoll xi forma ta' penitenza lil min imur iqerr għandu, Ġiovanna Debono mhux penitenzi tagħti iżda grazzji biss!


Tant ilha snin taqla' l-grazzji lil Għawdxin li jitolbu l-interċessjoni tagħha, li hemm xnigħa f'Għawdex li għad issir ukoll il-festa ta' Santa Ġiovanna Debono kull sena halli jitfakkru l-eluf ta' grazzji li qalgħet lill-Għawdxin.

 

Wara kollox ebda qaddis jew qaddisa, patrun jew patruna ta' xi villaġġ Ghawdxi qatt żgur ma qalgħu daqstant grazzji daqskemm qalgħet Giovanna Debono.


Però anki l-qaddisin kultant tiġihom żmerċ!

 

Santa Ġiovanna marret żmerċ ukoll meta kienet wegħdet lill-Għawdxin li jekk nidħlu fl-Unjoni Ewropea, l-Unjoni kienet se tagħti lil Għawdex il-ħelikopters u l-vapuri.

 

Minflok dik il-grazzja saret disgrazzja għax l-UE ma tat ebda ħelikopters, anzi l-ħelikopter li ġiebet kumpanija Spanjola aktar għamel ħsara lil Għawdex milli ġid bl-għoli fenomenali fil-prezz tal-biljett biex it-turisti u l-Maltin jaqsmu l-fliegu bil-ħelikopter.

 

U l-vapuri ta' l-UE ma ġew qatt.


X'aktarx li l-festa ddedikata lil Santa Ġiovanna se tibda ssir fl-1 ta' April.

 

U bħalma diversi qaddisin huma magħrufin bl-isem ukoll tal-belt jew villaġġ fejn twieldu jew għexu – per eżempju, Santa Rita ta' Cascia, Ġiovanna Debono se jagħtuha l-isem ta' Santa Ġiovanna ta' Għawdex.

 

L-Italja u l-klandestini


Għadna kif smajna fl-aħbarijiet mill-Italja, li eluf ta' immigranti illegali inħelsu mill-postijiet ta' detenzjoni u ġew mogħtija ġimgħa żmien "biex iħallu t-territorju Taljan", jew aħjar, biex jitilqu mill-Italja.


Intqal li ħadd ma jaf x'se jiġri. 

 

Jekk fil-fatt dawn humiex se jitilqu mill-Italja jew le.

 

U jekk jitilqu, fejn se jmorru!


Mela l-Italja fejn ħafna minn dawn l-immigranti illegali riedu jmorru, qiegħda tgħidilhom biex jitilqu ’l barra.

 

U Malta, fejn il-maġġoranza assoluta tal-klandestini ma ridux jiġu, għadna nżommuhom hawn kontra r-rieda tagħhom!

 

Sinjuri ta' l-UE, ħawduna ħalli nifhmukom!

 

Is-Sibt, 12 ta’ Awissu, 2006.

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

  

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ