MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

  

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha

€182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

Is-sensji u l-Unjoni Ewropea

 

Imprenditur Malti għalaq il-fabbrika f’Malta u ssensja lill-ħaddiema u mar fetaħ waħda fiċ-Ċina għax il-pagi fiċ-Ċina huma wieħed minn sitta (1/6) tal-pagi f’Malta. 

 

Xorta waħda se jkompli jbiegħ il-prodotti tiegħu maħdumin fiċ-Ċina, fis-suq ta’ Malta u fis-swieq ta’ l-Ewropa.

L-imprenditur Malti qiegħed jagħmel bħal ma jagħmlu ħafna imprendituri oħrajn ta’ l-Unjoni Ewropea. 

 

Jagħlqu l-fabbriki tagħhom fl-Ewropa u jissensjaw il-ħaddiema tagħhom, u jiftħu fabbriki f’pajjiżi fejn il-pagi huma baxxi ħafna, u xorta waħda l-imprendituri jibqgħu jbiegħu l-prodotti maħdumin b’pagi baxxi, fis-swieq ta’ l-Ewropa u fis-suq ta’ Malta.

Din hija s-sistema moderna tas-suq kapitalista li l-Unjoni Ewropea qiegħda ssostni biex tiżgura li l-imprendituri Ewropej jagħmlu profitti kbar mill-isfruttament tal-ħaddiema mħallsa miżerjament u mħaddma f’kundizzjonijiet mill-agħar, b’nisa u tfal li jaħdmu sigħat twal u bla mistrieħ.

L-ekonomisti fostna jiġġustifikaw din is-sistema tas-suq ħieles u jappoġġjaw lill-imprendituri li jaddottawha, u jħeġġu lill-politiċi biex iwettquha, u jagħmlu propaganda ħalli l-poplu jbierikha, bl-iskuża tal-prezzijiet orħos tal-prodotti impurtati mill-pajjiżi b’pagi baxxi u b’kundizzjonijiet inumani tax-xogħol. 

 

Għall-ħaddiema Maltin li minħabba din is-sistema jiġu ssensjati, għandhom biss kliem ta’ faraġ u rassenjazzjoni.

 

Bla kuxjenza soċjali

 

Sa ftit ta’ snin ilu f’pajjiżna l-politiċi b’kuxjenza soċjali kienu jqisu bħala l-ewwel prijorità li l-Maltin ikollhom fejn jaħdmu, u ma kinux jinġarru mis-sistema tas-suq ħieles sostnuta mill-ekonomisti mingħajr kuxjenza soċjali.

 

Iżda fil-politika ekonomika ta’ l-Unjoni Ewropea is-suq huwa aqwa mill-bniedem, u l-ekonomisti Maltin għalhekk kienu favur li pajjiżna jissieħeb fl-Unjoni Ewropea, minkejja kull ħsara li l-ħaddiema jġarrbu.

Imkaxkra mill-Unjoni Ewropea, il-politiċi tagħna tal-lum iqisu s-suċċess ta’ ħidmithom bil-kejl ta' l-ammont ta’ profitti, u mhux bil-kejl tad-dinjità tal-bnedmin li jkollhom fejn jaħdmu. 

 

B’'hekk jirbħu l-appoġġ ta’ l-ekonomisti li ma jagħtux każ tad-dmir soċjali tal-politiċi.

Iżda l-politiċi b’kuxjenza soċjali m’għandhomx jaċċettaw din il-politika liberali kapitalista ta’ l-Unjoni Ewropea li l-ekonomisti tagħna jsostnu. 

 

Din il-politika qiegħda teqred ix-xogħol f’pajjiżna billi żżommna milli nagħtu preferenza u protezzjoni lill-prodotti li jinħadmu f'pajjiżna mill-ħaddiema Maltin.

 

Prodotti barranin

 

Il-ġimgħa l-oħra imprenditur Malti ftaħar li ħa l-kuntratt biex iforni l-isptar il-ġdid bl-għamara għal 4,500 uffiċċji li hemm fl-isptar. 

 

Ftaħar li ġab l-għamara kollha minn barra, minflok li l-għamara inħadmet f’Malta mill-ħaddiema Maltin. 

 

Qisu ma hawnx f’pajjiżna nies biżżejjed tas-sengħa li kapaċi jaħdmu l-għamara ta’ l-uffiċċji skond disinni miġjuba minn barra, jekk ikun meħtieġ.

Sa ftit ta’ snin ilu l-politiċi tagħna kienu jinsistu li f’kuntratti tal-Gvern, il-kuntrattur jintrabat li dak kollu li jista’ jinħadem f’pajjiżna, ma jinġiebx minn barra. 

 

B’hekk kienu jitħaddmu l-Maltin u l-pagi tagħhom jintefqu f’pajjiżna, b’benefiċċju għan-negozju u l-ekonomija ta’ pajjiżna. 

 

Skond ir-regolamenti ta’ l-Unjoni Ewropea, dan ma jistax isir, u l-kuntratti kbar tal-gvern iridu jkunu miftuħa anki għall-kuntratturi barranin.

Meta l-fondi għal proġett ikunu ġejjin minn xi pajjiż barrani, tistenna li l-kuntratti tal-proġett ikunu miftuħa għall-kuntratturi tal-pajjiż li jkun se joħroġ il-fondi. 

 

Iżda fil-każ ta’ l-isptar il-ġdid, in-nefqa saret mit-taxxi tal-poplu Malti, u jmissu ġie żgurat li kemm setgħu, il-fondi ntefqu f’pajjiżna u mhux marru għand il-barranin, tgħid x’tgħid l-Unjoni Ewropea.

Kemm fil-każ ta’ l-għeluq tal-fabbriki, kif ukoll fil-każ tal-provvisti fl-eżekuzzjoni tal-kuntratti, huwa fl-interess nazzjonali li ma nsegwux il-politika u r-regolamenti ta' l-Unjoni Ewropea, anki jekk l-ekonomisti ma jaqblux ma' dan.

 

L-għeluq tal-fabbriki u l-lukandi u l-provvista ta' ħwejjeġ impurtati minflok ħwejjeġ maħduma mill-Maltin huwa konsegwenzi ħżiena tal-politika liberali tan-negozju u tal-moviment tal-kapital ta' l-Unjoni Ewropea u r-regolamenti tagħha.

 

Bl-Ewro inqas diffiċli li noħorġu mill-Unjoni Ewropea

 

Il-bieraħ lura l-Kumitat tal-Ministri tal-Finanzi ta’ l-Unjoni Ewropea (l-ECOFIN), ikkonferma li mill-1 ta’ Jannar 2008 Malta tista’ taddotta l-munita komuni ta’ l-Unjoni, l-Ewro, flok il-lira Maltija, u li r-rata tal-kambju tal-lira Maltija ma’ l-Ewro tkun dik li hija llum, jiġifieri, żewġ Ewro u tlieta u tletin ċenteżmi għal kull lira Maltija, l-Ewro jiswa 0.4293 tal-lira Maltija.

Il-laqgħa tal-Ministri tal-Finanzi kienet biss formalità u ċerimonja, għax kollox kien ilu deċiż żmien ilu. 

 

Il-festin li sar fi Brussels wara l-laqgħa tal-Ministri tal-finanzi (li fiha ħadu sehem il-Prim Ministru Malti, is-Segretarju Parlamentari tal-Finanzi, ir-rappreżentant ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, u l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Malti), kixef li kienu saru l-preparamenti għall-festin minn qabel għaliex kien magħruf x’se jingħad li ddeċidew il-Ministri.

 

Aħna ilna x-xhur ngħidu li l-Unjoni Ewropea ilha li qatgħet li pajjiżna jdaħħal il-munita ta’ l-Unjoni. 

 

Din kienet deċiżjoni politika u mhux finanzjarja u ekonomika, li l-UE u l-Gvern Malti ħadu bil-għan li mingħalihom isaħħu aktar is-sħubija ta’ pajjiżna fl-UE. 

 

Għalhekk sar logħob bil-figuri u l-istatistika biex jidher li pajjiżna ssodisfa l-kundizzjonijiet għad-dħul ta’ l-Ewro, u biex l-UE tiċċertifika r-responsabbilment li l-qagħda finanzjarja u ekonomika ta’ pajjiżna hija “sostenibbli u kredibbli”, meta fil-fatt il-qagħda hija mwegħra.

Aħna ilna li għedna li kieku l-Gvern ma kienx altru aċċertat li l-UE riedet li jdaħħal l-Ewro f’pajjiżna fil-bidu tas-sena d-dieħla, il-Gvern ma kienx se jipperikola li ftit xhur qabel l-Elezzjoni Ġenerali s-sena d-dieħla, ikollu d-disfatta politika li l-Unjoni tgħidlu li għadu mhux lest biex jaddotta l-Ewro.
 

L-istess raġunar għamilna dwar ir-rata tal-kambju tal-lira Maltija ma’ l-Ewro. 

 

Li kieku m’ilux miftiehem bejn il-Gvern Malti u l-Unjoni Ewropea x'kellha tkun ir-rata tal-kambju meta tidħol l-Ewro, il-Gvern ma kienx jonfoq tant mijiet ta’ eluf ta’ liri fil-pubbliċità u propaganda tar-rata ta’ 2 Ewro u 33 ċenteżmi għal kull lira Maltija. 

 

Ma stajniex nifhmu kif seta’ jkollna rata differenti ta’ kambju meta l-poplu u t-tfal ta’ l-iskejjel ilhom issa x-xhur ikunu mgħallma li l-Ewro tiswa 0.4293 ta’ lira Maltija.

 

Għalhekk bir-raġun inqisu li dak li seħħ il-bieraħlura fi Brussels kien biss teatrin tal-Ministri tal-Finanzi tal-pajjiżi ta' l-Unjoni, b’wieħed mill-kummidjanti ewlenin, il-Prim Ministru ta’ Malta.

Bl-Ewro bħala l-munita ta’ pajjiżna, xorta waħda nistgħu u għandna noħorġu mill-UE. 

 

L-ewro mhux se tagħmlilna dan itqal jew inqas jaqblilna. 

 

Anzi, se jkun inqas diffiċli għall-poplu li jikseb lura l-indipendenza u l-ħelsien.

 

 Xi smajna u nnutajna fuq “Xarabank”

 

* JOSEPH MUSCAT – “Il-fatt li aħna membri ta’ l-UE jagħtina inqas għodda li bihom nistgħu nattivaw u nżommu dak it-tip investiment” (fabbriki tat-tessuti). 

 

“L-UE ma tħallikx tgħin fabbrika biex tibqa’ ħajja, imbagħad tgħinek wara, wara li tmut.”

Ngħidulu prosit. 

 

Imisshom il-politiċi kollha jitkellmu hekk.

* SIMON BUSUTTIL – “Irrikonoxxi li kien hemm affarijiet pożittivi li minnhom qiegħed igawdi kulħadd."

Minbarra li ma qalx x’inhuma dawn l-affarijiet li minnhom qed igawdi kulħadd, ma semma l-ebda ħaġa li minnha qed jintlaqat ħażin kulħadd. 

 

Meta jrid Simon, nagħtuh litanija sħiħa tagħhom.


 

*DAVID CASA – “L-Unjoni Ewropea hi demokratika.”

 

Ma tax eżempju wieħed, waqt li aħna nistgħu nagħtuh kullana sħiħa ta’ eżempji li juru li l-UE mhix demokratika. 

 

Biżżejjed insemmu wieħed – dak li lill-Kummissarji Ewropej ma vvutalhom ħadd, iżda ġew nominati biss mill-gvernijiet u mhux mill-popli tal-pajjiżi membri.
 

* JOSEF BONNICI – Dan illum huwa awditur fil-Qorti ta’ l-Awdituri ta’ l-UE. 

 

Biex jagħti eżempju tax-xogħol ta’ l-awdituri, semma l-każ ta’ meta “wieħed ikollu 20 baqra u jikklejmja li għandu 30 baqra”.

Aħna nsemmulu mhux eżempju, iżda fatt. 

 

Skond It-Times ta’ Londra, il-Qorti ta’ l-Awdituri li Josef Bonnici jagħmel parti minnha, sabet li nofs il-baqar li ddikjaraw li għandhom ir-raħħala tas-Slovenja, ma jeżistux. 

 

Anki ġewwa Spanja, il-Greċja u l-Italja, ħlas ta’ ’l fuq minn żewġ biljuni Ewro lill-produtturi taż-żejt taż-żebbuġa, kienu minfuħin, jew kienu ħżiena.

Għaliex Josef Bonnici ma kkwotax dawn iż-żewġ fatti li jaf bihom, u minflok għażel eżempju żgħir ta’ għaxar baqar aktar milli suppost

 

* PEPPI AZZOPARDI – Il-ħin kollu jsemmi t-850 miljun Ewro allokati għal Malta għas-snin 2007-2013, iżda qatt ma staqsa kemm qed tiswielna s-sħubija fi flus li qed inħallsu, fi flus li qed nitilfu, u fi flus li qed tiswa fi spejjeż kurrenti tal-Gvern.

Skantajna u ħafna telespettaturi qalulna li skantaw bħalna, kif Peppi Azzopardi intervista biss nies li ħadu xi ħaġa mill-UE, iżda ma intervista lil ħadd li ntlaqat ħażin bis-sħubija fl-UE. 

 

Ħalli nsemmulu xi ftit minn dawn in-nies.


* Żgħażagħ li ntlaqtu ħażin bl-għoli fil-prezz tal-bini.

* Bdiewa li qed ibatu minħabba d-dħul bla rażan tal-prodotti tal-biedja, waqt li l-klawsola tas-salvagwardja li kienu mwegħda, qatt ma tħaddmet.

* Raħħala li jrabbu t-tiġieġ u l-majjali.

* Nisa tad-dar li biż-żieda kbira fil-prezzijiet tal-prodotti essenzjali ta’ l-ikel, bħaz-zokkor, ross, dqiq, laħam, eċċ, ma jistgħux ilaħħqu bil-paga ta’ żewġhom.

* Kaċċaturi u nassaba li ġew ingannati mill-Gvern u mill-UE dwar il-kaċċa u l-insib fir-Rebbiegħa.

Hemm ħafna eżempji oħrajn ta’ Maltin li ntlaqtu ħażin ħafna bis-sħubija fl-UE. 

 

Iżda naħsbu dawn biżżejjed għal-lum.

 

Stħarriġ ta’ l-opinjoni pubblika – Peppi Azzopardi wera r-riżultat ta’ stħarriġ ta’ l-opinjoni pubblika li sar f’dawn l-aħħar ġranet. 

 

Il-mistoqsija kienet: Bi sħubija fl-UE, int kif qiegħed tgħix?

Ir-riżultat kien dan: 

 

* Aħjar 41.3%g 

* l-istess 33.3%g 

* agħar 25.3%.

Mela huma 41.3% biss li qalu li qegħdin jgħixu aħjar minn qabel ma dħalna fl-UE. 

 

Il-bqija, jiġifieri 58.6% qalu li mhux qegħdin jgħixu aħjar minn qabel ma dħalna fl-UE.

Tiftakru kemm kienu jgħidulna li jekk nidħlu fl-UE, il-poplu Malti se jibda jgħix aħjar? 

 

Il-maġġoranza llum ma taħsibhiex hekk, skond l-istess stħarriġ ta’ Peppi Azzopardi.

U għandna kurżità kbira biex inkunu nafu biex qegħdin jgħixu aħjar dawk il-41.3% li qalu hekk (naturalment, barra dawk li dabbru rashom personalment u ma tawx każ dawk li qegħdin ibatu l-konsegwenzi tas-sħubija fl-UE, bħall-ħaddiema li ġew issensjati).

 

Il-Ħamis, 12 ta' Lulju, 2007.

<< Lura << 

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ