MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
Mill-Avukat Karmenu Mifsud Bonnici
Chairman Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI
IL-KOSTITUZZJONI TA' L-UNJONI EWROPEA TKASBAR IL-KOSTITUZZJONI TA' MALTA
Jinħtieġilna nipproteġu l-industriji f’pajjiżna
L-INDUSTRIJI f’Malta tal-manifattura u tas-servizzi jipprovdu l-impjiegi lil eluf ta’ Maltin u Għawdxin.
Jekk verament irridu nħarsu l-impjieg ta’ dawn l-eluf ta’ ħaddiema, għandna nipproteġu lill-industriji li jħaddmuhom.
Jekk m’aħniex lesti
nipproteġu lill-industriji tagħna, mhux veru rridu nħarsu
l-impjiegi tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Il-politika li l-Unjoni Ewropea ġġiegħelna nwettqu ma tħalliniex
nipproteġu l-industriji tagħna.
Mela dik il-politika ta’ l-UE ma tħarisx l-impjiegi tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Ikollna niddeċiedu jew li nobdu l-Unjoni Ewropea u nissagrifikaw eluf ta’ impjiegi, jew inħarsu l-eluf ta’ impjiegi u nissagrifikaw il-politika ta’ l-Unjoni Ewropea.
Triq waħda għandna
Għal min jemmen fil-ġustizzja soċjali, m’hemmx dubju li d-deċiżjoni tkun li nissagrifikaw il-politika ta’ l-Unjoni Ewropea ħalli nħarsu l-eluf ta’ impjiegi.
Għal min l-interess nazzjonali jiġi l-ewwel, id-deċiżjoni tkun l-istess.
Għal min is-solidarjetà
jrid iwettaqha u mhux jitkellem dwarha biss, ukoll id-deċiżjoni tkun
l-istess.
Għalhekk għal-Laburisti li jħaddnu t-twemmin fil-ġustizzja
soċjali, fis-supremazija ta’ l-interess nazzjonali, u fis-solidarjetà,
id-deċiżjoni tista’ tkun waħda biss – inħarsu l-impjiegi
ta’ eluf ta’ ħaddiema Maltin u Għawdxin ħalli nipproteġu
l-industriji tagħna kemm tal-manifattura kif ukoll tas-servizzi.
Ideoloġija falza
Il-politika ta’ l-Unjoni Ewropea dwar l-impjiegi hija dettata minn ideoloġija falza li s-suq jiġi qabel il-bniedem.
It-twemmin Laburista ġenwin hu bil-maqlub – is-suq qiegħed
għas-servizz tal-bniedem u għandu jitmexxa skond il-ħtiġiet
tal-bniedem u biex jaqdih.
Sakemm l-Unjoni Ewropea tbiddel il-politika tagħha mibnija fuq
is-supremazija tas-suq, l-impjiegi jkomplu jintilfu fl-Unjoni
billi l-industriji
tal-manifattura u tas-servizzi jkomplu joħorġu ’l barra minn ħafna
mill-pajjiżi ta’ l-Unjoni.
F’Malta qiegħed jiġri
dan għax l-Unjoni Ewropea ġiegħlitna nwettqu l-politika tagħha
ta’ l-alla falz tas-suq.
L-ewwel kmandament tat-twemmin politiku tal-Partit tal-Ħaddiema huwa li
l-bniedem ikollu x-xogħol ħalli jgħajjex b’dinjità
lill-familja tiegħu.
Politika li ma tħarisx bil-fatti dan l-ewwel kmandament, mhix politika Laburista bnina.
Hija politika falza.
X’tip ta’ politika dwar ix-xogħol qiegħed iħaddan illum il-Partit Laburista
Malti?
Il-politika bnina Laburista jew il-politika falza ta’ l-Unjoni Ewropea?
Il-Partiti Soċjalisti Ewropej
Il-fatt li l-Partit Laburista ssieħeb mal-Partiti Soċjalisti ta’ l-Unjoni Ewropea ma jagħtina ebda garanzija li se nwettqu politika bina dwar ix-xogħol u l-impjiegi.
Għax minkejja li huma
l-Partiti Soċjalist ta’ l-UE li jagħtuha l-akbar appoġġ,
xorta waħda ma rnexxilhomx ibiddlu l-politika ħażina tagħha
dwar ix-xogħol u l-impjiegi.
Aktar ma nagħrfu malajr din il-verità xejn sabiħa għall-Partiti
Soċjalisti ta’ l-UE, aktar nagħrfu l-ħtieġa li niddiskutu
mill-aktar fis il-politika tal-Partit Laburista tagħna dwar ix-xogħol
u l-impjiegi f’pajjiżna.
Li naħdmu magħhom ma
jfissirx li għandna nagħmlu bħalhom.
Fl-imgħoddi, ħdimna magħhom, m’għamilniex bħalhom, u
rnexxielna nimxu ’l quddiem aktar minnhom.
Ħadd minnhom ma rnexxielu jwettaq f’pajjiżu is-Soċjalizmu Demokratiku fiż-żmien qasir li rnexxielu jagħmel dan f’Malta l-Partit Laburista.
Fl-għaqda dinjija tas-Soċjalizmu
Demokratiku, is-Socialist International, il-Partit Laburista Malti kien l-iżgħar
iżda kien stmat daqs l-akbar Partit Soċjalista msieħeb fiha.
Ħafna mill-Partiti Soċjalisti Ewropej m’humiex kontra l-armi
nukleari.
Il-Partit Laburista Malti dejjem kien kontra.
Ħafna mill-Partiti Soċjalisti Ewropej kienu favur in-NATO u mseħbin fin-NATO.
Il-Partit Laburista Malti minn dejjem ried li Malta tibqa’ barra min-NATO.
Ħafna mill-Partiti Soċjalisti Ewropej ma kinux favur politika ta’ newtralità.
Il-Partit Laburista Malti dejjem saħaq dwar politika ta’ newtralità u non-alinejament.
Minkejja dawn id-differenzi mhux
żgħar, il-Partit Laburista Malti kien jieħu sehem attiv
fis-Socialist International u l-ġieħ tiegħu kien għoli daqs
ta’ kull partit ieħor imsieħeb f’dik l-għaqda dinjija.
Dan kollu qed jingħad biex wieħed jifhem li għalkemm il-Partit
Laburista Malti ssieħeb fl-għaqda tal-Partiti Soċjalisti ta’ l-Unjoni
Ewropea, m’għandniex għalfejn narmu l-politika li biha nħarsu
x-xogħol u l-impjiegi f’pajjiżna billi nipproteġu l-industriji
tal-manifattura u tas-servizzi tagħna, anke jekk il-partiti Socjalisti
ta’ l-Unjoni ma jħaddnux dik il-politika.
L-għajta ta’ xogħol, xogħol, xogħol irridu nsarrfuha
fil-protezzjoni li nagħtu lill-industriji li jipprovdulna x-xogħol u
l-impjiegi.
Ġurament ta' lealta` li jieħdu l-Membri Parlamentari kollha
Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li nkun tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r- Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. (Hekk Alla jgħini).
Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.
Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment u skond il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skond il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta, mingħajr biża’ jew favur. ( Hekk Alla jgħini).
Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ President.
Jiena ..............................................., solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta’ President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta’ Malta, u li, skond l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. (Hekk Alla jgħini).
Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta
6. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) ta’ l-artikolu 47 u ta’ l-artikolu 66 ta’ din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.
Artiklu I-6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea
Dritt ta' l-Unjoni
Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri.
Tista' tafda lil min jikser il-ĠURAMENT tiegħu/tagħha?
It-Tnejn, 12 ta' Lulju, 2004.
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat Lm2 flimkien ma' din il-formola liċ-
Chairman
CNI,
Dr
Karmenu Mifsud Bonnici LL.D.
81,
Triq Ġuże Pace,
Ħamrun.
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ