MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA

L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li fis-sena 2011 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha €68,000,000

€186,000 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

minn Karmenu Mifsud Bonnici KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI CNI

 

Pajjiżna tellief fil-gwerra kontra l-Libja

 

Mhux minnu li ma nistgħux noħorġu mill-Unjoni Ewropea.

Araw dan il-video tal-Parlament Ewropew kif nistgħu noħorġu

 Video Parlament Ewropew

 

Il-Gvern Malti qiegħed japprova l-aggressjoni li n-NATO qiegħda twettaq kontra l-poplu Libjan bl-iskuża tar-riżoluzzjoni numru 1973 tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda li awtorizzat li tittieħed azzjoni militari biex titħares il-popolazzjoni ċivili.

 

Dik ir-riżoluzzjoni hi legalment invalida għax ittieħdet bis-saħħa tal-provvedimenti tal-Kapitlu sebgħa tal-Istatut tal-Ġnus Magħquda li jikkontempla azzjonijiet militari f’każ ta’ theddid għas-sigurtà u l-paċi tar-reġjun, fil-waqt li l-ġlied li qam fil-Libja mhux ta’ theddid għas-sigurtà u l-paċi tar-reġjun.

 

Għalhekk il-Kunsill tas-Sigurtà żbalja meta awtorizza l-attakki militari fuq il-Libja, u l-attakki li n-NATO qiegħda twettaq huma aggressjoni mhix ġustifikata kontra pajjiż li ma pprovoka lil ebda pajjiż ieħor.


L-Unjoni Ewropea appoġġjat it-teħid tar-riżoluzzjoni invalida u l-attakki militari min-NATO.

 

Għalhekk anke l-Unjoni Ewropea żbaljat fl-atteġġjament ostili li assumiet kontra l-Gvern Libjan.


Il-Gvern Malti, bħal kelb fidil tal-Unjoni Ewropea, wera l-istess ostilità lejn il-Gvern Libjan, u ħa sehem fil-Kunsill tal-Ministri tal-UE fid-deċiżjonijiet biex jestendi u jkabbar is-sanzjonijiet kontra l-Libja li kienu qabel ittieħdu mill-Kunsill tas-Sigurtà.


Il-Gvern Malti jmissu kien jaf li kienu Franza u l-Ingilterra li ġagħlu lill-Istati Uniti tal-Amerika jinsitu mal-Ġnus Magħquda biex jgħaddu r-riżoluzzjoni numru 1970 u 1973 li imponew sanzjonijiet kontra l-Libja u awtorizzaw li jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jipproteġu l-popolazzjoni ċivili, inkluż li ssir żona ta’ bla titjir.

 

L-insistenza ta’ Franza u l-Ingilterra biex jattakkaw lil-Libja ma kinitx motivata mill-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili Libjana, iżda mqanqla purament mill-interessi strateġiċi taż-żewġ pajjiżi kemm fil-qasam kummerċjali, kif ukoll f’dak politiku.


Għalhekk il-President tal-Kunsill Ewropew, Van Rompuy, il-President tal-Kummssjoni Ewropea Barroso u r-Rappreżentant tal-Affarijiet Barranin tal-UE, Lady Ashton, appoġġjaw l-azzjoni militari kontra l-Libja, l-ikbar pajjiż membru tal-UE, il-Ġermanja ma qablitx, u sostniet li l-azzjoni militari kienet indħil mhux ġustifikat fl-affarijiet interni ta’ pajjiż, u għadd ta’ pajjiżi oħrajn membri tal-UE wkoll ma qablux li tittieħed azzjoni militari.

 

Malta, li skont il-Kostituzzjoni Maltija trid taħdem attivament għall-paċi u hi kontra l-gwerra, lanqas kellha d-dehen tagħmel bħal Ġermanja u ma qablitx li jsiru l-attakki militari kontra l-poplu Libjan.

 

Malta marret kontra l-vokazzjoni għall-paċi u mxiet skont ma qaltilha l-Unjoni Ewropea li bierket il-gwerra, għalkemm qalet li mhux se tħalli l-faċilitajiet militari tagħha jintużaw mill-barranin.


Il-Gvern Malti stqarr aktar minn darba li jappoġġja d-deċiżjonijiet meħudin mill-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda kontra l-poplu Libjan, għalkemm dawk id-deċiżjonijiet huma legalment invalidi u qegħdin jiġu abbużati.


Għax fil-waqt li l-Kunsill tas-Sigurtà ddeċieda li fuq il-Libja jkun hemm żona ta’ bla titjir biex l-ajruplani tal-Gvern Libjan ma jkunux jistgħu jattakkaw lill-forzi tar-ribelli, in-NATO qiegħda tagħmel attakki regolarment mill-ajru biex teqred il-forzi militari governattivi, kif ukoll biex issostni l-offensivi li l-forzi tar-ribelli jagħmlu kontra l-forzi governattivi.

 

B’dan il-mod, iż-żona ta’ bla titjir tfisser li l-forzi governattivi m’għandhomx l-għajnuna mill-ajru, waqt li l-forzi tar-ribelli għandhom l-għajnuna tal-forzi tal-ajru tan-NATO.


Il-Gvern Malti jaf li l-attakki li n-NATO qiegħda tagħmel fil-Libja mhumiex biss biex jipproteġu l-popolazzjoni ċivili, kif ried il-Kunsill tas-Sigurtà.


In-NATO qiegħda tattakka l-inħawi residenzajli fl-ibliet tal-Libja wkoll, u qiegħda tikkaġuna mwiet u ferimenti fost il-popolazzjoni ċivili, barra li qiegħda tagħmel ħafna ħsara lill-infrastruttura tal-pajjiż.


Pajjiżi membri tal-Kunsill tas-Sigurtà bħar-Russja, iċ-Ċina u l-Indja aktar minn darba xlew lin-NATO li qiegħda tmur ’il bogħod minn dak li awtorizza l-Kunsill tas-Sigurtà, iżda l-Gvern Malti qatt ma ħass li għandu jistqarr li ma jaqbilx li qiegħda titwettaq din l-aggressjoni sfaċċata kontra l-poplu Libjan.


Għalkemm il-Kunsill tas-Sigurtà ddeċieda li armi m’għandhomx jidħlu fil-Libja, il-Gvern Malti, jaf, kif kull Gvern jaf, li qegħdin jintbagħtu armi lir-ribelli, u Franza, l-Ingilterra, l-Italja u l-Istati Uniti tal-Amerika qegħdin jibagħtu nies militari biex iħarrġu u jarmaw lir-ribelli fil-ġlieda kontra l-Gvern Libjan.

 

L-Unjoni Ewropea ħejjiet grupp ta’ madwar mitt suldat biex jgħinu fil-ħtiġijiet umanitarji, u dawn qegħdin lesti li jintbagħtu fil-Libja minn mument għall-ieħor skont ma jintalbu.


Għalkemm il-Gvern Malti għadu ma qal xejn pubblikament dwar dan il-grupp ta’ suldati fuq missjoni umanitarja, mhux se jibqa’ lura li jagħti s-sehem tiegħu jekk dawn is-suldati tal-Unjoni Ewropea jintbagħtu l-Libja, dejjem taħt l-iskuża ta’ servizz umanitarju.


Fost is-sanzjonijiet imposti mill-Kunsill tas-Sigurtà u dawk deċiżi mill-Unjoni Ewropa hemm l-imblokk tat-trasport mill-ajru u bil-baħar kemm tan-nies, kif ukoll ta’ merkanzija lejn il-Libja u mil-Libja.

 

Dan l-imblokk mhux ta’ għajnuna għall-popolazzjoni ċivili, anzi hu ta’ ħsara kbira, u mhux ġustifikat, jekk mhux joħloq inkonvenjent kbir lill-poplu Libjan, u mhux lill-Gvern Libjan.


Il-Gvern Malti kien minn tal-ewwel li daħħal fis-seħħ dawn is-sanzjonijiet mingħajr ma qagħad jifli jekk humiex ġustifikati u għaliex il-poplu Libjan għandu jiġu assoġġettat għal dawn in-nuqqasijiet fil-provvisti kif ukoll fil-faċilitajiet ta’ safar barra l-pajjiż.

 

Meta fis-snin imgħoddijin il-Libja kienet milquta minn sanzjonijiet oħrajn, bejn Malta u l-Libja kien hemm trasport bil-baħar regolari kemm għan-nies, kif ukoll għall-merkanzija.


Il-Gvern Malti lanqas ma talab spjegazzjonijiet għaliex din id-darba anke l-mezz tat-trasport bil-baħar bejn Malta u l-Libja twaqqaf kompletament, b’dannu mhux biss għal-Libjani, iżda anke għalina l-Maltin.


Għalkemm il-Kunstill tas-Sigurtà ma qalx li l-miżuri li għandhom jittieħdu l-Ingilterra u l-Istati Uniti tal-Amerika ddikjaraw li mhux se jwaqqfu l-bumbardamenti fuq il-Libja, jekk ma jitwarrabx il-Gvern ta’ Gaddafi.

 

Il-Gvern Malti qiegħed juri li jaqbel ma’ din il-linja li tgiddeb għal kollox l-iskop iddikjarat tal-intervent militarji tan-NATO biex titħares il-popolazzjoni ċivili.


L-iskop reali hu li jitneħħa l-Gvern Libjan, allavolja biex dan iseħħ, il-popolazzjoni ċivili se ġġarrab imwiet u ferimenti bil-mijiet.

 

Lanqas meta aktar minn darba n-NATO bbumbardjaw il-Kwartieri residenzjali ta’ Gaddafi, bl-għan preċiż li joqtluh, il-Gvern Malti ma wera ebda ħjiel li hu ma jaqbilx ma’ dan l-aġir kundannabbli tan-NATO.


Iżda forsi l-akbar kontradizzjoni fil-politika tal-Unjoni Ewropea u ta’ Malta dwar il-Libja tinsab fid-dikjarazzjonijiet favur il-missjoni umanitarja li kemm l-Unjoni kif ukoll Malta jgħidu li qegħdin jiżvolġu, u dak li qegħdin jagħmlu billi jinkoraġġixxu lir-ribelli jkomplu jiġ­ġieldu kontra l-Gvern Libjan u ma jieqfux mill-ġlied qabel dan iwarrab u b’hekk ikomplu jiżdiedu t-tbatijiet li l-Libjani qegħdin iġarrbu.


Waqfien mill-ġlied iwaqqaf l-imwiet, il-ferimenti u jagħmilha possibbli li tingħata kull għajnuna meħtieġa lill-popolazzjoni ċivili.

 

Dan ikun l-akbar u l-aqwa servizz umanitarju li jista’ jingħata lill-poplu Libjan, u għalhekk l-Unjoni Ewropea u Malta jmisshom jagħmlu minn kollox biex jinfluwenzaw lir-ribelli li jaslu għall-waqfien mill-ġlied.


Il-Gvern Malti jidher li ma jridx waqfien mill-ġlied jekk ma jitwarrabx il-Gvern Libjan.

 

Din tidher li hi wkoll il-politika tal-Unjoni Ewropea.

 

Hi l-linja tar-ribelli u mhi aċċettata xejn min-naħa tal-Gvern Libjan.

 

Kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll Malta huma żbaljati li jieħdu din il-linja.


Għax għandu jkun il-poplu Libjan li jiddeċiedi jekk iwarrabx jew le lill-Gvern Libjan, u l-poplu Libjan mhux magħmul biss mir-ribelli, iżda huma parti minnu wkoll il-mijiet ta’ eluf ta’ Libjani li jappoġġjaw lill-Gvern.

 

Għalhekk il-Gvern Malti m’għandu ebda dritt u ebda raġun jgħid li l-Gvern Libjan imissu jwarrab jiex jieqaf il-ġlied u biex ikun hemm ftehim fil-pajjiż, u l-Gvern Malti għandu jgħid li hu jemmen li l-poplu Libjan għandu jitħalla jiddeċiedi x’għandu jsir mill-Gvern tal-pajjiż, permezz ta’ votazzjoni ħielsa u ġusta, mingħajr indħil tal-pajjiżi barranin.


Ma jagħmilx sens id-diskors tal-Gvern Malti li jħobb jirrepeti li ma jistax jittollera li l-Gvern Libjan juża l-armi u l-vjolenza kontra l-poplu li jipprotesta paċifikament.


Dan ma jagħmilx sens fil-każ tal-gwerra fil-Libja, għax il-Gvern hemm qiegħed jeħodha mhux kontra nies li qegħdin jipprotestaw paċifikament, iżda ribelli armati sa snienhom li qegħdin jiġġieldu bl-armi, bit-tankijiet, bil-kanuni u jattakkaw il-bliet li huma taħt il-kontroll tal-forzi governattivi.


Kien għalhekk assurd li l-Gvern Maltli jipprova jiġġustifika ruħu li approva l-attakk militari kontra l-poplu Libjan billi qal li dan kien meħtieġ ħalli ma jkunx hemm ġenoċidju fil-pajjiż.

L-attakki tan-NATO ma jwasslux għal ġenoċidju, iżda ħadd ma jista’ jgħodd kemm qegħdin jinqatlu nies bil-bombi u l-missili li qegħdin jintefgħu lejl u nhar fuq il-bliet u l-irħula Libjani, mingħajr Malta ma tgħolli leħinha u tikkundanna dawn l-atti ta’ aggressjoni inġustifikata.


F’din il-gwerra tal-Libja, Malta wriet li bis-sħubija tagħha fl-Unjoni Ewropea, tilfet l-identità tagħha li taġixxi b’mod indipendenti kif tħoss li jkun sew u ġust, u Malta saret tagħmel dak li l-pajjiżi kbar tal-Unjoni Ewropea jiddettaw li jsir, allavolja dawn jagħmlu dak li jaqbel l-interessi tagħhom u mhux dak li jkun xieraq.


Malta, li kieku għandha verament pajjiż ħieles u indipendenti fil-politika barranija tiegħu ta’ newtralità u favur il-paċi, ma jmissha qablet qatt li tissieħeb ma’ pajjiżi bħall-Ingilterra, l-Italja, Franza u l-Istati Uniti tal-Amerika li jattakkaw pajjiż ieħor b’popolazzjoni ta’ sitt miljun biss, iżda li għandu riżorsi naturali tal-enerġija li jiswew ħafna għal dawk il-pajjiżi.


Bi prinċipju, pajjiżna għandu dejjem jopponi kull attakk li pajjiż jagħmel fuq pajjiż ieħor, aktar u aktar meta l-pajjiż vittma jkun il-pajjiż żgħir u l-pajjiżi li jattakkawh ikunu pajjiżi militarment b’saħħithom u li jippretendu li għandhom dritt divin li jiddominaw u jikkmandaw popli oħrajn.


Fl-aggressjoni kontra l-poplu Libjan Malta qiegħda żżomm mal-aggressuri, minflok qiegħda newtrali jekk ma tridx tgħin lill-poplu li qed jiġi aggredit.

 

Is-sħubija fl-Unjoni Ewropea telfitna ruħna bħala pajjiż li ma jaċċettax li l-gwerer isolvu l-problemi, iżda aktar ikabbruhom.


Pajjiżna se jkun ħareġ tellief minn din il-gwerra tal-Libja, ikun x’ikun ir-riżultat finali tagħha.

 

Il-Ħamis 12 ta’ Mejju 2011

 

 

Fittex li tiffirma l-petizzjoni popolari lill-Parlament Malti biex jgħaddi miżuri li jrażżnu l-immigrazzjoni illegali f’pajjiżna.

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

<< Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ