MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
GĦID LILL-MEMBRU PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha
€182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek
Kittieb f’ġurnal lokali tal-Ħadd, l-ewwel ta’ April kiteb dwar it-tifkira ta’ Jum il-Ħelsien, u qal
“Eluf ta’ votanti fl-elezzjoni ġenerali li jmiss ma jiftakrux l-anniversarji li seħħew f’pajjiżna ta’ qabel is-Snin 70. Sfortunatament wisq inqas jimportahom mit-tifkiriet ta’ ġrajjiet li ma għexuhomx”.
Huwa ssokta jikteb hekk:
“Jien l-ewwel wieħed li nifhem li l-familji pjuttost żgħażagħ ta’ wara l-bidu tas-Snin 90, li ħafna minhom għadhom qegħdin irabbu, jimpurtahom mil-lum. Jimpurtahom mill-futur tagħhom u ta’ uliedhom. L-istess iż-żgħażagħ tal-lum u ta’ għada”.
Issa jekk il-qagħda hija kerha kif intqal mill-kittieb, parti kbira
tat-tort huwa tal-politiċi li naqsu li jgħallmu lill-poplu minn fejn
telaq biex wasal fejn hu llum.
Għax il-koppji żgħażagħ ma jistghux japprezzaw
* iċ-children allowances li jieħdu,
* il-bonus li jirċievu,
* in-numru ta’ ġranet ‘paid leave’ li jgawdu, u
* ħlas aktar għal xogħol nhar ta’ Sibt u l-Ħadd, u
* ħafna benefiċċji oħrajn,
jekk ħadd ma jurihom li dawn il-benefiċċji ma kienux minn dejjem, kif jistgħu n-nanniet tagħhom jgħidu liż-żgħażagħ.
U jekk iż-żgħażagħ jimpurthom mill-futur tagħhom u
ta’ wliedhom, jagħmlu ħażin il-politiċi li ma jgħidulhomx
li fil-futur dawn il-benefiċċji huma mhedda minħabba s-sħubija
ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea li qiegħda timponi politika li tgħid
li gvern għandu jnaqqas l-ispiża u l-piżijiet soċjali tiegħu.
Illum qegħdin jidħku biex żgħażagħ dawk il-politiċi
li jgħidu li l-kwistjoni tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea hija magħluqa,
meta settur wara l-ieħor tal-popolazzjoni qiegħed jilminta
mill-effetti ħżiena tas-sħubija u jrid li dawn l-effetti
ħżiena jitwaqqfu u dan jista’ faċilment isir billi pajjiżna
jgħid lill-Unjoni li se joħroġ mill-Unjoni.
Daħku biż-żgħażagħ dawk li qabel ir-referendum
tas-sħubija fl-Unjoni qalulhom li fl-Unjoni Ewropea kollox huwa ‘ward u
zahar’.
Ħafna miż-żgħażagħ li emmnu dak id-diskors, sabu ruħhom illiċenzjati mill-impjieg għax il-fabbrika tagħhom kellha tagħlaq konsegwenza tas-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni.
Żgħażagħ oħrajn sabu li l-prezzijiet tad-djar u
l-kirjiet tad-djar huma tant għoljin, li assolutament ma jistgħux ileħħqu
magħhom, ukoll konsegwenza tas-sħubija fl-Unjoni.
Żgħażagħ oħrajn qegħdin jaraw li postijiet tax-xogħol addattati għalihom ma jingħatawx lilhom, iżda jingħataw lil baranin li ġejjin f’pajjiżna mill-pajjiżi ta’ l-Unjoni.
Għal ħafna żgħażagħ il-ħolma ta’ l-Unjoni Ewropea saret ħmar il-lejl, ħlief għal dawk il-ftit mijiet li sabu impjieg tajjeb ma’ l-Unjoni, jew li ħatfu l-okkażjonijiet ta’ ftit safar minn fuq l-Unjoni.
Ix-xhur tas-safar jgħaddu u ż-żgħażagħ isibu ruħhom
ifittxu x-xogħol f’pajjiżna u ma jsibuhx, għax ma beżgħux
għal-ħelsien li sħubija fl-Unjoni tellfitna.
Aġir
skandaluż ta’ l-Unjoni Ewropea
It-theddid ta’ l-Unjoni Ewropea lill-Gvern tal-Nikaragwa għax dan għadda liġi kontra l-abord, imissu jixxokkja lil dawk kollha li kienu jemmnu fil-valuri ta’ l-Unjoni.



Saċerdot magħruf, b’esperjenza pastorali vasta, Dun Pawl Camilleri,
jumejn ilu wera ruħu mkexkex dwar dan il-fatt, tant li bagħat ittra
pubblika lill-membri tal-Parlament Ewropew, Simon Busuttil u David Casa, li
ma’ Eddie Fenech Adami u Lawrence Gonzi, kienu ppredkaw ħafna fuq
il-valuri ta’ l-Unjoni, qabel ir-referendum.
Fl-ittra tieghu Dun Camilleri rrefera għal dak li kien qara fil-ġurnali,
li Daniel Ortega, il-mimmi ta’ għajnejn ix-xellugin fit-tmeninijiet, reġa’
tela’ Mexxej tan-Nikaragwa.
L-ewwel m’għamel kien li abolixxa l-abort.
Ir-rappreżentant ta’ l-UE fin-Nikaragwa, qal li “l-għajnuna kontra l-faqar hi marbuta ma’ l-aċċessibilità ta’ l-abort u mad-drittijiet tan-nisa. Nittama’ li l-Gvern il-ġdid ikun dispost u kapaċi jiftaħ diskussjoni mingħajr is-sħana ta’ kampanja elettorali”.
Dun Pawl issokta jikteb li skond l-istess ġurnali, il-Ministru ta’ l-Iżvilupp Ġermaniz (bħalissa l-Ġermanja għandha l-Presidenza ta’ l-UE), għamilha ċara li “ikun hemm konsegwenzi jekk il-liġi ma tiġix emendata”.
U
dan meta l-liġi kienet għaddiet mill-Parlament tan-Nikaragwa b’maġġoranza.
Il-ġurnali sejjaħ dan il-kliem tal-Ministru Ġermaniz rikatt
politiku (Political blakmail) u loġikament staqsew li, jekk l-UE qiegħda
tagħmel din il-pressjoni fuq pajjiż li mhux membru, ara kemm tagħmel
iżjed pressjoni fuq pajjiż memru (bħal Malta)?
Hawnhekk Dun Pawl jagħmel mistoqsija:
“Ġa bdejna bil-pulit dwar id-divorzju. X’taħsbu li jkun imiss biex ninqatgħu mill-periferija kulurali ta’ l-Ewropa?”
Dun Pawl qal lil Simon Busuttil u David Casa, li huwa persważ li huma jistmaw il-ħajja umana mill-bidunett tagħha almenu daqs l-immigrazzjoni llegali, il-kaċċa u l-insib u li jistmaw id-demokrazija u kull dritt ta’ kull Stat li l-politika dwar żwieġ u ħajja jiddeċiduha biss iċ-ċittadini ta’ dak l-Istat, bla ebda forma ta’ indħil barrani u inġust, biex ma jingħadx, skandaluż.
Għandu raġun Dun Pawl jitkexkex bl-aġir skandaluż ta’ l-UE dwar l-abort.
Malta, bis-sħubija tagħha fl-UE, hija kompliċi ma’ l-UE f’dan l-aġir skandaluż, għax tappoġġa l-politika uffiċjali ta’ l-UE, u tikkontribwixxi kull sena għall-fondi ta’ l-UE.
Il-kontribuzzjonijiet ta’ kull sena jsiru miċ-ċittadini Maltin u Għawdxin
għax isiru mit-taxxi li jitħallsu.
Min fil-kuxjenzi jħoss li m’għandux ikun kompliċi ta’ dan, għandu jasal għad-deċiżjoni li naqtgħu l-obbligazzjonijiet li għandna ma’ l-UE, billi ma nibqgħux imseħbin fiha.
L-Unjoni
Ewropea trid taħtaf aktar pajjiżi
Ħafna kummentaturi jgħidu li l-Unjoni Ewropea qiegħda tbati minn għejja kkaġunata mit-tkabbir mgħaġġel ta’ l-UE.
Madwar nofs iċ-ċittadini ta’ l-UE ma jridux li l-UE tikber aktar.
Iżda l-uffiċċjali ta’ l-UE qegħdin jimmanuvraw ħalli
l-Unjoni taħtaf aktar pajjiżi, bħall
* Kroazja,
* il-Bosnia u
* l-Ukraina.
Hemm numru ta’ mexxejja Ewropej li jaħsbu li l-UE kibret wisq u qiegħda
tistieden li jiġri diżastru mill-UE.
Il-laqgħat tal-mexxejja u tar-rappreżentanti tal-pajjiżi membri ta’ l-UE qegħdin jieħdu fit-tul wisq.
Fihom jintqal ħafna diskors, iżda ġeneralment ma joħroġ
xejn konkret minnhom, ħlief riżoluzzjonijiet ħalli jsiru aktar
laqgħat.
Il-burokrazija kbira li hemm fl-UE ttaqqal ħafna il-proċess li jwassal biex jittieħdu ftit deċiżjonijiet.
Is-sistema li kull ma jingħat u jinkiteb irid jiġi tradott fil-linwi tal-pajjiżi kollha ta’ l-UE hija sistema assurda; inutli, tqum flejjes kbar u ħela ta’ ħin u ta’ nies.
Għalhekk ħafna jsostnu li l-esperiment ta’ l-UE se jispiċċa biex ifalli.
Kulħadd
jaf li l-Parlament Ewropew m’hux parlament iżda palk ta’ reċtar
fejn membru ma jistax jitkellem aktar minn tliet minuti u fejn il-voti jittieħdu
bit-tużżana f’ħames minuti.
M’għandux s-saħħa ta’ Parlament nazzjonali, għalhekk għandu aktar minn seba’ mitt membru.
L-ispiża tal-Parlament Ewropew hija enormi u żejda għax il-qofol tad-deċiżjonijiet ta’ l-UE ma jittieħdux fil-Parlament, iżda mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Kunsill Ewropew.
Minkejja n-nuqqasijiet kbar li hemm fl-UE, xorta waħda dawk li jridu li
l-UE tikber aktar, jirnexxilhom fl-għan tagħhom.
Huma waslu biex fl-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena, sieħbu fl-UE żewġ pajjiżi oħrajn ta’ l-Ewropa tal-Lvant,
* ir-Rumanija u
* l-Bulgarija.
L-UE sseħħbithom magħha lil dawn iż-żewġ pajjiżi eks-komunisti, mhux għax huma jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ demokrazija u ndafa fit-tmexxija pubblika li l-UE tinsisti li l-pajjiżi membri għandhom ikollhom.
L-UE seħħbithom għax hija jaqblilha tespandi lejn il-Lvant ta’ l-Ewropa u jiswilha li taħtaf taħt idejha r-riżorsi tal-gass u raffineriji taż-żejt tar-Rumanija, kif ukoll l-istrutturi li jwasslu ż-żejt (oil pipelines) mil-baħar l-Iswed għall-Ewropa, mingħajr dawn il-“pipelines” ma jgħaddu mir-Russja.
Għalkemm ir-Rumanija u l-Bulgarija huma relattivament fqar, xorta waħda
jiswew ħafna għall-UE għax għandhom ħafna ħaddiema
tas-snajja li huma mdorrijiet jaħdmu ħafna (highly motivated), li se
jkunu ta’ ġid kbir għall-ekonomija ta’ l-UE.
Tant għandha bżonnhom li l-UE, li hija warrbet 40 biljun Ewro għalihom,
jiġifieri lilhom hija lesta tagħtihom ’il fuq minn 46 elf daqs kemm
lesta li tagħti lil Malta f’seba’ snin (885 miljun Ewro).
Basta l-Maltin baħnana huma kuntenti!
L-UE
tinsab fi kriżi
Il-professur
Sabino Acquaviva, għalliem tas-soċjoloġija reliġjuża,
ippubblika ktieb bit-titlu
“L-Eklissi ta’ l-Ewropa”.
Ftit tal-ġimgħat ilu xandarna x’fih il-ktieb, f’din il-paġna.
Madwar
xahar ilu dehret intervista tal-Professur Acquaviva f’rivista reliġjuża
Taljana.
F’din l-intervista l-Professur Acquaviva saħaq li l-Ewropa tinsab fi kriżi.
Huwa sostna li l-Kristjaneżmu kien emigra mill-Ewropa (minkejja li ċ-ċentru tiegħu, il-Vatikan, huwa fl-Italja).
Skond Acquaviva
* l-Ewropa saret kontinent li jiddubita minn kollox u ma jemmen f’xejn (għalhekk xettiku),
* sar mitluf jiġri wara l-pjaċiri (għalhekk edonista), u
* sar kontinent mingħajr ideali,
ħsiebu biss jgħix
mil-lum għal għada fid-dinja ċkejkna tiegħu.
Il-Professur Acquaviva fisser li hemm żewġ konsegwenzi ta’ din
il-kriżi ta’ l-Ewropa.
L-ewwel, hawn il-kollass u t-tkissir tal-familja, u t-tieni, billi r-rata tat-twelid tbaxxiet ħafna, il-popolazzjoni ta’ l-Ewropa nieżla ’l isfel, filwaqt li qiegħda tikber b’ħeġġa l-ġenerazzjoni żagħżugħa ta’ l-Indja u ċ-Ċina.
Dan kollu qiegħed iwassal ukoll għal kriżi ekonomika fl-Ewropa, għaliex
is-saħħa ekonomika fid-dinja m’għadhiex fl-Ewropa, iżda
tinsab fl-Asja.
Fl-imgħoddi l-kontinent Ewropew kien ekonomikament (u wkoll militarment) jiddomina d-dinja.
Fil-qasam morali u reliġjuż il-kriżi fl-Ewropa tidher ukoll mill-fatt li l-knejjes tbattlu mill-fidili, u l-pornografija xterdet kullimkien u qiegħda therri l-fibra morali tas-soċjetà Ewropea.
Fl-istess waqt, il-komsumiżmu sfrenat qiegħed jeqred is-sistema tal-valuri ta’ l-Ewropa, u l-Ewropej li għandhom kollox, ma saru japprezzaw xejn.
Il-Professur Acquaviva wasal għall-konklużjoni li qegħdin naraw
l-eklissi ta’ l-Ewropa u taċ-ċiviltà Ewropea, għaliex
il-kontinent ta’ l-Ewropa jinsab għan-niżla, assedjat minn miljuni
minn pajjiżi barra l-Ewropa li se jgħaddu lill-Ewropej.
Għalhekk huwa ta t-titlu lill-ktieb tiegħu, l-Eklissi u mhux il-mewt, għaliex għadu jittama ftit li jista’ jkun hemm ġejjieni, jekk inbiddlu kif qegħdin naħdmu u jekk nerġgħu nagħtu sens lill-ħajja li qegħdin ngħixu fl-Ewropa.
Il-propagandist f’Malta ta’ l-UE jeħtieġilhom jaqraw il-ktieb
ta’ Acquaviva ħalli jintebħu x’sagrileġġ għamlu
meta ħadmu biex Malta tissieħeb fl-UE biex tkun ħaġa waħda,
ma’ l-Ewropa dekadenti moralment, ekonomikament u soċjalment.
Iżda mhux kollox mitmum.
Għad nistgħu nsalvaw il-ġejjieni ta’ uliedna billi neħilsu lill-pajjiżna mill-madmad ta’ l-UE ħalli nerġgħu ngħożżu l-valuri bnina ta’ missirijietna.
Il-Ħamis, 12 ta' April, 2007.
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju Finanzjarju CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ