MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI
Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
Mill-Avukat Karmenu Mifsud Bonnici
Chairman Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI
IL-KOSTITUZZJONI TA' L-UNJONI EWROPEA TKASBAR IL-KOSTITUZZJONI TA' MALTA
Constructive Abstention
BIR-RAPPORT politiku li ħejja l-Onorevoli Dr George Vella, huwa jisħaq fuq is-siwi għal Malta tal-proċedura magħrufa bħala 'constructive abstention' li hemm fl-Artiklu III-300 tal-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni Ewropea.
Dik il-proċedura ta' 'constructive abstention' tfisser li stat membru ta' l-Unjoni, li ma jkunx jaqbel ma' deċiżjoni li tkun se tittieħed mill-istati membri l-oħrajn, jiddikjara li mhux se jivvota, u jispjega r-raġunijiet għall-astensjoni tiegħu.
L-istat membru li jastjeni jagħraf li d-deċiżjoni meħuda mill-istati l-oħrajn torbot lill-Unjoni, u huwa jintrabat li ma jieħu ebda azzjoni li tista' tkun f'konflitt mad-deċiżjoni ta' l-Unjoni, jew li tista' timpedixxi l-azzjoni ta' l-Unjoni li tkun ibbażata fuq id-deċiżjoni meħuda.
L-istati membri l-oħrajn ta' l-Unjoni għandhom jirrispettaw ir-raġunijiet u l-pożizzjoni ta' l-istat li jastjeni.
Jekk il-Partit Laburista togħġbu l-proċedura tal-'constructive abstention' fir-rigward ta' deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Ministri u tal-Kunsill Ewropew ta' l-UE, m'għandux ma togħġbux fir-rigward tar-ratifika mill-Parlament Malti tal-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE.
Għalhekk mill-bidu dejjem sostnejt mhux li l-Partit Laburista għandu jivvota kontra l-Kostituzzjoni ġdida (għalkemm dejjem għedt li hekk kont nagħmel kieku kien jiddependi minni), iżda li l-Partit Laburista m'għandux jivvota favuriha, biex ir-ratifika tagħha ma tgħaddix b'maġġoranza ta' tnejn minn tlieta tal-membri Parlamentari kollha.
Il-Partit Laburista għandu ħafna raġunijiet għax ma jivvotax favur il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE.
Il-Parlament Malti se jirratifika l-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE għax il-Gvern Nazzjonalista ntrabat li japprovaha fiha x'fiha.
L-Unika kwistjoni hija x'se tagħmel l-Oppożizzjoni Laburista.
Jekk l-Oppożizzjoni Laburista tivvota mal-Gvern Nazzjonalista, l-Oppożizzjoni tkun qiegħda tbierek dak kollu li l-Kostituzzjoni ġdida fiha , il-ħażin u t-tajjeb.
Jekk l-Oppożizzjoni tastjeni, ma tkunx qegħda tivvota kontra t-tajjeb li l-Kostituzzjoni fiha.
Ħadd ma jkun jista' jinterpreta l-astensjoni ta' l-Oppożizzjoni Laburista bħala vot kontra l-Unjoni Ewropea jew vot kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni.
L-Oppożizzjoni ma tkunx qiegħda tmur kontra l-Laburisti li vvotaw kontra l-Partit Laburista favur is-sħubija fl-Unjoni, u lanqas ma tkun qiegħda tnaffar il-'floating voters' li ma jarawx lill-Partit sabiħ jekk jivvota kontra l-Kostituzzjoni.
Jekk l-Oppożizzjoni Laburista tastjeni, tkun qiegħda taqta' l-għatx tan-Nazzjonalisti bil-perżut.
Għax huma jriduha tivvota favur biex jgħajruha li belgħet kulma kienet tgħid kontra l-ftehim tas-sħubija fl-Unjoni.
U jekk tivvota kontra, jixluha li għadha kontra s-sħubija fl-Unjoni.
Jekk l-Oppożizzjoni tagħti r-raġunijiet sodi tagħha għax qiegħda tastjeni, jiġġudikawha fuq is-serjeta` tar-raġunijiet sodi li tagħti.
Ir-rapport politika ta' l-Onorevoli Dr Vella jgħid li meta l-Partit Laburista jkun fil-Gvern, huwa jkun jista' jadotta l-proċedura tal-'constructive abstention' fil-Kunsill Ewropew u fil-Kunsill tal-Ministri ta' l-UE, meta l-pajjiż ikollu raġunijiet għax ma jkunx jista' jaqbel mad-deċiżjonijiet tal-pajjiżi l-oħrajn ta' l-Unjoni.
Allura x'hemm x'iżomm lill-Partit Laburista, meta jinsab fl-Oppożizzjoni, li juża l-istess proċedura ta' l-astensjoni maħsuba fil-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE u jispjega għaliex mhux se jivvota favuriha?
Jekk għandu ħila juża l-astensjoni meta l-partit huwa fl-Oppożizzjoni, iktar jitwemmen li jkollu l-kuraġġ jastjeni meta jkun fil-gvern u l-pajjiż ikollu raġunijiet serji biex ma jaqbilx mad-deċiżjonijiet tal-pajjiżi l-oħrajn ta' l-Unjoni.
Fuq kollox, bil-'constructive abstention' tagħha fil-Parlament, l-Oppożizzjoni Laburista ma tkunx ivvotat favur dak li tippretendi għall-ewwel darba l-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE, li l-liġijiet ta' l-Unjoni jkunu superjuri fuq il-Kostituzzjoni tal-Maltin.
Il-Maltin kollha jkunu grati lejn il-Partit Laburista jekk iseħħ dan.
Ġurament ta' lealta` li jieħdu l-Membri Parlamentari kollha
Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li nkun tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r- Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. (Hekk Alla jgħini).
Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.
Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment u skond il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skond il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta, mingħajr biża’ jew favur. ( Hekk Alla jgħini).
Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ President.
Jiena ..............................................., solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta’ President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta’ Malta, u li, skond l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. (Hekk Alla jgħini).
Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta
6. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) ta’ l-artikolu 47 u ta’ l-artikolu 66 ta’ din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.
Artiklu I-6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea
Dritt ta' l-Unjoni
Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri.
Tista' tafda lil min jikser il-ĠURAMENT tiegħu/tagħha?
Il-Tlieta, 12 ta' April, 2005.
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat Lm2 flimkien ma' din il-formola liċ-
Chairman
CNI,
Dr
Karmenu Mifsud Bonnici B.A. LL.D.
81,
Triq Ġuże Pace,
Ħamrun.
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ