MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

JEKK TIRRISPETTA L-KOSTITUZZJONI TA' PAJJIŻEK GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK JIRRISPETTA L-FEHMIET TIEGĦEK U MA JIVVOTAX FAVUR IL-KOSTITUZZJONI TA' L-UNJONI EWROPEA LI TKASBAR IL-KOSTITUZZJONI TA' MALTA.

 

Ir-radd tas-salib ta’ kull pjan ekonomiku għal Malta

 

JAGĦMLU żball kbir dawk li ma jarawx li l-kriżi li għandna f’Malta tan-nuqqas ta’ xogħol u ta’ l-impjiegi tiddependi ħafna mill-politika ta’ l-Unjoni Ewropea li l-ftehim tas-sħubija rabatna li nwettqu. 

 

Sa kemm min ikun fil-gvern ikollu jimxi skond il-ftehim magħmul ma’ l-Unjoni Ewropea mhux biss ma nirpiljawx, iżda x-xogħol u l-impiegi jibqgħu jonqsu f’pajjiżna.

Għalhekk f’kull pjan li nagħmlu ħalli nkattru x-xogħol u noħolqu mpjiegi ġodda f’pajjiżna, irridu nsostnu li qabel kollox ninħallu mill-irbit u l-kundizzjonijiet tal-ftehim magħmul ma’ l-Unjoni Ewropea. 

 

Dan il-ftehim ma jħallix lill-Gvern Malti jagħti l-għajnuniet kollha li jkun hemm bżonn biex l-impriżi li għandna f’pajjiżna jibqgħu joperaw f’pajjiżna. 

 

Ma jippermettix lill-gvern jagħti l-għajnuniet kollha meħtieġa li bihom nistgħu niġbdu lejn pajjiżna, kif għamilna fl-imgħoddi, investiment barrani produttiv li jfisser xogħol aktar u l-ħolqien ta’ mpjiegi ġodda.

 

F’kull pjan ekonomiku li nagħmlu hemm bżonn li nitbegħdu mill-politika li l-ftehim ma’ l-Unjoni Ewropea jimponi fuqna. 

 

Din qiegħda tgerrex l-impriżi minn pajjiżna u tibgħathom f’pajjiżi oħrajn fejn il-kundizzjonijiet tax-xogħol huma ħafna agħar minn tagħna u ma tħalliniex nagħtu dawk l-għajnuniet li bihom nagħmlu tajjeb għal dan l-iżvantaġġ.

 

M’għandniex għal fejn inġewwsu l-kliem.

 

Għandna ngħidu li l-politika li l-Unjoni Ewropea timponi, l-“ekonomija tas-suq” u tal-“kompetizzjoni ħielsa”, hija ideoloġija falza, imsejsa fuq l-isfruttament inuman ta’ eluf ta’ tfal, ta’ nisa u ta’ ħaddiema fil-pajjiżi li fihom il-livell ta‘ l-għixien għadu baxx hafna. 

 

Għandna ninnutaw li pajjiżi importanti ta’ l-Unjoni Ewropea huma pajjiżi kolonjalisti, jiġifieri li stagħnew billi fl-imgħoddi ħakmu kolonji militarment. 

 

Illum il-politika ta’ l-Unjoni Ewropea hija politika kummerċjali u ndustrijali kolonjalista.

 

Hija tinkoraġġixxi lill-imprendituri ta’ l-Unjoni li jagħmlu xogħol ta’ manifattura u ta’ servizzi fil-pajjiżi fejn il-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol għadhom lura ħafna u mbagħad ibiegħu il-prodotti maħduma u s-servizzi mogħtija fil-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni Ewropea, inkluża Malta.

 

B’din il-politika ta’ l-Unjoni Ewropea jonqos ix-xogħol u l-impjiegi fil-pajjiżi membri, inkluża f’Malta u jiżdied il-bejgħ tal-prodotti u s-servizzi impurtati minn barra. 

 

Kif wieħed jista’ jifhem, din il-politika ta’ l-Unjoni Ewropea hija bil-maqlub tal-politika li pajjiżna għandu bżonn biex inkattru x-xogħol u l-impjiegi ġodda. 

 

Għalhekk jeħtieġ li ngħidu li ma naqblux ma’ din il-politika u li għall-ġid ta’ pajjiżna u tal-ħaddiema tagħna, hemm bżonn li nbiddluha.

 

Dan għandu jkun ir-radd tas-salib f’kull pjan ekonomiku li pajjiżna jagħmel.

 

Suġġeriment żbaljat lill-Kap ta’ l-Oppożizzjoni


 L-ARTIKOLIST regolari ta’ l-orizzont, “Platernian”, dan l-aħħar wera li huwa xettiku dwar il-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-UE.

 

Iżda fl-istess ħin issuġġerixxa lill-Kap ta’ l-Oppożizzjoni li jagħti “Free Vote” fuqha meta titressaq għar-ratifika fil-Parlament.

Huwa rraġuna li b’hekk l-Oppożizzjoni Laburista fil-Parlament ma tidhirx kerha mal-media, speċjalment mal-ġurnali bl-Ingliż u mal-Partiti Soċjalisti fil-Parlament Ewropew.

 

Aħna ma naqblux mar-raġunar ta’ “Platernian”.

 

L-ewwelnett, jekk jingħata “free vote” u xi deputati Laburisti jivvotaw mal-gvern, fil-waqt li oħrajn jivvotaw kontra, il-Partit Laburista jidher maqsum u mifrud.

Dik il-qasma u l-firda tiddemoralizza lill-partitarji Laburisti u ddgħajjef lill-Partit f’għajnejn il-poplu.

Fit-tieni lok, jekk minoranza ta’ xi disa’ deputati Laburisti jivvotaw mal-35 deputati Nazzjonalisti, ir-ratifika tal-Kostituzzjoni ta’ l-UE tgħaddi b’maġġoranza ta’ żewġ terzi. 

 

Jekk dan iseħħ, jibda jingħad li l-Kostituzzjoni ta’ l-UE għelbet lill-Kostituzzjoni ta’ Malta fejn m’hemmx qbil bejniethom, bil-maġġoranza ta’ żewġ terzi li hija meħtieġa biex tibdel il-Kostituzzjoni ta’ Malta. 

 

B’hekk tinġieb fix-xejn il-Kostituzzjoni Repubblikana ta’ Malta, magħmula bis-saħħa ta’ Gvern Laburista.

 

Fit-tielet lok, dawk id-deputati Laburisti li jivvotaw favur il-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-UE, ikunu qegħdin jeħduha kontra d-deċiżjoni meħuda fid-9 ta’ Novembru 2003 mill-Konferenza Ġenerali Laburista. 

 

Dakinhar il-Konferenza Ġenerali qatgħet li l-Partit għandu jaħdem ħalli jbiddel dak li hemm ħażin u ta’ ħsara fil-ftehim li l-Gvern Nazzjonalista għamel ma’ l-UE.

Issa l-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-UE tgħid li hija qiegħda ġġedded dak il-ftehim kif sar.

 

Għalhekk, min jivvota favur il-Kostituzzjoni ta’ l-UE, ikun qiegħed jivvota favur il-ftehim kif għamlu l-Gvern Nazzjonalista.

 

Ikun qiegħed imur kontra dak li ddeċidiet il-Konferenza Ġenerali Laburista.


Il-Partit Laburista ma jistax jippermetti li bl-għoti tal-“free vote” kif “Platernian” issuġerixxa, deputati Laburisti jisfidaw ir-rieda ta’ l-ogħla awtoritŕ tal-Partit.

Id-Deputati Laburisti ma għandhomx dritt ipoġġu l-interessi personali tagħhom qabel l-interessi tal-votanti Laburisti li tellgħuhom fil-Parlament. 

 

Żgur il-votanti Laburisti ma tawhomx id-dritt jaqilbu l-LE għall-ftehim Nazzjonalista, għall-IVA favur l-istess ftehim li jifforma parti mill-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-UE.

L-aħjar triq għall-Oppożizzjoni Laburista hija li tastjeni dwar il-Kostituzzjoni ċdida ta’ l-UE, jew tagħmel kif għamlet fl-aħħar jum tad-dibattitu tal-Budget, toħroġ ’il barra mill-Parlament.

 

Riversibbli mhux irriversibbli

 

L-AĠENT Kap tal-MIC dan l-aħħar ikkwota lill-Onorevoli Leo Brincat li f’Diċembru li għadda kien qal li d-deċiżjoni ta’ l-elettorat, li Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropea, hija rriversibbli.

Jekk l-Onorevoli Brincat veru qal hekk, ngħidulu li għadu ma tgħallimx il-lezzjoni li ħa fil-Budget li huwa ppreżenta għas-sena 1998.

 

Infakkruh li dak in-nhar huwa ħabbar miżuri li ftit taż-żmien wara, irriversjahom.

 

Dak li kien qal kien irriversibbli, sar riversibbli.

L-istess ħaġa ngħidulu għad-deċiżjoni tas-sħubija ta’ pajjiżna fl-UE.

 

Imissu jaf li diġŕ llum, disa’ xhur biss wara li pajjiżna ssieħeb fl-UE, il-maġġoranza tal-poplu Malti hija kontra l-ftehim li sar ma’ l-EU. 

 

Allura issa Brincat se jeħodha kontra l-maġġoranza tal-lum, li għandha tkompli tikber, aktar ma l-poplu jinqaras bil-miżuri li l-gvern ikollu jieħu biex jobdi lill-UE?

 

Din mhix l-ewwel darba li l-Onorevoli Leo Brincat sfida l-votanti Laburisti.

 

Il-Laburisti huma kontra l-ksur tal-newtralitŕ tagħna bil-preżenza tal-vapuri tal-gwerra Amerikani fil-portijiet tagħna. 

Iżda x-Shadow Minister ta’ l-Affarijiet Barrani Laburista mar jixrob fuq il-bastiment Amerikan, l-USS Kennedy, meta l-Istati Uniti qiegħda fil-gwerra fl-Iraq.

L-istess ħaġa dwar is-sħubija ta’ Malta fl-UE.

 

L-Onorevoli Brincat jaf li huwa tela’ fil-Parlament bis-saħħa tal-Laburisti li vvotaw kontra l-ftehim tas-sħubija li l-Gvern Nazzjonalista għamel ma’ l-EU. 

 

Huwa jaf ukoll li minkejja li huwa fil-Konferenza Ġenerali ta’ Novembru 2003 tkellem kontra li l-Partit jaħdem biex jinbidel dak kollu li huwa ħażin u ta’ ħsara fil-ftehim ma’ l-UE, il-Konferenza Ġenerali Laburista ddeċidiet li l-Partit m’għandux jieqaf jaħdem biex isir it-tibdil meħtieġ.

 

Jekk l-Onorevoli Brincat jgħid li dak li sar ma’ l-UE huwa rriversibbli, l-Unjoni Ewropea tizzuffjetta bih meta jmur biex iġiegħlha tirrinegozja l-ftehim Nazzjonalista.

Tgħidlu li l-ftehim irriversibbli, skond ma huwa stess kien fattar f’Diċembru 2003.

 

Hija ma tagħtix kasu għax taf li ma jista’ jagħmel xejn meta hija tirrifjuta li tisimgħu. 

 

Politiku li jkun ghaqli, dejjem iħalli l-bieb miftuħ minn fejn juri li jista’ jgħaddi, jekk isib lil min ma jridx jisma’ r-raġuni tiegħu.

 

Inkella jsib ruħu mal-ħajt u ma jistax jiċċaqlaq, jekk ma jistax jirriversja.

Jekk l-Aġent Kap ta' l-MIC ma kienx korrett meta kkwota lill-Onor. Leo Brincat, nistennew li dan id-deputat Laburista jikkoreġi dak li ntqal fuqu.

 

Inkella jkollna ngħidu lill-votanti Laburisti biex jikkoreġu huma lid-deputat tagħhom.

 

L-Opportunisti ta' l-UE

 

JISKANDALIZZAWNA meta jgħidulna biex inbaxxu rasna għar-realta` li Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea u jkomplu jgħidulna li għandna nagħmlu dan, skond il-prinċipji tad-demokrazija.

 

Aħna nifhmu li llum Malta hija ntegrata fl-Unjoni Ewropea u proprju minħabba f'hekk, il-poplu Malti qiegħed ibati u aktar se jbati 'l quddiem, l-effetti diastruzi tal-politika ta' l-Unjoni, fuqna.

 

Iżda ma nifhmux għaliex mhux dmir tagħna, la ma naqblux li l-poplu tagħna għandu jitkisser bil-politika ta' l-Unjoni, li għandna nkomplu nissaraw ħalli neħilsu mill-aktar fis lill-poplu tagħna mill-flaġell li laqtu.

 

Hawn min jaqbel magħna li l-poplu se jbati bil-politika ta' l-Unjoni, iżda mhux lest li jkompli jissara magħna ħalli l-poplu jinfeda mill-ġdid.

 

Dawn jew qatgħu nifishom u qatgħu qalbhom jikkumbattu, jew dabbru rashom għax raw li hekk jaqbel għall-interessi personali tagħhom, li jmorru mal-kurrent.

 

Iżda la ta' l-ewwel u lanqas tat-tieni ma jistgħu jlumuna li la qtajna nifisna u qalbna bħalhom u lanqas fittxejna l-interessi personali tagħna bħalhom.

 

Imisshom jgħiru għalina li żammejna fil-konvinzjonijiet tagħna u li lesti nkomplu nissagrifikaw ruħna ħalli nwettqu dak li nemmnu fih.

 

Ma naċċettaw qatt li f'demokrazija, il-minoranza għandha taqbel mal-maġġoranza.

 

Nemmnu li l-maġġoranza għandha tagħraf id-dritt tal-minoranza li taħdem ħalli biż-żmien issir hija l-maġġoranza. 

 

Għalhekk nikkundannaw lil dawk li jgħidulna li l-ħidma tagħna biex pajjiżna jerġa' jikseb l-indipendenza u biex il-poplu jerġa' jkun ħieles, hija kontra l-għaqda nazzjonali u ma tirrispettax id-demokrazija.

 

Aħna nħarsu lejn min jgħidilna dan, jew bħala nies li huma żbaljati fil-fehmiet u r-raġunar tagħhom, iżda li għandhom dritt li jħaddnuhom.

 

Jew inħarsu lejhom bħala nies ipokriti u opportunisti fl-imġieba tagħhom u d-dmir tagħna huwa li lil dawn nesponuhom.

 

Ġurament ta' lealta` li jieħdu l-Membri Parlamentari kollha

 

Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li nkun tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r- Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. (Hekk Alla jgħini).

 

Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.

 

Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment u skond il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skond il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta, mingħajr biża’ jew favur. ( Hekk Alla jgħini).

 

Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ President.

 

Jiena ..............................................., solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta’ President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta’ Malta, u li, skond l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. (Hekk Alla jgħini).

 

Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta

 

6. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) ta’ l-artikolu 47 u ta’ l-artikolu 66 ta’ din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.

 

Artiklu I-6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea

 

Dritt ta' l-Unjoni

Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri.

 

L-Erbgħa, 12 ta' Jannar, 2005.

 

Tista' tafda lil min jikser il-ĠURAMENT tiegħu/tagħha?

 

<< Lura <<

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola liċ-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ