MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

minn Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI

 

GĦID LILL-KANDIDAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha €182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

Poplu mifrud dwar sħubija fl-UE

 

Għalxejn il-President, għalxejn il-Prim Ministru, għalxejn il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni, għalxejn l-Arċisqof, għalxejn in-Nunzju joqogħdu jgħidu li issa l-poplu Malti huwa ta’ fehma waħda u aċċetta l-ftehim tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.

Din mhix il-verità. 

 

Eluf kbar ta’ Maltin u Għawdxin ma aċċettawx li l-ftehim tas-sħubija li sar ma’ l-Unjoni Ewropea mhux se jinbidel. 

 

Dawk il-ħwejjeġ li seħħew fid-disa’ xhur minn meta l-Prim Ministru u l-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin iffirmaw il-ftehim tas-sħubija fis-16 ta’ April tas-sena l-oħra f’Ateni, saħħew il-fehma ta’ eluf kbar ta’ Maltin u Għawdxin, li l-ftehim tas-sħubija fl-Unjoni huwa ta’ ħsara kbira għall-poplu Malti u speċjalment għall-ħaddiema.

Dawk kollha li diġà ntlaqtu mill-effetti ħżiena tal-ftehim tas-sħubija jaraw fid-diskorsi li jfaħħru l-pass li pajjiżna għamel, insult għalihom għax jinjoraw it-tbatijiet li qegħdin iġarrbu huma u l-membri tal-familji tagħhom.

 

Nuqqas ta’ solidarjetà

 

Hawn min bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea sejjer tajjeb. 

 

Dawn ma jimportahomx mill-eluf ta’ ħuthom Maltin u Għawdxin li se jbatu. 

 

Il-kuxjenza soċjali titlob li nagħtu kas min sejjer ħażin.

Min jiftaħar kemm sejrin tajjeb bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea u ma jagħtix kas dawk li sejrin ħażin, huwa nieqes mill-kuxjenza soċjali.

Mhux sewwa li nitkellmu dwar l-isfidi tas-sħubija fl-Unjoni li għandna inqisuhom bħala opportunitajiet.

 

L-ewwel għandna naraw li ħadd ma jitgħattan taħt l-isfidi.

Għandna naraw li min jitlef l-impjieg u min jagħlaq in-negozju minħabba l-ftehim tas-sħubija fl-Unjoni, għandna nipprovdulhom xogħol alternattiv. 

 

Dik tfisser is-solidarjetà u mhux diskorsi u priedki biss. 

 

Hekk biss nilqgħu għall-iżvantaggi li l-ftehim tas-sħubija għandu.

 

Nuqqas ta’ impenn

 

Jekk m’aħniex lesti biex nikkoreġu l-iżball li sar tal-ftehim tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, almenu għandna nimpenjaw ruħna bis-serjetà u mhux bil-kliem biss biex nilqgħu għat-tibdil li l-qgħad se jġib għal ħafna familji, biex nagħmlu tajjeb 

* għat-tnaqqis li se jkollna fis-servizzi soċjali, 

* għaż-żieda fit-taxxi, 

* għall-għoli tal-ħajja, 

* għat-tibdil fil-pensjonijiet, u 

* l-isplużjoni fi-prezz tal-proprjetà tal-bini u 

* ta’ l-artijiet.

Quddiem dawn il-konsegwenzi koroħ tal-ftehim tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, hemm tliet toroq x’wieħed jagħżel. 

 

Hemm it-triq ta’ dawk li huma kuntenti b’dak li qiegħed jiġri u fi ħsiebhom ikomplu mexjin fit-triq li qbadna minkejja li ħafna se jbatu. 

 

Hemm it-triq l-oħra ta’ dawk li bħalna mhux se nirrassenjaw ruħna ghal dak kollu li l-poplu tagħna tilef u se jitlef bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea u se nkomplu naħdmu ħalli jkollna sħubija ma’ l-UE u mhux fl-Unjoni Ewropea.

 

U hemm it-triq ta’ dawk li issa mistrieħa li pajjiżna ssieħeb fl-Unjoni Ewropea u jittamaw li jtaffu l-ħsara tal-ftehim li sar ma’ l-Unjoni Ewropea.

Biex il-poplu jara x’differenza hemm bejn dawk ta’ l-ewwel triq u dawk tat-tielet triq, irid jintwera ħafna aktar impenn u pjani konkreti mingħand dawk li għażlu t-triq tas-sħubija fl-Unjoni u li jtaffu għall-iżvantaġġi u jisfruttaw il-vantaġġi. 

 

S’issa l-poplu ma ra la impenn u lanqas pjani konkreti. 

 

Sema’ biss kliem u kliem. Issemmew ukoll protesti. 

 

Iżda l-protesti mhux se joħolqu l-pjani konkreti li jridu jitfasslu biex jilqgħu għall-ħsara tal-ftehim li sar ma’ l-Unjoni Ewropea.

L-ikbar impenn huwa ta’ dawk li għażlu t-tieni triq, jiġifieri dik li trid twassal lill-poplu ħalli fil-maġġoranza tiegħu jagħraf li qbadna direzzjoni ħażina li se twassal f’qiegħ ta’ ħondoq u aktar ma nerġgħu lura minnha, ikun aħjar għalina biex nevitaw mit-tbatijiet u l-għawġ tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea.

 

Il-Kummissarju mhux importanti

 

Il-bieraħ tħabbar min se jkun propost mill-Gvern Malti bħala Kummissarju fil-Kummissjoni Ewropea. 

 

Għal xi wħud, dan huwa fatt importanti. 

 

Iżda fir-realtà, l-importanza tiegħu mhix kbira. 

 

Żgur mhux importanti ghal pajjiżna.

U r-raġuni tan-nuqqas ta’ importanza hija li l-Kummissarju Malti ma jirrappreżentax lil pajjiżna fil-Kummissjoni Ewropea.

Ebda Kummissarju fil-Kummissjoni Ewropea ma jirrappreżenta lil pajjiżu.

Il-Kummissarju fil-Kummissjoni Ewropea mhux suġġett għall-kontroll tal-Gvern ta’ pajjiżu. 

 

Ma jirrispondix lill-Gvern ta’ pajjiżu ghal dak li jagħmel fil-Kummissjoni u għal kif jiddeċiedi fil-Kummissjoni.

 

Anzi, skond il-liġi ta’ l-Unjoni Ewropea, Kummissarju m’għandux iħares l-interessi ta’ pajjiżu, iżda għandu jħares l-interessi ta’  l-Unjoni Ewropea.

Dan ifisser li meta xi deċiżjoni tkun se tolqot ħażin lil xi pajjiż membru, il-Kummissarju li jkun ġej minn dak il-pajjiż ma jistax jopponi dik id-deċiżjoni jekk din tkun fl-interess ta’ l-Unjoni Ewropea li tittieħed.

 

Kummissarju minn kull pajjiż

 

B’danakollu kull pajjiż membru ta’ l-Unjoni Ewropea jinsisti li jkollu Kummissarju fil-Kummissjoni Ewropea.

 

Jingħad li dan il-prinċipju jixhed li kull pajjiż huwa meqjus indaqs fl-Unjoni Ewopea. 

 

Iżda la darba l-Kummissarju fil-Kummissjoni Ewropea ma jirrappreżentax lil pajjiżu, dan ir-raġunament ma jiswix.

L-aktar li jista’ jingħad huwa li l-Kummissarji fil-Kummissjoni Ewropea, għalkemm ma jaħdmux fl-interess ta’ pajjiżhom, iwasslu l-opinjonijiet u l-mod kif jaraw l-affarijiet tal-pajjiżi minn fejn ikunu ġew. 

 

Il-Kummissarju Ingliż aktarx li jaħsibha skond ma jaħsbuha l-Ingliżi u Kummissarju Malti aktarx li jkun jaħsibha kif naħsbuha aħna l-Maltin.

Iżda aktar minn hekk, ma tistax tistenna mill-Kummissarju ta’ pajjiżek. 

 

Eżempju ta’ dan rajnieħ fil-kwistjoni li l-Ġermanja u Franza kellhom dan l-aħħar dwar l-izbilanċ fil-budget tagħhom akbar milli jippermettu r-regoli ta’ l-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissarji Ġermanizi u Franċiżi fil-Kummissjoni Ewropea ma setgħux iżommu mal-pajjiżi tagħhom u kellhom jaqsmu mal-Kummissarji l-oħra l-kundanna li l-Kummissjoni Ewropea ddikjarat għall-gvernijiet tal-Ġermanja u ta’ Franza.

Din il-kwistjoni tista’ ma tiqafx f’kundanna biss. 

 

Il-Kummissjoni Ewropea tista’ tispiċċa biex ittella’ l-Qorti lill-Gvern tal-Ġermanja u lill-Gvern ta’ Franza għax kisru r-regoli ta’ l-Unjoni Ewropea dwar l-iżbilanċ fil-budget.

 

Bil-vot jew bla vot

 

Hemm kwistjoni dwar jekk il-Kummissarji kollha tal-Kummissjoni Ewropea hux se jkollhom id-dritt tal-vot.

 

Illum kollha għandhom vot. 

 

Iżda skond l-abbozz tal-Kostituzzjoni ġdida ta’ l-Unjoni Ewropea numru ta’ Kummissarji ma kellhomx ikollhom vot.

Malta ma qablitx ma’ dan. 

 

Din il-kwistjoni għadha mhux deċiża.

Fil-fatt lanqas il-kwistjoni jekk hux il-pajjiżi membri m’għandhomx ikollhom Kummissarju fil-Kummissjoni Ewropea għadha ma ġiet deċiża fil-Kostituzzjoni ġdida.

U anki jekk l-għaxar pajjiżi li se jissieħbu f’Mejju li ġej se jkollhom Kummissarju kull wieħed, jekk ’il quddiem ikun hemm aktar minn 25 pajjiż membru fl-Unjoni Ewropea, jista’ jagħti l-każ li n-numru ta’ Kummissarji jinżel ghal 20 u jkun hemm sistema li biha Kummissarji mill-pajjiżi membri jalternaw b’mod li f’ċerti snin numru ta’ pajjiżi ma jkollhomx Kummissarju tagħhom.

Dan il-fatt ikompli juri kemm li pajjiż ikollu Kummissarju mhux ta’ importanza u siewi għal dak il-pajjiż.

 

X’ma jiġġennux wara l-UE!

 

Membru tal-Parlament Ewropew, l-Olandiz Michael Van Hulten, akkuża lill-parlamentari Ġermaniżi li kienu qegħdin jimblokkaw ftehim dwar is-salarju li għandhom jirċievu l-membri parlamentari kollha tal-Parlament Ewropew.

Huwa akkużahom li jridu jżommu fis-seħħ is-sistema skandaluża li hemm illum ta’ kif jitħallsu l-ispejjeż li l-membri parlamentari Ewropej jagħmlu meta jivvjaġġaw minn pajjiżhom biex imorru għal-laqgħat parlamentari fi Brussels jew Strasbourg.

Dan il-parlamentari Olandiż żvela kif, per eżempju, membru parlamentari Ġermaniż jirċievi Lm450 għall-vjaġġ minn Berlin għal Brussels, meta huwa jista’ jkun xtara biljett tal-vjaġġ li għalih ikun ħallas Lm65 biss! 

 

Dan jiġri ghax il-membri parlamentari Ewropej jingħataw bħala spejjeż l-ogħla prezz ta’ biljett “Business Class”, waqt li m’għandhomx għalfejn jipproduċu la l-biljett u lanqas ir-riċevuta tal-ħlas li fil-fatt ikunu għamlu tal-vjaġġ.

Għalhekk jista’ jagħti l-każ li membru Parlamentari jmur Brussels b’rikba f’karozza ta’ xi ħabib, jew ta’ xi membru parlamentari ieħor u xorta waħda jitħallas tal-biljett tal-vjaġġ, allavolja ma jkun ħallas xejn.

Dan ifisser li membru parlamentari Ġermaniż jista’ jagħmel profitt ta’ Lm450 fi vjaġġ wieħed biss! 

 

Issa dan tista’ tgħid li jivvjaġġa kull ġimgħa, jew kważi kull ġimgħa, għal-laqgħat tal-Parlament Ewropew.

Dan il-fatt juri x’jaqilgħu f’sens sħiħ il-membri parlamentari Ewropej mid-dħul li jiddaħħlu ta’ l-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar biss.

Il-Ħadd li għadda, f’ġurnal li joħroġ f’Malta bl-Ingliż, dehret kitba tas-Sur Rov Evers, mill-Uffiċċju Informazzjoni tal-Parlament Ewropew f’Malta. 

 

Huwa kiteb dwar l-aħħar żviluppi li kien hemm fl-Unjoni Ewropea dwar is-salarju li jirċievu l-membri tal-Parlament Ewropew.

 

Skond is-Sur Evers, jekk l-aħħar proposta tal-Parlament Ewropew li għaddiet b’maġġoranza kbira nhar is-17 ta’ Diċembru li għadda, tiġi aċċettata mill-Kunsill tal-Ministri, dan ikun ifisser li meta din il-proposta tidħol fis-seħħ, il-membri parlamentari Ewropej kollha, inklużi l-Maltin, jibdew jirċievu salarju ta’ Lm3,600 (8,500 Euro) fix-xahar, flok madwar Lm7,000 fis-sena, kif inhuma intitolati llum, jekk il-proposta ma tintlaqax.

U dan, minbarra li jirċievi l-‘allowances’ l-oħra fenominali, li diġà qiegħed jirċievi membru parlamentari Ewropew!

X’ma jiġġennux wara l-Unjoni Ewropea l-politiċi Ewropej, inklużi dawk Maltin!

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Ħamis, 15 ta’ Jannar, 2004.

<< Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ